Hekk kif jgħaddi Awwissu u jibda Settembru bosta jibdew jaħsbu għal sena
skolastika ġdida. Il-ġenituri jaħsbu għal uliedhom ċkejknin u l-istudenti
l-kbar jaħsbu għal rashom. Settembru jista’ jkun bidu ġdid, jista’ jkun
tkomplija jew jista’ jkun ripetizzjoni, skont fejn inkunu ħallejna f’ Ġunju.
Settembru jerġa’ jibda jara t-tħabbil tal-moħħ, ġiri, privatijiet, studju u elf
ħaġa oħra.
Dari u llum
Inħoss li s-sistema edukattiva tal-lum, minkejja li qegħda tħalli aktar
persuni b’ ammont ta’ ittri wara isimhom milli kienet tħalli s-sistema li
tgħallimna fiha aħna li xellifna n-nofs seklu, ma hijiex sistema li tħejji lil dak li jkun għall-ħajja. Hija
sistema li twasslek għal ċertifikat..... imma biċ-ċertifikati biss x’ ser
nagħmlu?
Nafu li dawk li jħaddmu, ħafna drabi jitolbu li dak li jkun ikollu xi
esperejnza tax-xogħol li fih ikun sejjer jibda l-ħidma tiegħu. Imma mill-banda
l-oħra jekk l-esperejnza ma joħodiex mingħand min ser jibda jħaddem lil dak li
sal-bieraħ kien student, dan il-povru minn fejn se jġibha l-esperjenza,
minkejja l-ħemel ċertifikati li jkollu?
Ħaġa oħra li nara differenti hija
l-komportament bejn l-għalliema u l-istudenti. Fi żmienna l-għalliema kellhom lill-ġenituri
tagħna warajhom. Jekk kien ikun ħaqqna kastig konna noħduh u l-ebda ġenitur ma
kien imur għas-sodisfazzjon għand l-għalliem. Illum l-istorja nbidlet u allura
ma nagħti l-ebda tort lill-għalliema li ma għadhomx jistgħu jżommu d-dixxiplina
li kellna aħna fil-klassijiet. Illum bid-drittijiet tat-tfal intilfu
d-drittijiet tal-kbar.
Play school – Primarja –
Sekondarja eċċetra
Aħna l-Maltin immasmati bit-tagħlim tal-ulied. Kieku nistgħu lanqas
nagħtuhom ċans jilgħabu. Il-play school
għalina hija l-ewwel pass lejn l-università. Il-logħob narawh ħela ta’ ħin u
għalhekk insibu li tfal ta’ età tenera li digà bdew jitgħallmu l-alfabett,
jitgħallmu jiktbu u jaqraw, meta suppost ikunu qed jilgħabu. U xi ngħidu
għall-primarja u s-sekondarja? Donnhom li s-snin tat-tagħlim aktar ma jmur
aktar qegħdin isiru snin tqal f’ kull sens, tqal bil-piż tal-kotba u tqal
fit-tagħlim. Povri tfal!
Is-sistema tal-Finlandja
Madwar 40 sena ilu l-Finlandja biddlet is-sistema edukattiva tagħha, marret
kontra l-kurrent, marret kontra l-kumplament tad-dinja u llum nistgħu naraw
ir-riżultati tajbin ta’ din is-sistema.
F’ dan il-pajjiż it-tfal ma jmorrux skola qabel l-età ta’ 7 snin, qabel
jattendu ċentri li fihom isir biss logħob u ikel – xejn tagħlim. Fl-iskejjel
primarji la jsiru eżamijiet u lanqas jingħataw home work u wara kull tliet kwarti ta’ tagħlim it-tfal jinħarġu
kwarta rikreazzjoni. Fl-ewwel sitt snin ta’ skola it-tfal ma jiġux mistħarrġa
dwar dak li tgħallmu imma jitħallew għaddejjin ’il quddiem. L-ewwel eżami li
jagħmlu t-tfal Finlandiżi jkollhom madwar 16-il sena. Dan l-eżami jrid isir
bilfors.
It-tfal ma jiġux mifrudin skont il-kapaċitajiet tagħhom, imma jitgħallmu
lkoll flimkien, sewwwa min hu bravu kif ukoll dak li ma tantx għandu moħħu
jagħtih u għalhekk fi klassi waħda għandek issib taħlita ta’ studenti, min hu
kapaċi għal ħaġa u min hu kapaċi għal ħaġa oħra. B’ din is-sistema l-Finlandja
tonfoq 30% inqas mill-Istati Uniti fejn tidħol l-edukazzjoni. Il-Finlandja
għandha l-istess numru ta’ għalliema daqs kemm hemm fil-belt ta’ New York, fejn
hemm ħafna inqas studenti.
Dan ma jfissrix li kollox huwa ħallata ballata. Xejn minn dan, l-istudenti
jkunu qegħdin taħt għajnejn l-għalliema u dawk li jkollhom bżonn għajnuna
diretta tingħatalhom. Fil-fatt terz mill-istudenti jirċievu għajnuna diretta.
Il-klassijiet huma żgħar u għalhekk l-attenzjoni tkun akbar kemm fuq l-istudent
kif ukoll mill-istudent lejn l-għalliem. Kull għalliem ma jagħmilx aktar minn 4
sigħat konsekuttivi fi klassi u kull ġimgħa jkollu sagħtejn tal-hekk imsejjaħ
“Żvilupp professjonali”.
93% jispiċċaw b’ suċċess l-iskola sekondarja u b’ din is-sistema, 66%
tal-istudenti jaslu sal-università u jigradwaw u jkomplu għall-masters.
L-istudenti Finlandiżi huma fuq quddiem nett meta jkunu mqabblin ma’ studenti
ta’ nazzjonijiet oħrajn l-aktar fil-qasam tax-xejnza, l-qari u l-matematika.
Is-sigriet ta’ kollox
Ġewwa l-Finlandja l-għalliema huma fl-istess grad tat-tobba u l-avukati.
L-istudenti li jkunu afdati lilhom jitħallew kompletament f’ idejhom, huwa dmir
u unur tagħhom li dawn l-istudenti jagħmlu suċċess. Taħsbux li dan it-tagħrif
li wassaltilkom illum ivvintajtu minn żniedi, xejn minn dan, dan qaltuli waħda
mill-pajjiż u fittixtu fuq l-internet. Araw is-sit Smithsonian.com u ssibu aktar tagħrif flimkien ma’ stejjer ta’
suċċess li għamlet sistema edukattiva li ma baqgħetx imwaħħla ma’ dak li jagħmel
ħaddieħor, ma dak li trid id-dinja imma sistema ġdida għal kollox, sistema li
hija suċċess kbir għal min ivvintaha, għall-pajjiż li jsegwiha u
għall-istudenti li jitgħallmu fiha.
U aħna se nibqgħu mwaħħlin mas-sistma ta’ ċertifikati, ittri u numri bla
sens?
Fr Reno Muscat
Dan l-Artiklu deher f' In-Nazzjon 10 ta' Settembru 2016
Prosit!!
RispondiEliminaArgument li ta' min jahseb dwaru bis-serjeta. Prosit
RispondiElimina