Visualizzazione post con etichetta tal-linja. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta tal-linja. Mostra tutti i post

sabato 22 ottobre 2022

Tal-linja

 

F’Ottubru tas-sena 2016 kont ktibt artiklu bl-isem: “Imwaħħlin fit-traffiku” (In-Nazzjon 15/10/2016) u sewwasew sena wara ktibt artiklu ieħor bl-isem: “Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku” (In-Nazzjon 7/10/2017). F’dawn l-artikli kont issuġġerejt li t-trasport pubbliku għandu jkun b’xejn biex forsi tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Dan l-argument kont ktibt dwaru wkoll f’Ottubru tas-sena 2015 (In-Nazzjon 17/10/2015) bl-isem: “Emerġenza traffiku” F’Marzu ta’ dik is-sena wkoll kont ktibt artiklu bl-isem: “B’tal-linja jaqbillek?” (In-Nazzjon 21/3/2015) F’dan l-artiklu kont ktibt hekk: “Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja, is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos il-velenu li joħroġ fl-arja minn dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport.” F’dawn l-artikli dejjem xerridt il-ħsieb tiegħi li jekk tal-linja tkun b’xejn il-Malti jerġa’ jibda jużaha. Issa li tabilħaqq tal-linja saret b’xejn qed niddubita kemm kelli raġun fl-argument tiegħi. Illum bdejt nemmen li l-Malti mhux talli ma jużax tal-linja kemm-il darba tkun b’xejn imma lanqas jekk tħallsu ma jirkibha!


X’inhi l-problema

Biex it-trasport pubbliku f’Malta jerġa’ jibda jintuża mill-Maltin hemm għadd ta’ problemi li jridu jiġu solvuti. L-ewwel waħda hija l-effiċċjenza. Bniedem li sejjer għax-xogħol, jew sejjer l-isptar, jew student li sejjer l-iskola jrid ikun moħħu mistrieħ li ser jasal fil-ħin. Jiddispjaċini ngħid li mill-ftit esperjenza li għandi, ġieli aktar kien jaqbilli nimxi sa fejn inkun sejjer milli noqgħod nistenna tal-linja. Kont fuq l-istage ta’ ħdejn il-kappella tal-Museum il-Blata l-Bajda. Ridt immur Ħal Qormi. It-tabella kienet turi li kellha tasal karozza fi tliet minuti. Stennejt u ma waslitx. Bqajt nistenna. Karozzi tal-linja għar-Rabat jgħaddu u lejn Ħal Qormi jew Ħaż-Żebbuġ xejn. Wara xi tliet kwarti kien hemm persuna li qaltli li mhux qed jgħaddu minn hemm għax hemm triq fil-Ħamrun magħluqa! Iva allura t-tabella tad-dawl li tindika l-wasla tal-karozzi tibqa’ tindika li se tasal karozza? Mank daqsxejn ta’ avviż? Bħal ħmar ċempilt ħabib tiegħi u tlabtu jiġi għalija u jwassalni.

Din hija problema waħda. Min jaf kemm hemm aktar.

Qabel u llum

Spiss nisma’ garr dwar is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u ħafna jgħidulek kemm konna aħjar meta konna agħar.

Sal-bidu ta’ Lulju tas-sena 2011 kellna servizz xejn professjonali imma kien jaqdina sewwa. Tmur fil-venda u ssib karozza tistenniek. Illum il-venda spiċċat u xemx jew xita jkollok tistennieha tasal, titlob li tasal fil-ħin, anzi li tasal l-ewwel ħaġa! Tidħol fl-app tat-trasport pubbliku u jgħidlek li l-karozza tasal fi ftit minuti u donnha li l-karozza tisparixxi għax ma tasal qatt. Ma nafx jekk ġrawx lili biss dawn l-affarijiet. Darba minnhom kont qed nistenna tal-linja fejn il-knisja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Kienu xil-ħamsa ta’ filgħaxija. Ridt nieqaf il-Blata l-Bajda u nimxiha sa Tal-Pietà. Wasalt fejn kelli nasal ftit wara s-sebgħa. Kien beda jroxx id-dlam! Qabel f’għoxrin minuta minn Ħal Qormi kont tasal il-Belt, illum bid-daħla fil-park and ride tal-Marsa il-ħin twal wisq. Allura min ilumu lil dak li jkun li juża l-karozza privata u tal-linja lanqas iħares lejha?

 Tal-linja l-antiki

Minkejja li l-karozzi tal-linja l-antiki kienu dawk li kienu, għadhom inisslu fina bosta memorji u nostalġija. Titla’ u ssib il-kunduttur bil-basket tal-ġild imdendel minn fuq spalltu għal ma’ ġenbu, jagħtik il-biljett, kultant ibill sebgħu f’ħalqu biex ixarrbu ftit għax il-biljett ikun weħel mal-ieħor ta’ warajh! Iġene ta’ xejn. Inti u tiela’ ssib il-kaxxa għall-biljetti użati u r-rokna tax-xufier magħluqha għaliha. Fuq din ir-rokna tax-xufier xi niċċa bis-sagra familja jew b’xi ktiba bħal ngħidu aħna Verbum Dei Caro Factum Est jew In God We Trust. Daqsxejn ta’ bozza dejjem tixgħel quddiem dik in-niċċa jew kitba. Tpoġġi bilqegħeda fuq seats xejn komdi, tiftaħ it-tieqa jew tagħlaqha jekk tħoss il-bard. Titlob lil Alla li ssib fejn tpoġġi bogħod mill-makna għax jekk ikollok tpoġġi fis-sitijiet ta’ ħdejn ix-xufier għid li se tmut bis-sħana tal-magna. Kultant jitla’ l-inspector u jitolbok il-biljett. Iqatta’ biċċa minnu biex jindika li kollox sew. Meta tasal ma kellek xejn x’jindikalek, trid tkun taf int fejn trid tieqaf, allura tqum u tiġbed l-ispaga li jkun hemm mas-saqaf tax-xarabank biex iddoqq il-qanpiena li hemm ħdejn ix-xufier. Jekk tinzerta fuq wara tal-karozza u din tkun mimlija, tiftaħ il-bieba ta’ wara, li suppost kienet tkun għal xi emergenza u taqbeż minnha.

X’differenza mill-karozzi li għandna llum! Imma naħseb li ħafna jippreferu dawk il-karozzi minn dawn tal-lum. Jekk xejn inisslu fina nostalġija.

Issa li s-servizz tal-linja sar b’xejn, nispera li jiġu rranġati xi nuqqasijiet biex tassew is-servizz pubbliku jkun għall-pubbliku kollu u kulħadd jerġa’ jibda jużah.

 

Fr Reno Muscat

 Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Ottubru 2022



sabato 17 ottobre 2015

Emerġenza traffiku

Madwar għaxar snin ilu kont nikteb fuq dan gurnal mill-belt ta' Napli fejn kont ngħix dak iz-zmien. Spiss kont insemmi dak li kont nara jew li kont inħabbat wiċċi miegħu, bħal ġlied bejn gruppi rivali tal-camorra, nies jew personaġġ li nkun iltqajt magħhom kif ukoll dwar dawk li kienu jissejħu emerġenzi tal-iskart. Illum li qiegħed ngħix Malta nħoss li għandna problema kbira li nistgħu nipparagunawha ma' emerġenza. Mhux emerġenza fejn jidħol l-iskart jew fejn għandha x' taqsam il-kriminalità imma emerġenza fit-treġġija u l-mixi tat-traffiku fit-toroq ta' pajjiżna. Dan l-aħħar din il-problema tant kibret li saret emerġenza.

Xi tfisser emerġenza?
Fl-isptarijiet ġenerali tagħna nsibu taqsima msejħa “emerġenza”. Din tilqa' fiha lil dawk li jinqalalhom xi ħaġa għallarrieda u ma jkunux jistgħu jistennew. Emerġenza hija l-kaz fejn ma tkunx tista' tistenna. F' emerġenza ma jinżammx il-kju, meta tinqala' emerġenza tal-aħħar jistgħu jiġu l-ewwel u ħadd ma jgħid xejn anzi min ikun l-ewwel jagħmel il-wisa' biex min l-aktar ikollu ħtieġa jinqeda kemm jista' jkun malajr. Din hija t-tifsira ta' “emerġenza”.

Paniku fit-toroq Maltin
Mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, dejjem jiżdied it-traffiku b' mod konsiderevoli fit-toroq tagħna. Din is-sena fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika kellna wkoll xi ftit tal-maltemp. Meta tgħaqqad kollox ma' kollox ikollna dak li kellna f' Malta ftit tal-jiem ilu, staġnar ta' traffiku, kjuwijiet twal magħmulin minn eluf ta' karozzi, nies jaslu sigħat tard fil-postijiet tax-xogħol tagħhom, sewwieqa rrabbjati, ħela ta' ħin, ħela ta' petrol, telf ta' flus, ġlied bejn is-sewwieqa, insomma jkollna paniku totali. 

Kieku din il-problema sseħħ biss meta tagħmel ix-xita ma tkunx gravi daqs kemm hi, imma dawn ix-xeni ta' traffiku enormi sirna narawhom kull filgħodu. U ara ma jiġix xi ħadd jerġa’ jgħid li din hija biss perċessjoni! Fil-każ ngħidlu jqum kmieni u joħroġ il-karozza għal xit-tmienja ta’ filgħodu. Jekk xi ħadd jerġa’ jlissen dal-kliem ikun qed jaħrab ir-realtà. Il-fatt li din il-ħaġa konna diġa ndunajna biha xi xhur ilu u issa li reġgħu bdew l-iskejjel erġajna koppi, ifisser li matul dawn ix-xhur ma sar xejn konkret biex tinstab soluzzjoni.

Rajt b'għajnejja

Qiegħed nikteb għaliex rajt b' għajnejja eluf ta' karozzi mwaħħlin fit-traffiku. Rajt serbut twil ta' karozzi li kien jibda minn taħt il-pont tal-Marsa u jibqa' sejjer sar-roundabout ta' Ħal Muxi f' Ħaż Żebbuġ. Kilometri sħaħ ta' karozzi jistennew li jimxu ftit metri. Ħaż Żebbuġ, Ħal Qormi u l-Marsa kju wieħed ma jaqta' xejn.

Għalhekk issa t-traffiku ma għadux problema imma sar emerġenza. Ma nistgħux nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. Ma nistgħux nibqgħu nħallu mil-lum għal għada. Ma nistgħux nibqgħu reqdin.

Jekk jirrezenja l-ministru
Xi wħud isostnu li l-ministru tat-trasport għandu jirreżenja minħabba din il-qagħada antipatika li għandna f’ Malta. Min ikun ilu xi siegħa mwaħħal fit-traffiku, naħseb li ma tantx ikun jxtieqlu wisq ħwejjeġ sbieħ lill-ministru. Ejjew inħallu l-politika partiġġjana 'l barra mill-argument tagħna. Jekk jirreżenja l-ministru taħsbu li se jsir miraklu u jibda' jkollna toroq ħielsa mit-traffiku? Il-problema ma tissolviex bir-riżenja imma billi naċċettaw li għandna emerġenza. Hemm bżonn inwarrbu dak li hemm fuq quddiem tal-lista u nittrattaw bis-serjetà kollha t-trasport. Mela s-soluzzjoni mhix ir-riżenja imma li jinqabad il-barri minn qrunu, jekk ikun hemm bżonn anke mill-Prim Ministru. Din il-kwistjoni għandha tkun fuq quddiem fl-aġenda tal-gvern. Hija emerġenza u għalhekk għandha taqbes lil dak li ilu jistenna imma li huwa sekondarju ħdejn dan il-fatt ta’ traffiku eseġerat.

Sussidju

Is-sussidju li l-gvern qed jagħti lill-kumpanija tat-transport pubbliku huwa aktar minn tliet darbiet dak li kienet tieħu l-kumpanija preċedenti. Tletin miljun ewro fis-sena mhix xi somma li biha tista' tmexxi l-pajjiż, imma lanqas hi karità. Wasal il-waqt li ssir evalwazzjoni tas-servizz provdut, ta' kemm il-poplu Malti qed jieħu minn dawk il-miljuni li qed jinħargu mit-taxxi tiegħu. Isir studju għalfejn il-Malti qed juża l-karozza tiegħu minflok dik tal-linja. Dan għandu jsir bla telf ta żmien. Din emerġenza oħra.

Għada agħar mil-lum
Ladarba hemm dawn l-eluf kbar ta' karozzi fit-toroq, wieħed jista' jissuspetta li l-poplu mhux moqdi sew mis-servizz tal-karozzi tal-linja. Din mhux ħaġa tal-lum imma ilna ngergru dwarha mit-3 ta' Lulju, 2011. Jidher li mill-ħażin sejrin għall-agħar. 


Kemm-il darba ktibt li personalment nara l-metrò bħala soluzzjoni għal pajjiżna. Mhux xi progett zgħir, imma jekk jibqa' ma jinbediex żgur li se nibqgħu kif aħna, anzi sejra tiżdied il-problema. Iridu jsiru mini taħt l-art, jinbnew stazzjonijiet u jrid isir bosta u bosta xogħol. Imma vjagg ta' elf mil jibda bl-ewwel pass. Jekk l-ewwel pass ma jsirx wisq u wisq inqas isir l-aħħar wieħed. L-Ingliżi jgħidu li Ruma ma nbnietx f' ġurnata. U la qed insemmu Ruma, tajjeb ngħidu li l-ewwel metrò ta' Ruma jingħad li ħadet tletin sena minn mindu bdew jaħdmu fuqha sakemm infetħet l-ewwel linja.

U aħna se nibqgħu nistennew il-bajtra taqa' f' ħalqna? Se nibqgħu fil-kju bla ma nittrattaw bis-serjetà din l-emerġenza?


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 17 ta' Ottubru 2015






sabato 19 settembre 2015

Ikona

Meta nisimgħu l-kelma ‘Ikona’ l-ewwel li tiġi f’moħħna hija dik il-pittura sagra li tirrappreżenta lil Kristu, lill-Madonna jew xi qaddis ieħor, aktarx naħsbu fil-Knisja Biżantina jew Ortodossa, xbieha mpittra fuq l-injam fuq sfont indurat bid-deheb. Ma nkunux qegħdin niżbaljaw meta naħsbu hekk għax fil-fatt il-kelma stess ġejja mill-Grieg  εἰκών  (ekon) li tfisser xbieha.

Biss illum din il-kelma għandha aktar minn sens wieħed, Min hu midħla tal-komputers jaf li l-kelma ‘Icon’ fl-informatika ma tfissirx xbieha sagra imma stampa ċkejkna li meta tagħfas fuqha tiġi esegwita ordni li tkun trid li ssir. (Min mhux midħla tal-komputers niddubita kemm fehem imma ma nafx kif nibda nfehmek aħjar sieħbi.. ħu naqra paċenzja bija!)

Ikona Mużikali 

Ikona tista’ tingħad ukoll għal xi post partikolari – dak li bl-Ingliż jissejjaħ landmark. It-torri Eiffel huwa ikona ta’ Pariġi bħalma l-Kolosew huwa ikona ta’ Ruma, jew il-Big Ben huwa ikona ta’ Londra u l-Opera House hija l-ikona ta’ Sidney. Malli tara stampa tagħhom dlonk ifakkruk fil-pajjiż bla ma jkun hemm ħtieġa ta’ kitba oħra jew spjegazzjoni.

Ikona tista’ tkun ukoll persuna. Elvis Presley u l-grupp The Beatles kienu żewġ ikoni mużikali tas-snin sittin bħalma fl-istess żmien Martin Luther King kien ikona politika. Dawn huma kollha ikoni minkejja li ma humiex xbiehat sagri.

Semjoloġija
Din il-kelma ġejja mill-kelma Franċiża sémiologie li tfisser l-istudju tas-sinjali. Bosta ħaddiema fil-qasam tar-reklamar jistudjaw din id-dixxiplina għax hija importanti ħafna biex xogħolhom ikun suċċess u jħalli l-frott mixtieq. Meta reklam tal-fwieħa jrid jagħtik l-impressjoni li dak il-prodott jintuża mill-isbaħ nisa Pariġini allura fl-isfont jurik it-torri Eiffel jew l-Arc de Triomphe – żewġ ikoni famużi tal-kapitali Franċiża. Jekk ir-reklam ikun tal-ikel aktarx li tara l-kuluri aħmar, abjad u aħdar – per eżempju riklam tal-għaġin ikun fih il-ħabaq aħdar, it-tadam aħmar u l-mozzarella bajda. Malli wieħed jara reklam bħal dan mill-ewwel jassoċja dak il-prodott mal-Italja, pajjiż magħruf għat-tjubija tal-ikel li jsir fih, fejn il-platt huwa arti – fejn il-mejda hija ikona. Rajt reklam tal-ġelat li fih kien hemm raġel bi qmis bajda bil-kaxxi ħodor riekeb mutur bil-fardal u mara riekba warajh liebsa blouse aħmar. Raġel riekeb mutur ma jistax ikun qed jiekol il-ġelat madanakollu il-kuluri tal-qmis u l-blouse flimkien mal-mutur tal-fardal (kif ukoll id-ditta tal-mutur) dlonk  ifakkruk fl-Italja u fit-tjubija tal-ġelat li nsibu f’ dan il-pajjiż.

