Wieħed mill-aktar
postijiet popolari għall-pellegrinaġġi barra minn pajjiżna għalina l-Maltin
huwa bla dubju Lourdes, ir-raħal ċkejken fi Franza, mhux wisq imbiegħed mill-fruntiera
Spanjola, fejn Bernardette Soubirous fl-1858 kellha dehriet mill-Madonna.
Mhux sejrin
noqgħodu nirrakkuntaw l-istorja ta’ dawn id-dehriet għaliex żgur li l-biċċa
l-kbira minna nafuha sewwa, imma tajjeb ngħidu li dawn id-dehriet jew aħjar
l-ewwel dehra seħħet tliet snin, xaharejn u tliet ijiem wara avveniment Marjan
importanti ieħor. Fit-8 ta’ Dicembru 1854 il-Papa Piju IX ta lill-Knisja Kattolika
id-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Issa kull Nisrani kellu jemmen li Marija
kienet imnissla mingħajr id-dnub tan-nisel. Dan it-twemmin kien ilu bosta sekli
fil-Knisja iżda ma kienx domma ta’ fidi. F’waħda mid-dehriet li seħħew
fil-grotta ta’ Masabielle, max-xatt tax-xmara Gave, meta Bernardette staqsiet
lil dik is-sinjura li kienet qed tidhrilha min hi, x’kellha tgħid
lill-Kappillan dwar min qed jidhrilha, hemmhekk, is-sinjura qaltilha: "Que soy era Immaculada Conceptiou",
li la hija bil-Franċiż u lanqas bl-Ispanjol iżda bid-djalett li kienet tuża
Bernardette u li kienu jużaw in-nies tar-raħal ta’ Lourdes. Dan il-kliem
ikkonferma dak li kien qal il-Papa fid-domma ta’ fidi ftit snin qabel.
Din is-sena qed
niċċelebraw il-160 sena minn dawn id-dehriet. Illum nistgħu nħarsu lura u naraw
x’seħħ, x’bidliet saru f’dan il-psot u għalfejn miljuni ta’ pellegrini iżuru
dan il-post kull sena.
Il-Knisja
Kattolika taċċetta u tqis bħala awtentiċi d-dehriet li seħħew f’dan il-post.
Minkejja kollox il-Knisja ma taċettax kull miraklu ta’ fejqan li jingħad li
seħħ bl-interċessjoni tal-Madonna ta’ Lourdes. Huma madwar sebgħin il-każi ta’
nies mirakolati f’Lourdes li l-Knisja Kattolika taċċetta bħala fejqan
mirakoluż. Ħadd ma jista’ jlum lill-Knisja li toqgħod attenta u tuża prudenza
assoluta fejn jidħlu każi bħal dawn.
Pellegrinaġġ
f’Lourdes minbarra l-bosta attivitajiet liturġiċi, ikollu l-ħin biex dak li
jkun jinżel fil-banjijiet tal-ilma. Dan l-att bosta jqisuh bħala rinnovament
tal-magħmudija, iżda wieħed għandu joqgħod attent, dan ma jfissirx li hija xi
forma ta’ magħmudija. Din il-ħaġa ssir b’devozzjoni għax il-Madonna kienet
talbet lil Bernardette biex tinħasel fl-ilma tan-nixxiegħa li kienet feġġet
fl-għar tad-dehriet. Illum hemm numru ta’ banjijiet u sistema organizzata ħafna
biex il-pellegrin ikun jista’ jinżel f’banju minn dawn.
Appuntament ieħor
għal dak li jkun f’dan il-post hija l-quddiesa internazzjonali li ssir
fil-bażilika ta’ San Piju X; dik il-knisja enormi tal-konkos li tinsab taħt
l-art u li minn barra kważi lanqas tinduna biha. Filgħaxijiet, issir
il-purċissjoni bix-xemgħa. Eluf kbar ta’ pellegrini jingħaqdu flimkien biex
jirreċitaw it-talba tar-rużarju waqt li jimxu f’purċissjoni wara l-istatwa
tal-Madonna. Billi l-pellegrini f’Lourdes ikunu minn kull parti tad-dinja,
ir-rużarju jingħad b’ilsna differenti. Għalhekk mhux l-ewwel darba li meta jkun
hemm xi grupp ta’ Maltin, tisma’ parti mir-rużarju, (xi ħames Sliema u Qaddisa)
bil-Malti.
Bil-mezzi
tat-teknoloġija moderna, illum dak li jkun jista’ jara x’inhu jiġri f’Lourdes
il-ħin kollu għaliex hemm webcam fuq
l-għar tad-dehriet u s-santwarju għandu kanal fuq Youtube li jxandar dirett
lejl u nhar. Dawk li ma humiex midħla tal-informatika jistgħu xorta jsegwu
r-rużarju mill-grotta għaliex kuljum dan jixxandar fuq stazzjon
tat-televiżjoni.
U l-mistoqsija
tiegħi u forsi ta’ bosta minnkom tibqa’: Imma għalfejn Lourdes? X’hemm f’dan
il-post li tant jiġbed nies lejh? X’inhi dik il-ħaġa li meta titlaq minn hemm
tħoss x’jgħidlek: “erġa’ ejja”?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 11 ta' Novembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento