Visualizzazione post con etichetta Novembru. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Novembru. Mostra tutti i post

sabato 5 novembre 2022

Requiem Aeternum

Ix-xahar ta’ Novembru jfakkarna b’mod speċjali f’dawl l-għeżież tagħna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. F’dan ix-xahar bosta jkunu dawk li jżuru l-oqbra fejn ikun hemm il-fdalijiet ta’ qrabathom jew ħbiebhom mejtin. Forsi nistaqsu x’sens fiha li żżur post fejn hemm biss fdalijiet bla ħajja? Aħna l-Insara nemmnu li l-bniedem huwa maħluq bħala ġisem u ruħ; il-ġisem li jintemm u r-ruħ li tibqa’ għal dejjem. Għalhekk inżuru l-oqbra, nixgħelu x-xemgħa u npoġġu l-fjuri għax it-twemmin tagħna jgħidilna li xi darba f’dak il-fdal ta’ taħt ix-xorok tal-qabar kien hemm ruħ li llum qed tgħix il-ħajja li għaliha nħalqet. Nemmnu wkoll li fl-aħħar taż-żminijet din ir-ruħ għad terġa’ titlibbes il-ġisem, mhux aktar dgħajjef ta’ bniedem imma ġisem glorjuż. Il-fidi Nisranija tat dimensjoni ġdida anke lill-mewt. Fil-prefazju tal-quddiesa tal-mejtin ngħidu li “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel.” Interessanti wkoll il-fatt li sa żmien il-Kristjaneżmu, il-post tad-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma ġejja mill-Grieg antik: νεκρόπολις (necropolis) li tfisser il-belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu dan il-post Ċimiterju li wkoll ġejja mill-Grieg: κοιμητήριον (koimeterion) li tfisser post fejn wieħed jorqod jew jisterieħ. Hawn naraw id-differenza mhux biss fl-isem bejn id-dinja Pagana u dik Kristjana. Din id-differenza fl-isem turi wkoll id-diffeenza fit-twemmin.

Il-qima tagħna lejn dawk li llum ma għadhomx magħna ma tieqafx biss biż-żjajjar fiċ-ċimiterji. Isir bosta talb u quddies għalihom. Il-Knisja Kattolika għandha talba speċifika għall-erwieħ, dik li nsejħulha r-Requiem Aeternum.

It-talba

It-talba għall-mistrieħ ta’ dejjem bdiet mit-tradizzjoni tal-quddiesa tal-mejtin. Din il-quddiesa kienet għal dawk kollha li mietu sew jekk tkun quddiesa ta’ funeral kif ukoll quddiesa b’suffraġġji għal ruħ xi ħadd. Illum ma għadhiex hekk. Fir-rit liturġiku qadim din il-quddiesa dejjem kienet tibda b’dan il-kliem: Requiem aeternam dona ei, Domine… Billi kienet dejjem l-istess u dejjem bil-Latin in-nies bdiet tuża dan il-kliem ukoll għat-talb għall-mejtin barra l-quddiesa wkoll. Imma issa tajjeb immorru aktar bogħod u naraw minn fejn oriġina dan l-introjtu tal-quddiesa.

Kien il-ktieb apokrafu ta’ Eżdra, sewwasew ir-raba’ wieħed, li minnu ġie meħud il-kliem ta’ dan l-introjtu. Ktieb apokrafu, jew ktieb li ma huwiex magħdud bħala parti mill-Bibbja, ma jfissirx li hu xi ktieb ħażin imma sempliċiment huwa ktieb li ma huwiex meqjus baħala l-Kelma ta’ Alla. Hemm bosta kotba apokrafi li minnhom ħadna bosta tagħrif bħal ngħidu aħna isem il-Ġenituri tal-Madonna. Ġwakkin u Anna ma nsibuhom imkien fil-kotba mqaddsa imma niltaqgħu magħhom fl-Evanġelju apokrafu ta’ San Ġakbu. Intant, waqt li l-ewwel u t-tieni ktieb ta’ Eżdra (it-tieni wieħed jissejjaħ Neħemija) huma kotba kanoniċi, li jiffurmaw parti mill-Bibbja, it-tielet u r-raba’ wieħed ma humiex.

F’dan il-ktieb insibu lill-awtur iwissi lill-poplu Lhudi biex jistenna lir-ragħaj tiegħu li ġej biex jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u d-dawl etern.

“Dan ngħidilkom o ġnus, isimgħu u ifhmu: stennew lir-ragħaj tagħkom għax huwa jagħtikom id-dawl ta’ dejjem (requiem aeternitatis), għax dak li ġej fl-aħħar taż-żminijiet huwa fil-qrib. Kunu lesti għall-premju tas-saltna għaliex id-dawl ta’ dejjem (lux perpetua) jiddi fuqkom għal dejjem.” [4 Eżdra 2:34-35]

Propju dan huwa li nitolbu fit-talba tar-Requiem Aeternum. Il-kliem requiem aeternitatis u lux perpetua juruna li din it-talba ħarġet minn dan il-ktieb li aktarx inkiteb madwar ħames mitt sena qabel Kristu.

Mistrieħ u dawl ta’ dejjem

Minkejja li t-talba għall-erwieħ għandha l-għeruq tagħha fi ktieb apokrafu hemm fejn f’kotba tal-Bibbja nsibu riferiment għal dan. Fil-Bibbja il-mewt u l-mistrieħ ta’ dejjem huma sinonimi.

Fil-ktieb ta’ Bin Sirak insibu hekk: “Aħjar il-mewt minn ħajja ta’ mrar, u l-mistrieħ ta’ dejjem minn marda għal għomrok.” [Sir:30:17]

Għall-Insara il-mewt mhix sempliċi raqda imma hija stat fejn jintemm kull uġigħ fejn wieħed jista’ jistrieħ mill-mard u l-miżerja ta’ din id-dinja.

San Pawl jgħidilna: “Għax min jidħol fil-mistrieħ ta' Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” [Lhud:4:10] Hawn forsi l-Appostlu qed jirreferi għall-mistrieħ f’Jum il-Mulej imma nistgħu nifhmu wkoll li biex wieħed jidħol fil-mistrieħ ta’ Alla jrid ikun ma’ Alla.

Fil-Ktieb tal-Għerf insibu riferiment għal Alla bħala d-dawl etern u l-għerf li huwa l-Iben: “Hu raġġ tad-dawl ta' dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta' Alla, u xbieha tat-tjieba tiegħu.” [Għerf:7:26] San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid li Alla huwa l-għajn tad-dawl: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir.” [Ġak:1:17]

Minn dan nistgħu naslu biex ngħidu li l-ġenna hija post ta’ mistrieħ u dawl. Għalhekk kull meta nitolbu għall-erwieħ inkunu qed nitolbu biex dawn jidħlu għal dejjem fil-preżenza ta’ Alla li bħalma jgħid il-Profeta Isaija: “Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek.” [Is:60:19]


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Novembru 2022



sabato 6 novembre 2021

Fix-xahar tal-erwieħ


Novembru huwa x-xahar li l-Knisja Kattolika tiddedikah lill-erwieħ, lil dawk li mietu qabilna. L-ewwel jum tax-xahar ikun iddedikat lill-qaddisin kollha, u biex wieħed ikun qaddis irid ikun temm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art, u t-tieni jum ikun marbut mal-mejtin, mal-erwieħ li għalqu għajnejhom darba għal dejjem. Biss ix-xahar kollu huwa marbut ma’ dawk li ġew imsejħa mill-Mulej u għalhekk iċ-ċimiterji jkunu aktar frekwentati. 

Biża’

Il-biża’ mill-mewt u milll-mejtin hija universali b’hekk insibuha f’ħafna mill-kulturi u fin-nies madwar id-dinja. Xi wħud jemmnu li l-mejjet għandu l-abbiltà li jintervjeni fil-ħajja tal-ħajjin biex jirranġa jew ipatti għad-dnubiet imwettqa meta kien ħaj jew biex tgħinu jeħles mill-Purgatorju billi jitolbu għalih. Il-Knisja ppruvat tħeġġeġ dan id-drawwa billi waqqfet ġurnata speċifika biex tagħmel dan, sewwasew fit-2 ta’ Novembru, l-hekk imsejjaħ Għid tal-Imwiet.

Il-lewn assoċjat mal-mewt minn dejjem kien l-iswed. Dan il-kulur huwa l-oppost tal-abjad li jfisser dawl li jġib il-ferħ. Il-Konċilju Vatikan II li sar fis-snin sittin tas-seklu li għadda, ħeġġeġ li fil-liturġija tal-funerali jibda jintuża l-lewn vjola li wkoll ifisser sogħba, niket u penitenza. Fil-fatt il-vjola huwa l-lewn liturġiku li jintuża fl-Avvent u fir-Randan, żmien li ma mhuwiex ta’ ferħ.

Imma għaliex din il-biża’ tal-bniedem mill-mewt?

Il-fatt li ħaġa ma tkun taf xejn dwarha normalment tbeżżgħek. Tifel jew tifla fl-ewwel jum tal-iskola ħafna drabi jibku għax ikunu ser jinfirdu minn dawk li jgħixu magħhom u jħossuhom żguri fil-kumpanija tagħhom. Fl-iskola ma jkunux jafu x’ser isibu, ma’ min ser jiltaqgħu, kif ser tkun il-ġurnata u għalhekk jinbet il-biża’. L-istess il-mewt. Ħafna drabi dak li jkun mhux jibża’ mill-mejjet imma jibża’ mill-fatt li hu wkoll xi darba jrid ikun bħal dik il-persuna li tkun ħelset minn dan il-wied ta’ dmugħ. Tassew ironija din li nsejħu l-ħajja wied ta’ dmugħ imbagħad ħadd ma jixtieq jitlaq minnu minkejja li ngħidu li huwa wied ta’ dmugħ!

Funerali

Ladarba qed insemmu dan ix-xahar u l-erwieħ, tajjeb insemmu xi ħaġa dwar il-funerali minkejja li dawn ma jsirux biss f’Novembru imma maul is-sena kollha. Tajjeb inżommu f’rasna li funeral huwa biss tislima xierqa li min “ġabar l-għodda” u mar jistrieħ. Allura dan ma għandux ikun spettaklu imma ritwal reliġjuż. Ġieli min ikun qed jorganizza funeral ta’ xi ħadd għażiż għalih, bix-xewqa li jagħti l-aqwa tislima aħħarija lil dak li jkun, jinsa dan u għalhekk nispiċċaw b’funerali li aktar tista’ ssejħilhom spettaklu milli tislima ta’ waqt ta’ niket.

Ġieli jkun hemm funerali li fihom fuq iz-zuntier tal-knisja tindaqq xi diska jew innu li l-mejjet jew mejta kienu jħobbu. Imma dak li hemm fit-tebut ser jisma’ d-diska? Nisperaw li jkun diġà qed jisma’ l-kori tal-anġli! Rajna aktar minn hekk u ma nixtieqx nikkummenta għax ma rridx li xi ħadd jieħu fastidu bil-kitba tiegħi.

Drawwa li kienet inqatgħet għal kollox kienet il-ġarr tat-tebut bil-karru miġbud miż-żwiemel. Għal bosta snin dawn il-karrijiet inqatgħu għal kollox imma minn xi snin ilu reġgħu ngħataw permess jintużaw. Imma llum, fis-sena 2021, kemm hu prattiku li tuża ż-żwiemel għal funeral? Ladarba hemm il-karozzi x’sens fiha li terġa’ taqla l-karru tal-mejtin miġbud miż-żiemel u tużah? Jekk dak li jkun jifhem li funeral huwa att liturġiku, żgur li ma jgħaddix minn moħħu l-ħsieb tal-karru funebri miġbud miż-żwiemel.

Ironija

Ippermettuli nsejjaħ ironija drawwa li nsibu f’pajjiżna. Biex ngħid id-dritt ma nafx hux pajjiżna biss, imma ejjew ngħidu li hija drawwa Maltija. Minkejja l-biża’ kollha mill-mewt u mill-mejtin, għad li ma nieħdux gost nitkellmu fuq suġġett bħal dan li jista’ jkun ukoll makabru, fix-xahar ta’ Novembru nsibu ħelu msejjaħ “Għadam tal-mejtin!” Naħseb ilkoll nafu għal liema ħelu qed nirreferi, dawk il-pasti qishom figolli, forma ta’ għadam miksijin b’ġelu abjad. Ikolli ngħid li għad li l-mewt tbeżża’, dan il-ħelu jħobbuh il-maġġoranza tal-Maltin.

Ironija oħra li nara hija meta xi individwi waqt li jmorru jżuru l-oqbra tal-għeżież tagħhom, jinsew li jkunu qegħdin f’post sagru, post fuq kollox komuni li fih ma tkunx waħdek. Għalhekk jistona diskors b’vuċi għolja jew għajat. Meta tmur iċ-ċimiterju baxxi s-sound!

Illum fettilli nikteb xi ħaġa li żgur li ma hijiex sabiħa jew ferriħija, imma hija realtà li lkoll kemm aħna, irridu jew ma rridux, illum jew għada rridu ngħaddu minnha. Huwa għalhekk li Novembru jfakkarna fl-erwieħ għax xi darba aħna wkoll irridu nsibu rwieħna hemm, ma’ qrabatna, ħbiebna u oħrajn li temmew il-mixja tagħhom fuq din l-art qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan  l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Novembru 2021



sabato 17 novembre 2018

Il-mewt it-tajba


Fil-ktieb tiegħi “Ritratti ta’ Tfuliti” meta kont qed nikteb dwar id-dar tagħna semmejt dan li ġej : “Il-ħitan tal-kamra tan-nanna huma miksijin bi nkwatri ta’ qaddisin. Il-wiċċ ta’ Kristu, il-mewt it-tajba u l-mewt il-ħażina u ma nafx ta’ kemm-il qaddis ieħor. L-hena tagħha jkollha dawn l-inkwatri tal-qaddisin biex iħarsuha.” (paġna 17). Il-kwadru li n-nanna kienet issejjaħ Il-mewt it-tajba kien jidher fih raġel qed imut b’saċerdot ħdejh jamministralu l-aħħar sagramenti, bil-familja ħdejh titlob u b’Ġesù u Marija jistennewh fis-sema. Ovvjament dak tal-mewt il-ħażina kien bil-kuntrarju.
Dan l-aħħar il-Papa Franġisku tkellem dwar il-mewt it-tajba fi ktieb li ppubblika x-xahar li għadda Don Marco Pozza (Marco Pozza (ed) Papa Franġisku, Ave Maria, Rizzoli, 2018)  u bla ma ridt ftakart fil-kwadru tan-nanna u f’dak li kont ktibt fil-ktieb tiegħi.

X’qal Papa Franġisku
Il-Papa Bergoglio qal li huwa għamel l-eżerċiżżju tal-mewt it-tajba u għalhekk seta’ jirrakkonta fiex tikkonsisti. Fil-prattika din hija ħaġa fejn dak li jkun jipprova jpoġġi lilu nnifsu fil-waqt meta jkun sejjer iħalli din id-dinja biex imur għall-oħra, fejn dak li jkun jimmaġina li ġismu sejjer iħalli lir-ruħ toħroġ minn ġewwa fih.

Dwar dan is-suġġett il-Papa attwali tkellem ukoll waqt waħda mill-omeliji ġewwa d-dar Santa Marta fix-xahar ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Huwa kien qal li meta wieħed jaħseb fuq it-tmiem tad-dinja u fuq it-tmiem tiegħu stess ikun qiegħed iġib quddiem għajnejh  verità li lkoll irridu ngħaddu minnha. Huwa kien qed jipprietka fuq l-Evanġelju ta’ meta staqsew lil Ġesù wara l-mewt armla li tkun iżżewġet seba’ darbiet, mart min tkun u huwa qalilhom li fil-ħajja ta’ dejjem li jżewġu u lanqas jiżżewġu. Dakinhar il-papa kien qal li ma għandniex naħsbu li diġà qegħdin fl-eternità u għalhekk qegħdin f’postna. Din hija realtà, il-punt tal-mewt irridu ngħaddu minnu kollha kemm aħna, issa jekk dan il-punt ikunx sabiħ jew ikrah jiddependi mnn kull wieħed u waħda minnha, kulħadd responsabbli għal dan il-waqt li xi darba jrid jasal għalih ukoll.

Ikollna nammettu li l-Papa għandu ħsibijiet tassew għoljin dwar dan l-argument li spiss nippruvaw naħarbu milli niddiskutu jew naħsbu dwaru!

Nibżgħu mill-mewt
Aktarx li dan il-pass ibeżża’ lil bosta minna. Forsi aktar ma nkun għadna żgħar aktar nibżgħu minn dan il-pass għax quddiemna jkollna triq twila x’nimxu u ma nkunux irridu nieqfu f’nofsha. Il-kbar aktarx ikunu aktar preparati għaliha għaliex it-triq ikunu mxew biċċa sewwa minnha u jkunu jafu li xi darba jew oħra jridu jgħaddu għal triq oħra. Imma xorta waħda ħadd ma jistenna l-mewt b’idejh miftuħa, jew normalment ħadd ma jieħu gost jiltaqa’ magħha. Ġesù stess quddiem il-mewt tbeżża’ minkejja li kien Alla magħmul bniedem. Tabilħaqq il-mewt li kien sejjer għaliha kienet waħda vjolenti, passjoni. Fl-Evanġelju skont San Ġwann insibu dawn il-kelmiet: “Missier, eħlisni minn din is-siegħa?” [Ġw:12:27].

Għalhekk il-Knisja matul ix-xahar ta’ Novembru tħeġġiġna niftakru f’ dawk li għaddew qabilna minn din id-dinja u fl-istess waqt tistedinna niftakru wkoll li xi darba aħna wkoll irridu nissieħbu ma’ dawk li mietu. Il-mewt minkejja li hija waqt li ħadd ma jistenna hija pass li lkoll irridu nagħmlu u għalhekk ma rridux ninsew li postna mhux f’din id-dinja, xi darba rridu nintemmu.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 18 ta' Novembru 2018

domenica 4 novembre 2018

Novembru: ix-xahar tal-erwieħ


Aħna l-bnedmin nafu dak li nafu għaliex xi darba nkunu staqsejna u skont it-tweġibiet li ġejna mogħtijin aħna bnejna bagalja ta’ tagħrif li biż-żmien jinbidel f’għerf.

Minn meta nibdew nużaw il-fakultà tar-raġuni hija ħaġa normali li nibdew nistaqsu: x’inhi dik il-ħaġa, għalfejn dak l-oġġett, min hu dak il-bniedem, x’jagħmel dak it-tali, kif dik u kif l-oħra. Bil-mod il-mod it-tagħrif li nkisbu jgħallimna bosta ħwejjeġ li l-ebda skola jew università ma tgħallimhom, imma nitgħallmuhom mill-università tal-ħajja. Għalhekk ngħidu spiss li l-aqwa għalliema hija l-ħajja stess.

Aħna nikbru u ninbidlu. Ma nibqgħux aktar tfal żgħar imma nsiru adolexxenti, imbgħad żgħażagħ, adulti sakemm insiru xjuħ. U qed nuża l-kelma xjuħ mhux anzjani għax minbarra li hija l-kelma tabilħaqq Maltija, fiha wkoll sens ta’ wieħed għaref. Fi żmien Kristu konna nsibu ix-xjuħ tal-poplu, dawk li saru għorrief permezz taż-żmien u forsi gradwaw mill-università tal-ħajja. Il-kelma xiħ ma hijiex kelma dispreġġjattiva, lanqas xejn imma fiha sens ta’ rispett u gratitudni lejn min laħaq mexa ftit sewwa fit-triq tal-ħajja.

Il-ħajja hija vjaġġ
San Pawl jgħidilna li “aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3, 20). Mela fi kliem ieħor postna mhux f’din id-dinja. Mela allura fejn? F’waħda mid-diski tas-snin tmenin, jidhirli tal-grupp Aerosmith, kien hemm il-kliem “Life is a journey not a destination”, toqgħodux fuqi dwar il-grupp imma ħudu s-sens ta’ din is-sentenza u qabbluha ma’ dak li qalilna San Pawl. Jidher li kemm il-qaddis kif ukoll il-kittieb tad-diska jaqblu bejniethom li bħalma jgħid il-Malti, b’riħ jew b’riefnu minn din id-dinja rridu nsiefru! Irridu jew ma rridux xi darba trid tmissna din ix-xorti wkoll. Imma fejn sa mmorru? Din hija mistoqsija li nagħmlu aħna l-kbar u li ħafna drabi nippruvaw insibu tweġiba għaliha aħna stess. Il-bniedem huwa maħluq biex jgħix u allura l-mewt tidher bħala kontradizzjoni, imma billi l-bniedem huwa annimal superjuri għax għandu parti spiritwali ġewwa fih, meta l-ġisem jintemm, dik il-parti spiritwali ma jistax ikun li tintemm, għax hija spirtu. Dik il-parti spiritwali tagħna tibqa’ tgħix għal dejjem u għalhekk min jgħid li l-bniedem jintemm fix-xejn mal-mewt, ikun qiegħed ipoġġi lill-bniedem fuq l-istess livell ta’ annimal irrazzjonali bħall-kelb, il-qattus, il-ħmar u l-qasqus. Iżda l-bniedem għax għandu parti spiritwali ġewwa fih huwa bil-wisq aqwa minn dawn l-annimali. Biss biss il-fatt li inti qed taqra dak li ktibt jiena diġà jpoġġik fi grad bil-wisq superjuri għall-annimali. Liema annimal kapċi jaqra l-gazzetta? L-ebda wieħed. Aħseb u ara jitla’ fuq il-qamar, itawwal il-ħajja bil-mediċini li jiskopri, joħloq intelliġenza artifiċali…. U nistgħu nibqgħu sejrin.

Mhux it-tmiem
Għalhekk fix-xahar ta’ Novembru niftakru fil-mejtin tagħna għax nemmnu li l-parti spiritwali li kellhom issa ħarġet mill-ġisem li kien iżommu fih u sab il-qofol, il-milja tal-eżistenza tiegħu. Ma rridx nuża kliem bħal “ruħ, ġenna, sema, salvazzjoni” eċċetra għaliex dawn huma termini purament reliġjużi, iżda l-mewt ma tmissx biss lil min jemmen, dak huwa pass li kulħadd irid jagħmlu. Temmen jew ma temminx ikollok tammetti li inti aqwa minn annimal kwalunkwe u dan għax għandek ir-raġuni li hija l-parti spiritwali ġewwa fik. Kulħadd isejħilha li jrid lil din il-fakultà, imma ħadd ma jista’ jinnega li teżisti.

Għalhekk niftakru fil-mejtin tagħna fix-xahar ta’ Novembru u nsejħulhom “erwieħ”għax nafu li minkejja li l-ġisem jitmermer u jsir trab, l-ispirtu ta’ ġol-ġisem jibqa’ għal dejjem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 4 ta' Novembru 2018


sabato 7 novembre 2015

Ix-xahar tal-erwieħ, ta’ San Martin u aktar

Għalina x-xahar ta’ Novembru huwa il-ħdax-il wieħed matul is-sena. Dan għaliex aħna nużaw il-kalendarju Gregorjan. Isem dan ix-xahar ġej mill-kelma Latina Novem li tfisser disgħa għaliex fil-kalendarju Ruman antik, Novembru kien id-disa’ xahar tas-sena. Għal bosta minna dan ix-xahar huwa marbut mal-erwieħ, ċimiterji, qraba u ħbieb mejtin, imma Novembru mhux mejtin biss.

Żjara liċ-ċimiterji
Matul dan ix-xahar jiżdiedu ħafna ż-żjajjar liċ-ċimiterji. Il-Knisja Kattolika tagħti l-indulġenza plenarja lil dawk li f’ xi jum bejn l-1 u t-8 ta’ Novembru jżur xi ċimiterju u jitlob għall-erwieħ. Iż-żjajjar liċ-ċimiterji aktarx isiru bħala rispett lejn dawk li għaddew għall-pass li jmiss qabilna. Iċ-ċimiterju huwa post għażiż ħafna għaliex nafu li hemm jinstabu l-fdalijiet tal-familjari tagħna mejtin, ta’ ħbiebna, tal-għeżież tagħna. Mhux ta’ b’ xejn li ftit ġimgħat ilu bqajna xxukkjati meta smajna b’ xi atti li ġraw fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Bilfors, hemmhekk hemm xi ħadd jiġi minna, hemmhekk kulħadd għandu lil xi qarib.

Ir-rispett lejn dawn il-postijiet ma hijiex biss minn dawk li huma Kattoliċi, imma kull tip ta’ twemmin reliġjuż għandu stima u qima lejn il-post tas-serħan.

Qabel ma beda l-Kristjaneżmu, il-post fejn kien isir id-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma li ġejja mill-Grieg, Nekros li tfisser mejjet u Polis, li tfisser belt. Il-post tad-dfin kien jissejjaħ bħala l-Belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu l-post tad-dfin Ċimiterju,li ġejja mill-kelma Griega koimetérion li tfisser post tal-mistrieħ. L-Insara biddlu anke l-ħsieb tal-mewt, fiċ-ċimiterju l-mejjet jitpoġġa għas-serħan biex jerġa’ jqum. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-qaddisin kollha u l-għada tiċċelebra l-Għid tal-imwiet. Għalhekk ix-xahar ta’ Novembru huwa magħruf minn ħafna bħala x-xahar tel-erwieħ.

Ġewż, lewż, qastan, tin
Fil-11 tax-xahar niċċelebraw il-festa ta’ San Martin ta’ Tours. Fi ċkuniti konna nistennew bil-ħerqa dan il-jum biex nirċievu borża tad-drapp mimlija b’ bosta frott frisk u frott niexef u ħbejża ċkejkna b’ lewża fuqha. Ta’ tfal żgħar konna spiss inkantaw it-taqbila popolari “Ġewż, lewż, qastan, tin; kemm inħobbu ’l San Martin!” F’ dan iż-żmien tas-sena il-frott niexef bħal ġewż, ġellewz, lewż, ġewż tal-indi, tin niexef u tin taċ-ċappa, jibda jerġa’ jidher fis-suq u għalhekk nassoċċjawh ma’ San Martin. Fl-Italja nhar San Martin jibda jinxtorob l-inbid il-ġdid, San Martino vino nuovo jgħidulek. Jgħidu wkoll A San Martino ogni mosto diventa vino jiġifieri li f’ San Martin kull meraq tal-għenba jkun sar inbid, u fil-fatt dakinhar kull familja Taljana tixtri inbid ġdid u sservih mal-ikel ta’ nofsinhar.

Is-sajf ta’ San Martin
Ladarba qed insemmu lil San Martin insemmu wkoll li hemm ftit jiem lejn nofs ix-xahar ta’ Novembru li nsejħulhom is-sajf ta’ San Martin. Illum bilkemm għadna nindunaw bil-bidla għaliex il-klima tbiddlet u kważi kważi sa nofs Novembru nkunu għadna għaddejjin bil-jiem sajfin. Iżda qabel kien mod ieħor, donnha x-xita kienet tibda lejn tmiem Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru u meta f’ nofs Novembru kienu jagħmlu xi ftit jiem bnazzi konna ngħidu li wasal is-sajf ta’ San Martin. L-Ispanjoli u t-Taljani jsejħu dan il-fenomenu bħalna filwaqt li l-Franċiżi u l-Ingliżi jsejħulu s-Sajf Indjan. Hu x’ inhu, jismu x’ jismu donnu li kulħadd jifraħ u jgawdi ftit jiem bnazzi wara li jkun beda xi ftit tal-bard. Aħna l-Maltin il-bard ikun għadu bogħod minna u għalhekk aktar nifirħu bil-borża ta’ San Martin milli bis-sajf tiegħu!

Jum ir-Radd ta’ ħajr
Ġewwa l-Istati Uniti, kull raba’ Ħamis tax-xahar ta’ Novembru jiġi ċċelebrat it-Thanksgiving day. Kien il-President Abraham Lincoln li fl-1863 iddikkjara dan il-jum bħala btala pubblika biex fiha jintradd ħajr lil Alla għall-ħsad u għall-frott li jkunu taw l-uċuħ tar-raba. Dakinhar hemm id-drawwa li jittiekel id-dundjan.

Tmiem is-sena
F’ Novembru bosta drabi tintemm is-sena liturġika tal-Knisja u fl-aħħar Ħadd tas-sena Liturġika tkun iċċelebrata l-festa ta’ Kristu Re. Din il-festa twaqqfet mill-Papa Piju XI fl-1925 u kienet tkun iċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru. Wara l-Konċilju Vatikan II din il-festa bdiet tkun iċċelebrata fi tmiem is-sena liturġika. Tmiem is-sena liturġika jfisser ukoll bidu ta’ sena liturġika ġdida. Is-sena liturġika ġdida tibda bl-Avvent li jwassalna sal-Milied.

Ma rridx ninsa ngħid ukoll li f’ Novembru wkoll niċċelebraw Jum ir-Raġel. Jekk fit-8 ta’ Marzu d-dinja tiċċelebra Jum il-Mara, fid-19 ta’ Novembru niċċelebraw Jum ir-Raġel. Mhux jum magħruf wisq, imma tal-inqas hemm jum iddedikat għalina l-irġiel ukoll. Ix-xejn xejn, anke jekk il-jum li taw lilna hu fix-xahar tal-mejtin, imma ejjew ma ngergrux, ix-xejn xejn!


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Novembru 2015.