Ikona ta' Londra
Londra
Fil-belt kapitali Ingliża insibu żewġ ikoni magħrufin mad-dinja kollha. Le ma humiex il-kaxxi tal-ittri u l-kabini tat-telefon pubbliċi għax dawk anke f’ pajjiżna nsibuhom. Qed nirreferi għal-London Cab u l-London Bus. It-taxi ta’ Londra ilha għexieren ta’ snin bl-istess forma. Il-karozzi nbiddlu imma l-forma inżammet u kull meta inbiddlu t-taxis kienu ordnati oħrajn bl-istess għamla. Illum insibu karozzi minn dawn anke b’ aċċess għal nies fuq siġġu tar-roti – u hekk għandu jkun wara kollox. Imma l-fatt hu li l-forma tat-taxi saret ikona u għalhekk baqgħet dejjem l-istess u minkejja l-esiġenzi tal-ġurnata tal-lum baqgħet xi ħaġa unika li tagħti identità lit-toroq tal-belt ta’ Londra.

Ikona oħra f’ din il-belt huma dawk il-karozzi tal-linja b’ żewġ sulari, miżbugħin ħomor, li titla’ fihom minn fuq wara tat-trakk u ssib garigor li jtellgħek fis-sular ta’ fuq. Illum karozzi double decker ma nsibuhomx biss f’ Londra. F’ pajjiżna għandna minnhom ukoll, biss xorta waħda il-London Bus hija ikona ta’ din il-belt u għalhekk l-Ingliżi ikkonservaw id-dehra tagħha.

Malta
Ikoni Maltin għandna wkoll, minkejja li ma humniex magħrufin daqs dawk li semmejt aktar  ’il fuq. Siluwett tal-Imdina hija l-isbaħ ikona ta’ Malta. Is-salib tal-Kavallieri huwa magħruf madwar id-dinja bħala s-salib ta’ Malta, għad li ma huwa Malti xejn u nsibuh f’ postijiet li m’ għandhom x’ jaqsmu xejn ma’ Malta bħall-arma tal-flotta militari Taljana.

Ikona mitlufa ta' Malta
Ikona Maltija kienu l-karozzi tal-linja antiki li kienu jaqduna sa ftit aktar minn erba’ snin ilu. Dawn insibu minjaturi tagħhom fil-ħwienet tas-souvenirs, insibu kartolini bi stampi tagħhom. Imma t-turist li jiġi Malta llum ma jafx li dawn il-karozzi kienu ikona ta’ pajjiżna u għalhekk la s-souvenir u lanqas il-kartolina ma jagħmlu sens għalih.

Ladarba kienu ordnati karozzi tal-linja ġodda, ngħid jien ma setgħux saru fuq il-forma tal-karozzi tal-linja l-antiki? Dan ma jfissirx li ma jkunux karozzi ta’ ċertu livell. Minix ngħid li l-karozzi l-ġodda jkollhom il-ħġieġ jiġri minflok l-arja kkondizzjonata. M’inix nippretendi li ma jkunx hemm post għal persuna fuq is-siġġu tar-roti imma qiegħed ngħid li l-forma ta’ barra tkun bħal dawk li kellna qabel imma b’ livell ta’ dawk li għandna llum. Forsi xi ħaġa kbira dan li qed ngħid? Londra żammew il-forma tat-taxi u tal-bus għax huma ikona ta’ belthom. Aħna li għandna mentalità ftit jew wisq Brittanika ma stajniex inżommu l-forma tat-trakkijiet tal-linja l-antiki, dawk li kienu l-ikona tagħna?


Fr Reno Muscat





Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' settembru 2015

sabato 16 maggio 2015

Etika u edukazzjoni

Etika hija kelma ġejja mill-Grieg antik li tfisser il-karattru, id-drawwiet, il-mod kif wieħed iġib ruħu. Etika hija wkoll fergħa tal-filosofia li tistudja l-morali. Mill-etika joħorġu bosta friegħi oħra bħal pereżempju il-Bioetika, li hija l-mod li wieħed għandu jġib ruħu dwar il-ħajja. Edukazzjoni jew il-verb teduka ġej mill-kelma Latina educere li tfisser toħroġ dak li hemm ġewwa. Ma tridx wisq biex tinduna li hemm rabta bejn l-etika u l-edukazzjoni.

Influwenza Brittanika
F’ pajjiżna, kull fejn iddawwar wiċċek għandek tara xi ħaġa li tfakkrek li għal 164 sena konna kolonja Brittanika. Minkejja li ftit għadhom jintuża it-telefon pubbliku, għax illum kulħadd bil-mobile, għadna naraw xi gabbana tat-telefon ħamra ’l hawn u ’l hemm. Il-kaxxi tal-posta għadhom ħomor u xi wħud minnhom għad għandhom fuqhom l-arma tar-re jew ir-reġina tal-Ingilterra. Biżżejjed tara s-sewqan tal-karozzi, insuqu fuq ix-xellug tat-triq mhux bħal bosta pajjiżi oħrajn. Kliemna fih bosta Ingliżati, mhux bi ksuħat imma għax hekk imdorrijin. In-numru tal-karozza tal-linja, in numri tat-telefon u l-prezzijiet kollha bl-Ingliż inlissnuhom. Dan ma nagħmluhx bi ksuħat imma għax hekk joħorġu b’ mod spontanju.

Xi ħbieb tiegħi, li ma humiex Maltin, spiss jiċċajtaw u jgħiduli li aħna Brittaniċi u mhux Maltin. Wieħed minnhom meta ġie l-ewwel darba Malta, ftit wara l-wasla tiegħu staqsieni fejn hu l-Big Ben għax kollox kien qisu l-Ingilterra. Ħabib ieħor qalli li ma kienx jaf li aħna nsuqu fuq “in-naħa żbaljata tat-triq”, bħalma jagħmlu fl-Ingilterra. Ċajt ħelu li jġiegħlek tifhem li hemm influwnza Brittanika qawwija f’ pajjiżna u li għandna mnejn lanqas nindunaw biha għax aħna mdorrijin fiha.

Etika Brittanika
Il-mod kif persuna Brittanika normalment iġġib ruħha nafuh sewwa u ma hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu wisq dwar il-gentleman Ingliż. Minkejja t-temprament mediterranju tagħna, minkejja li aħna l-Maltin inġenerali qatt ma lħaqna l-livell tal-gentleman Ingliż, lanqas nistgħu ngħidu li ċertu komportament ma tgħallimnihx minn dawk li mexxewna għal tant snin. Il-gentleman Ingliż jinża’ l-kappell biex isellem, il-Malti ma jġorrx kappell allura ma jistax jinżgħu, imma jaf isellem bl-akbar edukazzjoni xorta waħda. Fejn jidħol etikett fil-pubbliku ħadna ħafna mill-Ingliżi.

Fil-pubbliku
Fi ċkuniti, minkejja li ma konniex għadna kolonja, kellna bosta tagħlim dwar kif għandna nġbu ruħna fil-pubbliku. Lil min għandna nirrispettaw aktar minn ħaddieħor u ħwejjeġ minn dawn. Kienu jgħallmuna li meta tkun qiegħed tistenna fil-kju, għandek toqgħod wara min imissek. Ma nistgħux ngħidu li l-kju Malti xi darba kien perfett bħall-kju Ingliż, imma nsomma, kien hemm min jipprova. Kienu jgħidulna li jekk inkunu fuq tal-linja għandna nċedu postna lill-persuni adulti, lill-anzjani jew lin-nisa tqal.

Illum donnhom dawn id-drawwiet ma għadhomx moda f’ pajjiżna. Tkun fejn tkun, tkun ġo liema kju tkun dejjem issib lil min jipprova jaqbżek. Tkun f’ tal-linja tara anzjani bilwieqfa għax il-postijiet riservati għalihom jittieħdu minn min jiflaħ joqgħod bilwieqfa.
Ma’ każi bħal dawn iltqajt bil-bosta. Tkun tistenna tal-linja, tkun l-ewwel wieħed, tagħmel xi għoxrin minuta u tiġi tal-linja, ikun hemm post għal passiġġier wieħed u jieħdu ħaddieħor li jkun għadu kif wasal u li bil-wiċċ tost kollu jaqbżek. 

Naħseb li anke lilkom ġieli ġralkom hekk.

Maltin u barranin
Din in-nuqqas ta’ etika issir mhux biss mill-Maltin. Bosta barranin jaslu l-aħħar fuq l-istejġ u jitilgħu l-ewwel bil-konsegwenza li jkun hemm min jibqa’ l-art minkejja li jkun wasal qabilhom. Min jaħseb li qiegħed nirreferi għal barranin ta’ karaġġjon skur ikun qiegħed jiżbalja bil-kbir. Ġieli kont fuq stejġ u waqqaft lil xi persuni milli jitilgħu qabel ħaddieħor. Naf li jħarsuli bl-ikrah, imma dik hija l-ġustizzja, dik hija l-etika. Tiskanta kif anke bosta studenti Maltin saru jaġixxu b’ dan il-mod, edukazzjoni ta’ xejn.
Forsi naħsbu li huma l-Afrikani li jmorru kontra dak li aħna mdorrijin bih. Rajt jiena stess Afrikani jċedu posthom lil nies anzjani. Mhux kollha tabilħaqq, imma ma nistgħux niġġeneralizzaw. Rajt ukoll Maltin li jpoġġu fil-post riservat għall-anzjani u ma jqumux meta jkun hemm anzjan bilwieqfa.
Inħoss li f pajjiżna qegħdin nitilfu bosta u bosta minn dak li tgħallimna fi ċkunitna. Hemm bżonn ta’ edukazzjoni mill-ġdid. Hemm bżonn ta’ kampanji edukattivi biex ma mmorrux lura.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 15 ta' Mejju 2015



domenica 4 gennaio 2015

B' tal-linja



Bniedem kurjuz irid ikun avventuruz. Jekk tibza' mill-avventura tibqa' b'ghadd ta' mistoqsijiet bla risposta. Hemm bosta tipi ta' avventura. Hemm dik li tista' tpoggilek hajtek fil-periklu imma hemm dik ukoll li ma fiha l-ebda periklu ghas-sahha. Jien inhobb iz-zewg tipi ta' avventura, imma dawn l-ahhar snin donni tlaqt l-ewwel tip u zidt dik tat-tieni tip.

Kont ftit jiem Napli. Belt li naf ghax ghixt fiha ghal xi snin. Belt li nhobb! Jum minnhom kont qrib il-port u rajt il-vapuri u l-aliscafi gejjin u sejrin lejn il-gzejjer li jinsabu fil-golf ta' Napli. Capri, Procida u Ischia. Thajjart inzur Procida, l-aktar gzira qrib, imma l-moll minn fejn jitlaq il-vapur kien ftit li xejn  imbieghed. Ghalhekk qtajtha li mmur Ischia. Qtajt il-biljett ghall-aliscafo u mort. 

Ischia, nimmagina li hija xi ftit izghar minn Ghawdex. Gzira turistika bhal Ghawdex. Imma minkejja li taghmel parti mill-provincja ta' Napli, hawn issib bosta hwejjeg organizzati kuntrarjament ghall-istess servizzi li ssib Napli. Hawn ferrovija ma hawnx imma hawn servizz ta' karozzi tal-linja eccellenti. Jekk tkun sejjer xi mkien b' dawn il-mezzi ghandek il-garazija li ma ddumx tistenna aktar minn kwarta, ghax kull kwarta titlaq karozza biex taghmel ir-rotta taghha. Karozzi fuq rotot li huma aktar popolari jitilqu aktar spiss. 

Wara li dort ftit il-belt port ta' Ischia, u bla dubju ta' xejn wara li mlejt zaqqi u doqt il-limoncell bnin ta' din il-gzira, qtajt biljett ghall-tal-linja. Tlajt u tlaqna wara ftit. Kienet ir-rotta li ddawwrek mal-gzira kollha. Ma nistax nghid li kien xi vjagg twil, imma lanqas qasir. Ha b' kollox siegha u nofs u meta wiehed iqis kemm-il darba waqafna biex jitla' jew  biex jinzel xi hadd malajr tintebah li kieku ma tieqafx il-vjagg taghmlu f'inqas minn siegha. Bajjiet u bahar, gholjiet, u tlajja u nzul, u turisti telghin u nizlin mill-karozza, lukandi, ristoranti u hwienet li jbieghu ikel jew tifkiriet tal-post u kartolini u minn kollox.

Intant il-karozza ma kienitx xi wahda kbira. Fuqha hemm tlettax-il post bil-qeghda. Il-kumplament bil-wieqfa. Hemm zewg postijiet  ghall-persuni bi htigijiet specjali u hemm ukoll post ghal siggu tar-roti. Tlaqna mill-port, dorna mal-gzira kollha u ergajna lura l-port. Avventura, qalbi bdiet thabbat sitta sitta ghax kien qed joqrob il-hin li l-aliscafi jerga lura lejn Napli. Issa jekk nitlef l-aliscafi ma nafx x'naghmel. Biex tgharraqli s-sitwazzjoni il-mobile spiccatlu l-batterija. Din hija l-avventura li nhobb! Insomma l-karozza waslet il-port ftit minuti qabel ma telaq l-aliscafo lejn Napli.

U hekk ghadda dal-jum. Imma dak li rajt gieghli nahseb fuq pajjizna. Ilna nisimghu fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku. Kemm se ndumu ma nintebbhu li karozzi zghar huma sufficjenti ghall-pajjizna? Kemm-il darba naraw karozzi li jesghu 'l fuq minn erbghin ruh b'peruna wahda jew tnejn. Dan mhux hela ta' rizorsi? Wasal iz-zmien li nistuddjaw ir-rotot. Ghalfejn biex tmur minn rahal ghall-iehor trid tabilfors tmur il-belt?

Darba kont Kemmuna. Tlift ic-cwievet tal-karozza fir-ramel tal-bajja ta' San Niklaw. Kelli c-cwievet l-ohra ir-Rabat Malta. Wara li qbadt il-vapur ghac-Cirkewwa, kelli naqbad tal-linja. Meta wasalna l-Mosta rajt is-sinjal li r-Rabat kien imbieghed erba' kilometri. Imma bhal hmar kelli nidhol il-belt u naqbad karozza ohra ghar-Rabat. Kemm kont niffranka hin kieku kellu jezisti servizz bejn il-Mosta u r-Rabat. 

Ma tahsbux li wasal il-waqt li l-karozzi jkunu izghar? Ma tahsbux li kieku jkun hemm bliet u rhula maghqudin bejniethom b' servizz ta' trasport pubbliku jkun ahjar? Smajt li dalwaqt se ssir riforma fit-trasport pubbliku. Nistennew u nittamaw!

Br. Reno Muscat O.P.

Dan l-artiklu kien deher f' gurnal lokali snin qabel ma beda s-servizz tal-Arriva. 

venerdì 28 novembre 2014

Kull laqxa tirfed l-imramma

Ħsibijiet minn fuq tal-linja

Il-garr minħabba s-sigħat twal li jinħlew fit-traffiku ilna nisimgħuh. Jekk kien hawn min kien ħaseb li din hija immaġinazzjoni issa jaf li kellu żball għaliex anke l-gvern ċentrali issa ħabbar li se jipprova jaffronta din il-problema billi jistudja l-possibilità li l-karozzi li jġorru lit-tfal lejn l-iskejjel ma jkunux fit-triq fl-istess ħin li l-ħaddiema jkunu sejrin lejn xogħolhom. Ma ninsewx li t-tfal mhux kollha jaslu l-iskola bil-karozzi l-kbar imma hemm ġenituri li  jwasslu lill-uliedhom huma stess lejn l-iskola u għalhekk jekk din il-miżura jkollha sseħħ, jitnaqqsu anke karozzi privati mit-toroq waqt fil-ħin magħruf bħala rush hour.

Tal-linja
Mill-banda l-oħra nisimgħu garr minħabba n-nuqqas ta’ puntwalità fil-ħin mill-karozzi tal-linja. Irridu nżommu f’ moħħna li karozza tal-linja hija karozza bħal kull karozza oħra u ma għandiex ġwienaħ biex meta ssib it-traffiku tkun tista’ ttir. Tassew li f’ xi partijiet ta’ Malta jeżistu l-bus lanes, imma dawn ma nsibuhomx kullimkien u għalhekk f’ xi parti jew oħra tal-vjaġġ il-karozza tal-linja jkollha tistenna wara ta’ quddiemha. Meta t-toroq tagħna jistaġnaw bil-karozzi, id-dewmien fil-vjaġġ ikun għal kulħadd, tal-linja jew le.

Toroq żejda
Ladarba qegħdin insemmu l-karozzi tal-linja nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet li jiġuni meta nkun riekeb fuqhom, ħsibijiet li għandhom x’ jaqsmu ma’ dak li qegħdin nitkellmu fuqu llum, il-ħela ta’ ħin fit-traffiku. Ċerti rotot jistgħu jonqsilhom il-ħin tal-vjaġġ bi ftit ħsieb u b’ xi tibdiliet żgħar. Ħalli nagħti xi eżempji: Ir-rotta 213, li mill-Kottonera twassal għall-isptar Mater Dei, tgħaddi minn Triq Aldo Moro il-Marsa. Bħalha jgħaddu dawk il-karozzi kollha li jkunu telqu min-nofsinhar ta’ Malta u li jkunu sejrin l-isptar. Minn fejn iċ-ċimiterju tat-Torok sal-Marsa Park and Ride ma hemmx djar u għalhekk tista’ tgħid li ħadd ma jirkeb għall-isptar mill-waqfiet ta’ dawn it-toroq. Min ikun irid jidħol il-Belt jinqeda b’ numru kbir ta’ karozzi oħra li jgħaddu minn din it-triq. Allura biex jiġi evitat il-ħin, u anke d-diesel, ma jkunx jaqbel li meta dawn il-karozzi jaslu fejn iċ-ċimiterju tat-Torok, minflok jiġbdu għal Triq Aldo Moro, jiġbdu mill-ewwel għall-Park and Ride tal-Marsa?

Il-karozzi li jgħaddu mill-Mellieħa meta jaslu fejn kien hemm il-Belle View, jidħlu jduru dawra fil-Park and Ride ta’ hemmhekk. Dawra inutli li ssir kemm waqt li l-karozza tkun tielgħa lejn il-Mellieħa kif ukoll meta tkun sejra lura. Meta tkun sejra lura l-ħaġa hija agħar għax il-karozza trid taqsam it-triq darbtejn. Kieku jsiru waqfiet fuq iż-żewġ naħiet tat-triq ma niffrankawx il-ħin? U jekk niffrankaw il-ħin ma niffrankawx it-tgergir? Dawn huma biss żewġ eżempji fejn jistgħu jitqassru t-toroq, hemm ħafna oħrajn jekk wieħed joqgħod ftit jaħseb.

Ħela ta’ riżorsi
Ġejt minn ġurnata Għawdex u mort biex nirkeb miċ-Ċirkewwa għall-Belt. Sibt li kelli għażla bejn il-karozza numru 37 u dik bin-numru 41. Dawn telqu fl-istess ħin, mill-istess post u kienu sejrin jaslu wkoll fl-istess post. Il-passiggieri kollha li konna fiż-żewġ karozzi lanqas konna nimlew karozza waħda. Dan allura mhux ħela ta’ riżorsi? Kienu fit-tard dawn iż-żewġ rotot jingħaqdu u jsiru waħda jkunu ffranakati ma nafx kemm il-litru diesel, jkun iffrankat xufier kif ukoll il-wear and tear tal-karozza. Innutajt id-differenza bejn it-tfassil tar-rotot ta’ Malta ma’ dawk ta’ Għawdex. Inħoss li dawn tal-ġżira tat-tliet għoljiet huma aktar imfasslin bil-għaqal.

Paraguni
Jgħidu li l-paraguni oddjużi, imma bla ma rridu jkollna nagħmlu paraguni ma’ servizzi ta’ karozzi tal-linja barra minn Malta biex nippruvaw intejbu l-qagħda ta’ pajjiżna. Personalement l-aktar belt barranija li fiha użajt mezzi ta’ trasport pubbliku hija Ruma u għalhekk dejjem insemmi lilha. Ruma hija belt kaotika li ma tantx nistgħu nipparagonawha ma’ pajjiżna minħabba d-differenza fin-numru ta’ nies li jivjaġġaw ta’ kuljum fiha. Hemmhekk hemm faxxi ta’ ħin fejn il-karozzi tal-linja jkunu aktar frewenti. Hemm ukoll ċerti rotot li f’ xi jiem tal-ġimgħa ma jaħdmux. Hija kwistjoni ta’ pjanifikazzjoni bil-għaqal, pjanifikazzjoni li tipprova ma taħlix riżorsi u fl-istess waqt ma tħallix poplu jgorr minħabba n-nuqqas ta’ servizz.

Ma nippretendix li b’dak li qiegħed ngħid jien sejrin jissolvew il-problemi kollha tat-traffiku li jinstabu f’ pajjiżna, imma bin-naqra n-naqra nistgħu nibdew innaqqsuhom. Ma ninsewx x’ jgħid il-Malti li kull laqxa tirfed l-imramma. U għal min qatt ma sama’ dan il-qawl ngħidlu li dan ifisser li anke l-aktar ħwejjeġ żgħar jistgħu jgħinu fil-komplessità tal-oġġett, kollox għandu l-ħtieġa tiegħu anke jekk ħaġa tkun ċkejkna. 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 29 ta' Novembru 2014





domenica 10 febbraio 2013

F’ ġieħ il-qaddisin


Minn kemm ilhom li l-waqfiet tal-karozza tal-linja ingħataw l-isem, ngħid għalija dawra b’ tal-linja saret aktar interessanti. Xi wħud mill-ismijiet iġegħluk taħseb dwar minn fejn ġew, x’ kien il-bidu tagħhom, għalfejn dik il-waqfa tissejjaħ hekk. Xi ismijiet huma faċli tinduna għalfejn issemmew hekk, per eżempju “Telgħa” hija waqfa fit-triq tar-Rabat li hija tassew triq għat-telgħa, imma l-waqfa ta’ ħdejn “Telgħa” hija “Qanpiena”. Din tal-aħħar għadni sal-lum ma nafx għalfejn tissejjaħ hekk. Żgur li hemm raġuni wara dan l-isem.
Ħaġa li laqtitni f’ dawn l-ismijiet huwa li numru minnhom għandhom isem ta’ bniedem. Lieni, Ġużepp, Ġwakkin, Ġorġ, Bastjan, Gaetano, Pawlu, Geraldu u bosta oħrajn. Fil-fatt dawn kollha għandhom x’ jaqsmu ma’ postijiet li jġibu isem ta’ qaddisin. Bla ma ridt ġiet f’moħħi r-rabta kbira li għandna aħna l-Maltin mal-qaddisin. Biżżejjed niftakru li kull raħal jew belt kull sena għandha appuntament li ma jonqos qatt: il-festa tal-qaddis patrun jew patruna tagħha, anzi hemm irħula li fihom aktar minn parroċċa waħda u għalhekk fihom isiru aktar festi. U fejn ma hemmx it-tieni jew it-tielet parroċċa insibu każi fejn mill-parroċċa stess issir il-festa sekondarja. Kollox marbut mal-qaddisin.

Għandna wkoll irħula li isimhom huwa propju ta’ xi qaddis: San Ġwann, San Ġiljan, Santa Luċija, Santa Venera, San Pawl, San lawrenz. San Ġorġ għandu żewġ bajjiet u San Tumas għandu waħda wkoll. In-naħa ta’ Birżebbuġa għandna wkoll Saint Peter’s pool. Barra minn hekk bosta rħula għandhom partiijet minnhom magħrufin man-nies tal-post b’ isem ta’ qaddisin.  Ħal Qormi maqsum bejn San Ġorġ u San Bastjan. Mhux biss imma hemm u il-Vitorja kif ukoll l-erba’ qaddisin. L-isla hemm fejn San Filippu, Bormla fuq SanPawl u Santa Liena. Raħal Ġdid hemm parti msejħa Santa Ubaldeska, Ħaż Żebbuġ għandna lil San Blas, u nsomma nistgħu nibqgħu nżidu.

Niftakar li l-bużnanna tiegħi ma kienitx taf l-ismijiet tax-xhur. Għalxejn kont tgħidilha li twelidt fit-tali xahar għax ma kienetx tifhmek. Ix-xhur għaliha kienu marbutin mal-qaddisin. Għaliha Jannar kien ix-xahar tal-Istrina u Frar ta’ San Pawl. Marzu ta’ San Ġużepp u billi hi kienet Qormija (dok) April għaliha kien ix-xahar ta’ San Ġorġ. Mejju kienet issejjaħlu tal-Madonna, Ġunju tal-Qalb ta’ Ġesù. Lulju għall-bużnanna kellu żewġ ismijiet, jew ta’ Sant’ Anna imma aktar kienet issejjaħlu tal-Karmnu. Awwissu ta’ Santa Marija, Settembru tal-Vitorja u Ottubru tar-Rużarju. Ma jistax jonqos li Novembru kienet issejjaħlu tal-Erwieħ kif bosta għadhom isejħulu sal-lum u Diċembru tal-Milied. Kollox kien marbut mal-qaddisin għall-bużnanna tiegħi u għal dawk kollha bħalha li d-dinja tagħhom kienet tibda mill-bank tal-kċina tad-dar u tispiċċa sas-siġġu tal-knisja. Minbarra li x-xhur kienu marbuta mal-qaddisin anke l-jiem tal-ġimgħa kellhom qaddis jew qaddisa abinat magħhom. Ma niftakarx kollox imma niftakar li l-Ħadd huwa ta’ Alla, it-Tlieta ta’ San Duminku u l-Ħamis ta’ Santa Rita. Il-Ġimgħa tad-Duluri u s-sibt tal-Erwieħ.


Il-ħajja tal-Maltin kienet marbuta mal-ħajja tal-Knisja. Is-sena tal-kalendarju ftit li xejn kienet taffettwa lil Ċikku l-Poplu għax ħajtu kienet tinbena mas-sena liturġika: Avvent, Milied, Randan, Għid, il-festa tal-patrun u l-kumplament. Jingħad li l-qbiela tar-raba kien jitħallas nhar Santa Marija, fil-15 ta’ Awwissu allura dak li jkun ma kellux għalfejn jiftakar ix-xahar u l-jum, basta jiftakar fil-qaddisa u jiftakar li jkun imissu jħallas il-qbiela. Bħal dal-każ tal-qbiela hemm bosta każi oħrajn fejn il-festa ta’ qaddis partikolari kienet timmarka avveniment jew punt fil-ħajja ta’ dak li jkun.

Dan ma jfissirx li l-Maltin ta’ dari kienu kollha qaddisin imma juri r-rabta ta’ bejn is-soċjeta u l-Knisja. Illum bis-sekulariżmu tlifna ħafna minn dan il-patrimonju. Imma ma tlifniex kollox. Hemm xi qwiel jew idjomi Maltin li għadna nużaw li fihom jissemmew il-qaddisin. Waqt li kont fuq tal-linja naħseb fuq dak li qed nikteb illum smajt wieħed iġorr li se jdum ma jasal għax il-karozza damet iddur. Huwa qal li kien jaqbillu jmur b’ ta’ San Franġisk (jiġifieri bil-mixi). Veru trid paċenzja ta’ Ġobb! (dan ukoll qaddis). Ara aħjar nieqaf hawn li ma jmurx f’ ġieħ il-qaddisin, xi ħadd b’dak li qed ngħid jitlagħlu San Filep!

Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 7 ta' Frar 2013