venerdì 23 settembre 2016

Logħob u tagħlim

Forsi hawn min jaħseb li dawn iż-żewġ kelmiet huma l-kuntrarji għal xulxin, li waħda tmur kontra l-oħra li jew tilgħab jew tistudja, jew tkanta jew terfa’ s-salib. Illum il-ġurnata kemm il-logħob kif ukoll it-tagħlim inbidel minn kif kienu fi tfulitna, biss xorta t-tfal għadhom jilgħabu u xorta waħda t-tfal għadhom jitgħallmu.

Logħob antik
Bniet jaqbżu l-lasktu
Fi tfuliti l-logħob tagħna kien maqsum bejn logħob tas-subien, logħob tal-bniet u logħob ta’ kulħadd. Is-subien jilgħabu bil-karozzi, bir-rota, bl-iscooter, jilgħabu l-boċċi, filwaqt li l-bniet kienu jaqbżu l-lasktu, jilgħabu bil-pupa u l-pram jew jilgħabu ż-żibeġ. Logħob komuni li fih konna nilgħabu bniet u subien kien in-noli, cat jew ħarba. Biex tilgħab dan il-logħob trid l-ispażju, trid in-nuqqas ta’ tfixkil fit-triq. Erbgħin sena ilu qrib id-dar tagħna kellna wesgħa emormi fejn konna nistgħu niġru, nilgħabu u nistaħbew. Illum din il-fetħa kbira saret main road! Fejn tridhom jilgħabu t-tfal tat-triq illum? U biex ngħid id-dritt, illum bilkemm fadal tfal fit-triq, fejn qabel konna nkunu għexieren illum saru waħdiet.

Tagħlim
It-tagħlim tat-tfal ukoll inbidel. Illum żdied it-tagħlim u nbidlet is-sistema li biha jiġu mgħallmin it-tfal. Nemmen li fi ċkunitna t-tagħlim kien għall-ħajja u mhux għaċ-ċertifikati. Niftakar is-Sur Cardona jgħallimna minn kollox, iniżżilna l-knisja tar-raħal biex ifehmna dak li jkun hemm, joħdona xi mawra sal-Belt jew l-Imdina u jispjegalna dak kollu li nistaqsuh. L-għalliema tal-iskola primarja ta’ żmieni kienu  jgħallmuna għall-ħajja kollha. Kif inġibu ruħna quddiem persuna akbar minna, kif nużaw il-pożati fuq il-mejda, kif nimxu fit-triq meta niltagħu ma’ xi ħadd akbar minna, kif insellmu, meta nitkellmu u meta nibqgħu b’ ħalqna magħluq. Illum it-tagħlim skont il-fehma tiegħi sar biss għall-eżami, ġib il-marka, għaddi u barra bid-daqq, u sa siegħa wara l-eżami tkun insejt kollox. Dan qed ngħidu għaliex jiena kont ghadni nistudja sa ftit snin ilu u rajt id-differenza bejn l-iskola tagħna u l-iskola tal-lum.

Logħob u  tagħlim flimkien
Minkejja kollox, aħna tgħallimna wkoll. Konna nilgħabu fl-għelieqi, fil-wied, fiċ-ċimiterju u ma nafx fejn aktar. Illum it-tfal mgħobbijin wisq bl-istudju u l-logħob tagħhom sar isir dejjem taħt is-saqaf. Il-ġugarelli tat-tfal tal-lum ma għadhomx il-karozza tal-landa jew tal-plastik, il-pupa jew il-pram, lanqas għadhom il-boċċi jew iż-żibeġ imma saru t-tablet jew il-laptop. Logħob tal-informatika. Kulant meta naħseb fuq id-differenza li hemm fil-ħajja tagħna u dik ta’ uliedna, nibda nipprova nimmaġina kif sejra tkun il-ħajja ta’ ulied uliedna, nimmaġina li jibdew jgħixu f’ dinja li aħna lanqas biss nagħrfuha!

Il-logħob tagħna kien rikreattiv aktar milli edukattiv, illum it-tfal għandhom logħob edukattiv ukoll. Dan ma jfissrx li fi żmiena kollox kien bla edukazzjoni, xejn minn dan: logħba drafts jew chess trid il-ħsieb għaliha u trid tħabbel moħħok biex tilgħab u tirbaħ. Iżda llum il-logħob edukattiv huwa aktar komuni. Nara tfal żgħar bit-tablet jilgħabu logħob bi stampi u kliem. Ħaġa verament tajba għax it-tfal ikunu qegħdin jehdew u fl-istess ħin jitgħallmu kliem ġodda u b’ hekk ikabbru t-tagħrif tagħhom.

Għax mhux bil-Malti wkoll?
Il-logħba Letris
Waħda mil-logħbiet li anke jien sirt kultant nilgħab fuq it-tablet jismiha Letris. Rajt tfal jilgħabuha u tħajjart nara x’ inhi. Din hija logħba fejn ikollok għadd ta’ kaxxi b’ ittri differenti fihom.  Xogħlok huwa li tgħaqqad kliem b’ dawk l-ittri li jkun hemm fil-kaxxi, il-kaxxi jibqgħu jiżdiedu u jekk inti jirnexxielek tgħaqqad ċertu numru ta’ kliem tirbaħ, jekk ma ssibx kliem biżżejjed il-kaxxi bl-ittri jibqgħu niżlin u tispiċċa titlef il-logħba. Ħaġa interessanti f’ din il-logħba hija li tista’ tibdel il-lingwa li biha tifforma l-kliem. Tista’ ssib kliem bl-Ingliż jew bit-Taljan jew bil-Ġermaniż jew bil-Franċiż. Ovvjament ma stennejtx li nsib il-Malti mal-lista tal-għażla, biss ġieni ħsieb f’ moħħi. Kieku din il-logħba ssir verżjoni tagħha bil-Malti ma tkunx ta’ għajnuna għall-istudent Malti li llum bilkemm jaf jikteb b’ ilsien art twelidu?

Naf li aktar fażli tgħid milli tagħmel, imma ma nemminx li din hija xi ħaġa impossibbli li ssir. Pajjiżna jista’ jiftaħar li għandu persuni professjonali fil-qasam tal-informatika u għalhekk kull ma jrid isir huwa sponsor mill-gvern jew minn xi entità oħra biex proġett bħal dan iseħħ. Jekk isir software ta’ logħob bħal din bil-Malti jkun żgur ta’ għajnuna għall-istudent għaliex jekk jikteb xi kelma żbaljata din ma tkunx aċċettata mil-logħba u  għalhekk irid ifittex li jikteb kliem bla żbalji.

Forsi din hija ħolma tiegħi, ħsieb li għadda minn moħħi waqt logħba Letris. Biss ma naħsibx li hija ħolma li ma tistax issir realtà. Dan huwa każ fejn bi sfors nistgħu nilgħabu u nitgħallmu fl-istess waqt.



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Settembru 2016



Nessun commento:

Posta un commento