L-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, sewwasew Ħadd qabel ma jibda l-Avvent,
il-Knisja Kattolika tiċċelebra s-solennità ta’ Kristu Re. Din il-festa hija
relattivament waħda ġdida fil-Knisja Rumana għaliex fil-fatt ilha inqas minn
mitt sena li twaqqfet.
Twaqqif
Kien sewwasew il-Papa Piju XI li fil-1925 waqqaf din is-solennità. Il-Papa
ħareġ l-enċiklika bl-isem Quas primas
nhar il-11 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. L-ewwel festa ta’ Kristu Re saret
is-sena ta’ wara, nhar il-Ħadd 31 ta’ Ottubru 1926.
Għall-ewwel din il-festa kienet tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru
imma fis-snin sebgħin din bdiet issir fl-aħħar Ħadd tas-sena liturġika.
Il-ħsieb li din issir fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru kien biex solennità bħal din
tkun sewwa qabel il-festa tal-qaddisin kollha għaliex Kristu huwa tabilħaqq
ir-re tal-qaddisin kollha. Bil-bidla li saret il-Knisja riedet turi li Kristu
Re huwa dak li lejh irridu nduru fit-tmiem għalhekk il-festa tiegħu tagħlaq
is-sena liturġika.
X’kien li ġiegħel lill-Papa jistitwixxi din il-festa għandna mnejn ngħidu.
Is-sekulariżmu u l-lajkiżmu bdew ibiegħdu lill-poplu mill-Knisja. Fid-dinja
ġraw ġrajjiet li biddlu l-istorja u wiċċ id-dinja. Rivoluzzjonijiet kbar li
ħallew bosta bnedmin mejta. Kien iż-żmien ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija, żmien
fejn in-Nażiżmu u ħuh il-Faxxiżmu kienu bdew jiffjorixxu u jħallu d-duttrina
tagħhom kull fejn infirxu. Kien żmien fejn il-Marksiżmu li jara lill-istat
bħala l-ogħla istituzzjoni għall-bniedem kien rabba l-għeruq sewwa f’pajjiżi li
tradizzjonalment kienu Kristjani. Kien għalhekk li l-Papa ħaseb biex tiġi
mwaqqfa l-festa ta’ Kristu Re għaliex ħass li l-bniedem kellu jerġa’ jiftaħ
għajnejh u jara liema huwa l-vera re li fl-aħħar mill-aħħar lilu jrid jagħti
kont ta’ għemilu.
F’Malta Kattoliċissima, kif kienet sa ftit għexieren ta’ snin ilu, il-festa
ta’ Kristu Re kienet avveniment importanti fil-kalendarju tal-Knsija.
L-għaqdiet kollha kienu jieħdu sehem fil-festeġġjamenti, jew aħjar purċissjoni
li kienet issir. Illum inbidel iż-żmien u nbidel ukoll il-mod kif tkun
iċċelebrata din il-festa. Illum manifestazzjoni mhux bilfors issir ġewwa l-Belt
Valletta kif kien isir sa ftit snin ilu. Il-Knsija f’Malta għafet li
manifestazzjoni bħal dik ta’ Kristu Re tista’ ssir barra mill-Belt u fil-fatt
hekk beda jsir.
Aħna l-Maltin ukoll għandna mafkar jew monument li juri lil Kristu Re.
Fil-post magħruf bħala l-buskuttin, bejn il-Mall u dik li llum tissejjaħ Pjazza
Tritoni hemm il-mafkar li juri lil Kristu Re b’Malta għarkupptejha quddiemu,
Dan sewwasew ifakkar il-Kungress Ewkaristiku li sar f’pajjiżna fl-1913, meta
l-festa ta’ Kristu Re kienet għadha mhux imwaqqfa. Għandna wkoll parroċċa ddedikata
lil Kristu Re. Raħal Ġdid fih żewġ parroċċi imma dik l-antika hija ddedikata
lil Kristu Re. Interessanti li din il-parroċċa twaqqfet fl-1910 meta s-solennità
kienet għadha ma twaqqfitx. Iżda tajjeb ngħidu li din il-parroċċa twaqqfet
fil-knsija ta’ Santa Ubaldeska u kien snin wara li nbniet il-knisja ta’ Kristu
Re.
Illum qegħdin niċċelebraw din is-solennità u għalhekk ħsibt li jkun jixraq
li nagħti ftit tagħrif dwar it-twaqqif ta’ din il-festa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 25 ta' Novembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento