Fil-ktieb tiegħi “Ritratti ta’ Tfuliti” meta kont qed nikteb dwar id-dar
tagħna semmejt dan li ġej : “Il-ħitan tal-kamra tan-nanna huma miksijin bi
nkwatri ta’ qaddisin. Il-wiċċ ta’ Kristu, il-mewt it-tajba u l-mewt il-ħażina u
ma nafx ta’ kemm-il qaddis ieħor. L-hena tagħha jkollha dawn l-inkwatri
tal-qaddisin biex iħarsuha.” (paġna 17). Il-kwadru li n-nanna kienet issejjaħ
Il-mewt it-tajba kien jidher fih raġel qed imut b’saċerdot ħdejh jamministralu
l-aħħar sagramenti, bil-familja ħdejh titlob u b’Ġesù u Marija jistennewh
fis-sema. Ovvjament dak tal-mewt il-ħażina kien bil-kuntrarju.
Dan l-aħħar il-Papa Franġisku tkellem dwar il-mewt it-tajba fi ktieb li
ppubblika x-xahar li għadda Don Marco Pozza (Marco Pozza (ed) Papa Franġisku, Ave Maria, Rizzoli, 2018) u bla ma ridt ftakart fil-kwadru tan-nanna u
f’dak li kont ktibt fil-ktieb tiegħi.
X’qal Papa Franġisku
Il-Papa Bergoglio qal li huwa għamel l-eżerċiżżju tal-mewt it-tajba u
għalhekk seta’ jirrakkonta fiex tikkonsisti. Fil-prattika din hija ħaġa fejn
dak li jkun jipprova jpoġġi lilu nnifsu fil-waqt meta jkun sejjer iħalli din
id-dinja biex imur għall-oħra, fejn dak li jkun jimmaġina li ġismu sejjer
iħalli lir-ruħ toħroġ minn ġewwa fih.
Dwar dan is-suġġett il-Papa attwali tkellem ukoll waqt waħda mill-omeliji
ġewwa d-dar Santa Marta fix-xahar ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Huwa kien
qal li meta wieħed jaħseb fuq it-tmiem tad-dinja u fuq it-tmiem tiegħu stess
ikun qiegħed iġib quddiem għajnejh
verità li lkoll irridu ngħaddu minnha. Huwa kien qed jipprietka fuq
l-Evanġelju ta’ meta staqsew lil Ġesù wara l-mewt armla li tkun iżżewġet seba’
darbiet, mart min tkun u huwa qalilhom li fil-ħajja ta’ dejjem li jżewġu u
lanqas jiżżewġu. Dakinhar il-papa kien qal li ma għandniex naħsbu li diġà
qegħdin fl-eternità u għalhekk qegħdin f’postna. Din hija realtà, il-punt
tal-mewt irridu ngħaddu minnu kollha kemm aħna, issa jekk dan il-punt ikunx
sabiħ jew ikrah jiddependi mnn kull wieħed u waħda minnha, kulħadd responsabbli
għal dan il-waqt li xi darba jrid jasal għalih ukoll.
Ikollna nammettu li l-Papa għandu ħsibijiet tassew għoljin dwar dan
l-argument li spiss nippruvaw naħarbu milli niddiskutu jew naħsbu dwaru!
Nibżgħu mill-mewt
Aktarx li dan il-pass ibeżża’ lil bosta minna. Forsi aktar ma nkun għadna
żgħar aktar nibżgħu minn dan il-pass għax quddiemna jkollna triq twila x’nimxu
u ma nkunux irridu nieqfu f’nofsha. Il-kbar aktarx ikunu aktar preparati
għaliha għaliex it-triq ikunu mxew biċċa sewwa minnha u jkunu jafu li xi darba
jew oħra jridu jgħaddu għal triq oħra. Imma xorta waħda ħadd ma jistenna l-mewt
b’idejh miftuħa, jew normalment ħadd ma jieħu gost jiltaqa’ magħha. Ġesù stess
quddiem il-mewt tbeżża’ minkejja li kien Alla magħmul bniedem. Tabilħaqq
il-mewt li kien sejjer għaliha kienet waħda vjolenti, passjoni. Fl-Evanġelju
skont San Ġwann insibu dawn il-kelmiet: “Missier, eħlisni minn din is-siegħa?” [Ġw:12:27].
Għalhekk il-Knisja matul ix-xahar ta’ Novembru tħeġġiġna niftakru f’ dawk
li għaddew qabilna minn din id-dinja u fl-istess waqt tistedinna niftakru wkoll
li xi darba aħna wkoll irridu nissieħbu ma’ dawk li mietu. Il-mewt minkejja li
hija waqt li ħadd ma jistenna hija pass li lkoll irridu nagħmlu u għalhekk ma
rridux ninsew li postna mhux f’din id-dinja, xi darba rridu nintemmu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 18 ta' Novembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento