Visualizzazione post con etichetta missjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta missjoni. Mostra tutti i post

venerdì 1 settembre 2023

Żgħażagħ u żgħażagħ

 

Kemm-il darba aħna l-adulti naqbdu xi argument dwar il-ġenerazzjoni ta’ warajna jew aħjar dwar iż-żgħażagħ tal-lum. Tabilħaqq li dan kulħadd żmienu jara l-isbaħ, imma wisq nibża’ li meta aħna nitkellmu dwar iż-żgħażagħ tal-lum għandna t-tendenza li naraw biss l-ikrah, li niġġeneralizzaw u li npoġġu lil kulħadd f’keffa waħda. Imbagħad taqra xi aħbar, tisma’ xi storja, tara xi fatt dwar din il-faxxa ta’ nies u bla ma trid tinduna li tkun żbaljat fil-ġudizzju tiegħek. Ikollna nammettu li mhux kollox ħażin fiż-żgħażagħ tad-dinja tal-lum. Hemm differenza kbira bejnhom u bejnna u dan narawh b’għajnejna u mmissuh b’idejna imma hemm ukoll ir-realtà li d-dinja tagħhom hija d-dinja li għaddejna minnha aħna wkoll. Jekk jiżbaljaw ikollna nammettu li aħna wkoll xi darba jew oħra żbaljajna.

Ħajja differenti

L-opportunitajiet li għandhom illum iż-żgħażagħ huma ħafna akbar minn dawk li kellna aħna. Ħa nieħdu l-eżempju tal-istudju. Min minna kien imur jistudja barra minn Malta kien jagħmel dan bi spejjeż tal-familja tiegħu. Illum mod ieħor, illum bil-pogrammi differenti li hawn, żagħżugħ jew żagħżugħa jistgħu jagħmlu parti mill-istudji tagħhom f’xi pajjiż ieħor u l-ispejjeż ma jitħallsux kollha minnhom. L-istudju barra mill-pajjiż jiftaħlek orizzonti ġodda, l-istudju f’universitajiet barra minn Malta ilaqqgħek ma’ nies mhux biss b’kulturi differenti imma b’mentalità jew twemmin differenti. Jien kont wieħed mill-ixxurtjati li studjat kważi għaxar snin f’univesitajiet barra minn Malta u nista’ ngħid li kienu snin li biddluni radikament. Trid taħdem u tistinka biex tlaħħaq għax tkun qed tistudja b’lingwa mhux tiegħek jekk xejn. Trid taddatta stil ta’ ħajja differenti għal kollox, bogħod mid-dar u mill-kumditajiet kollha li toffri l-familja. Tikber bla ma trid. Din il-ħaġa saret komuni ħafna fosti ż-żgħażagħ tagħna llum.

Dan huwa biss eżempju wieħed. Hemm ħafna aktar x’wieħed iżid.

Altruwiżmu

Kultant aħna l-kbar nikkritikaw liż-żgħażagħ. Ġieli nsejħulhom bla moħħ jew egoisti. Biss ma nistgħux niġġenerralizzaw. Dan l-aħħar waslitli l-aħbar li grupp ta’ żgħażagħ minn Ħaż-Żebbuġ marru jagħmlu xi jiem jgħinu lill-missjunarji Dumnikani fl-Albanija. L-Albanija llum mhux dik li kienet għoxrin jew ħamsa u għoxrin sena ilu, meta kienet għadha ħierġa mill-ħakma Komunista. Madanakollu hija art li fiha hemm il-missjunarji mela dan ifisser li hemm bżonn l-għajnuna b’xi mod. Dawn iż-żgħażagħ ħadmu biex faddlu l-flus għall-passaġġ u marru. Ma marrux vaganza, vaganza mmorru niddevertu mhux naħdmu! Dan huwa att ta’ altruwiżmu ta’ grupp ta’ żgħażagħ tal-lum, grupp mill-istess faxxa ta’ nies li kemm-il darba aħna l-kbar inħarsu lejhom bi prospettiva negattiva, b’nuċċali skur.

Determinazzjoni

Ejjew nibqgħu Ħaż-Żebbuġ. Dan l-aħħar żagħżugħ minn dan ir-raħal irnexxielu jasal sal-belt kapitali tal-Iżvezja Stokħolma. Forsi tgħiduli li hawn ħafna li marru jżuru din il-belt sabiħa, imma dak li huwa differenti f’din l-istorja huwa li dan iż-żagħżugħ wasal hemm fuq ir-rota. Qadef l-Italja kollha, għadda l-Awstrija u mess mar-Repubblika Ċeka biex imbagħad qadef il-Ġermanja, qasam lejn id-Danimarka u baqa’ sejjer l-Iżvezja.

Steve Zammit Lupi għamel wieħed u erbgħin jum biex wasal fejn kien determinat li jasal. Sitta u tletin jum minnhom għamilhom qdif, ħamsa minnhom mistrieħ. Għadda minn sitt pajjiżi differenti u kien jaqdef medja ta’ mija u għoxrin kilometru kuljum. Iżda darba qadef ferm aktar, għax irnexxielu jaqdef mitejn u ħdax-il kilometru.

Minbarra din il-kisba, dan iż-żagħżugħ jaħdem ħafna favur l-ambjent – ħaġa li qridna aħna l-kbar u li wirtu ż-żgħażagħ tal-lum.  Dan kollu frott tad-determinazzjoni. Sewwa jgħidu l-Ingliżi: Where there is a will there is a way!

Aktar

Semmejt biss dawn iż-żewġ fatti, imma kemm hemm oqsma oħra li ż-żgħażagħ jaħdmu fihom u forsi bla daqq ta’ trombi. Resqin lejn tmiem l-istaġun tal-festi. Forsi meta nsemmu ż-żgħażagħ u l-festi f’moħħna jiġi biss it-tbaħrid, is-sokor, forsi d-droga, id-dagħa, il-piki, it-tgħajjir u mitt ħaġa oħra, dejjem fin-negattiv. Bla ma neskludi dan kollu, inżid li ħafna xogħol fil-festi jsir miż-żgħażagħ, u mhux fejn jidħlu marċi biss, mhux fl-armar ta’ barra biss. F’bosta knejjes imnalla jkunu xi żgħażagħ li jmiddu jdejhom għall-armar. Għax ikollna nammettu, aħna kbirna u ċertu xogħol ma bqajniex tajbin għalih. Tinsiex x’jgħid il-Malti: Mal-kwaranta, ix-xitan jibda jittanta. Ma’ dan il-qawl darba smajt wieħed iżid li mbagħad maċ-ċinkwanta tibda tiżżarma. Illum naqbel miegħu. Ajma ħej, mela mas-sittin x’ġej? Imnalla jkunu ż-żgħażagħ!

Meta wieħed jieqaf u jirrifletti ftit, wara li jkun ra jew sema’ stejjer bħal dawn ikollu jammetti li tabilħaqq hawn żgħażagħ u żgħażagħ, bħalma kien dejjem, hawn it-tajjeb u hawn il-ħażin, hawn il-qamħ u hawn is-sikrana.

Fr Reno Muscat

Dan l-artriklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Settembru 2023



venerdì 5 settembre 2014

Is-safar

Fih ħafna sabiħ iżda mhux kulħadd isiefer biex igawdi


Ġieli tibda’ titkellem ma’ persuna u l-kliem jaqa’ fuq xi drawwa jew post partikolari. Ħafna drabi sitwazzjoni bħal din twassal biex nibdew nitkellmu dwar xi ħaġa li nkunu rajna jew esperjenzajna waqt xi żjara li nkunu għamilna barra minn Malta.

Safar
Biex wieħed isiefer illum sar eħfef minn qatt qabel u għalhekk is-safar żdied ħafna. Illum ma għadekx taħseb minn xi sena qabel biex tara fejn trid tmur, biex taqta’ l-biljetti, biex tikri kamra f’ lukanda, insomma fi ftit kliem biex torganizza s-safra tiegħek. Illum wieħed jidħol fuq l-internet u jara l-postijiet li jixtieq iżur, iqabbel il-prezzijet, ifittex titjiriet li jwassluh fil-post mixtieq minnu. Kollox mill-kumdità tad-dar. Jeżistu wkoll dawk imsejħin opportunitajiet tal-aħħar minuta, fejn wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ okkażjoni ta’ safra bi ftit flus imma li tkun trid tibda fi ftit sigħat. Dan it-tip ta’ safar jgħodd għal dawk avventurużi, l-aktar iż-żgħażagħ imma mhux biss. Illum hawn bosta penzjonanti li meħlusin mix-xkiel li jridu joqgħodu jitolbu jiem ta’ vaganzi mill-post tax-xogħol, isibu opportunità ta’ safra malajr malajr u joħduha.

Gruppi
Hemm imbagħad dawk li jippreferu jsiefru ma’ grupp organizzat minn xi agenzija. Dan it-tip ta’ safar kien aktar popolari xi snin ilu. Illum xorta għadhom jiġu organizzati tours, imma għandi l-impressjoni li ma’ għadhomx popolari daqs qabel. Dawn il-ġiti huma komdi għax wieħed ikollu kollox lest imma fihom l-iżvantaġġ li wieħed ma jistax imur fejn irid imma jkun marbut bil-jiem u l-ħinijiet li jkunu stabbiliti mill-organizzaturi tal-ġita. Dawn huma safriet popolari ma’ persuni anzjani jew persuni li jfittxu safra li fiha jirilassaw.

Qabel nitilqu
Tajjeb li qabel ma wieħed isiefer ifittex ftit fuq il-pajjiż li jkun ser iżur. Illum hawn bosta tagħrif fuq l-internet dwar il-pajjiżi kollha tad-dinja. B’ hekk wieħed ikun jaf xi ftit tal-istroja u tad-drawwiet kif ukoll il-postijiet l-aktar important tal-post li jkun għażel biex iqatta’ vaganza fih. Naf persuni li jġorru mappa magħhom meta jsiefru biex ikunu jafu eżatt fejn ikunu, u jimmarkaw fuqha d-data ta’ meta jkun żaru xi belt.

Sajf jew xitwa
Hawn min jgħidlek li jkun qiegħed jistenna l-vaganzi tas-sajf biex isiefer u b’ hekk jeħles għal ftit jiem mis-sħana tas-sajf Malti. Biex ngħidu d-dritt għandu mnejn isib li fil-post li jkun żar ikun hemm sħana aktar milli jkun hawn f’ pajjiżna. Is-sajf huwa l-aktar staġun popolari għas-safar, imma safra fix-xitwa għandha mnejn tkun esperjenza li ma tintesa qatt. Fix-xitwa wieħed jista jfittex pajjiżi li joffru xenarji li aħna ma nistgħu narawhom qatt f’ pajjiżna, bħal xmajjar bl-ilma għaddej fihom b’ forza tal-għaġeb, jew muntanji miksijin bis-silġ.

Xiri
Illum sirt nemmen li x-xiri waqt is-safar huwa parti mid-DNA tal-ġens Malti. Jiġu organizzati saħansitra safriet biex isir ix-xiri minn swieq kbar. U meta ma nkunux f’ xi safra organizzata għax-xiri xorta nkunu rridu nsibu fejn imbattlu ftit il-bwiet. Niskanta nara nies li meta jkunu imsiefra jidħlu fi stabilimenti li jintabu f’ pajjiżna wkoll. Stabilimenti li jkollhom l-istess prodotti u l-istess prezzijiet ta’ dawk f’ Malta. Imma nerġa’ ngħid li dak huwa d-DNA tagħna.

Safar b’ differenza
Sa issa semmejt biss safar bħala mezz ta’ serħan jew bħala divertiment imma hemm bosta safar ieħor. Minkejja li spiss nisimgħu kliem li jiddisprezza liż-żgħażagħ, u ġieli dan il-kliem ikun ġust, ma għandniex ninsew kemm żgħażagħ isiefru b’ għan nobbli. Qiegħed nirreferi għal dawk il-ħafna persuni li sena wara sena jmorru jgħinu nies fil-bżonn lil hinn minn xtutna. Tfal, zgħażagħ, adulti, anzjani, morda jew persuni bi ħtiġijiet speċjali spiss isibu l-għajnuna ta’ żgħażagħ Maltin li joffru xi żmien biex jgħinu lil dawn l-imsejknin.

Qsim il-qalb
Min jaf kemm dmugħ ixxerred minn għajnejn l-ommijiet li kienu jaraw lill-uliedhom jitilqu artna sabiex ifittxu xortihom il bogħod mill-familja. L-Awstralja, l-Amerka, il-Kanada u l-Ingilterra laqgħu eluf ta’ Maltin li marru jfittxu x-xogħol hemmhekk. Qabel ma fetħu bwiebhom dawn l-artijiet il-Maltin kienu jemegraw lejn Tuneż, l-Algerija jew pajjiżi Afrikani oħra. Dan kien tip ta’ safar li kien inikket mhux biss lil min kien jagħmlu imma wkoll lil dawk li kien jinfired minnhom.

Mhux l-ewwel darba li bdejt nitkellem ma’ xi persuni waqt xi titjira. Kemm hemm min ma jsifirx għall-gost! Ġieli tkellimt ma’ persuni li kienu sejrin iżuru xi qarib jew qariba marida u minn kliemhom tinduna li aktarx li din sejra tkun l-aħħar darba li dawn il-persuni ser jiltaqgħu. Isir ukoll safar biex dak li jkun ikun ikkurat minn xi marda li għaliha ma jkunx hemm kura Malta. Mhux safar ta’ qsim il-qalb dan ukoll?
Kultant tħares lejn is-sema u tara xi ajruplan. Għandek mnejn ma tagħtix każ jew għandek mnejn jiġrilek bħali u tgħid “Min jaf kemm hemm nies fuqu dak l-ajruplan. Min jaf għalfejn qegħdin fuqu?”


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 6 ta' Settembru 2014