Madwar għaxar snin ilu
kont nikteb fuq dan gurnal mill-belt ta' Napli fejn kont ngħix dak iz-zmien.
Spiss kont insemmi dak li kont nara
jew li kont inħabbat wiċċi miegħu, bħal ġlied bejn gruppi rivali
tal-camorra, nies jew personaġġ li nkun iltqajt magħhom
kif ukoll dwar dawk li kienu jissejħu emerġenzi tal-iskart. Illum li qiegħed ngħix Malta nħoss li għandna problema
kbira li nistgħu nipparagunawha ma' emerġenza. Mhux emerġenza fejn jidħol l-iskart jew fejn
għandha x' taqsam il-kriminalità imma emerġenza fit-treġġija u l-mixi tat-traffiku fit-toroq ta' pajjiżna. Dan l-aħħar din il-problema tant kibret li
saret emerġenza.
Xi tfisser emerġenza?
Fl-isptarijiet ġenerali tagħna nsibu
taqsima msejħa “emerġenza”. Din tilqa' fiha lil
dawk li jinqalalhom xi ħaġa għallarrieda u ma jkunux
jistgħu jistennew. Emerġenza hija l-kaz fejn ma tkunx tista' tistenna. F' emerġenza
ma jinżammx il-kju, meta tinqala' emerġenza
tal-aħħar jistgħu jiġu l-ewwel u ħadd ma jgħid xejn anzi
min ikun l-ewwel jagħmel il-wisa' biex min l-aktar ikollu ħtieġa jinqeda kemm jista'
jkun malajr. Din hija t-tifsira ta' “emerġenza”.
Paniku fit-toroq Maltin
Mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, dejjem
jiżdied it-traffiku b' mod
konsiderevoli fit-toroq tagħna. Din is-sena fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika
kellna wkoll xi ftit tal-maltemp. Meta tgħaqqad kollox ma' kollox ikollna dak
li kellna f' Malta ftit tal-jiem ilu,
staġnar ta' traffiku,
kjuwijiet twal magħmulin minn eluf ta' karozzi, nies jaslu sigħat tard fil-postijiet
tax-xogħol tagħhom, sewwieqa rrabbjati, ħela ta' ħin, ħela ta' petrol, telf ta' flus, ġlied bejn is-sewwieqa, insomma
jkollna paniku totali.
Kieku din il-problema sseħħ biss meta tagħmel
ix-xita ma tkunx gravi daqs kemm hi, imma dawn ix-xeni ta' traffiku enormi sirna
narawhom kull filgħodu. U ara ma jiġix xi ħadd jerġa’ jgħid li din hija biss
perċessjoni! Fil-każ ngħidlu jqum kmieni u joħroġ
il-karozza għal xit-tmienja ta’ filgħodu. Jekk xi ħadd jerġa’ jlissen dal-kliem
ikun qed jaħrab ir-realtà. Il-fatt li din il-ħaġa konna diġa ndunajna biha xi
xhur ilu u issa li reġgħu bdew l-iskejjel erġajna koppi, ifisser li matul dawn
ix-xhur ma sar xejn konkret biex tinstab soluzzjoni.
Rajt b'għajnejja
Qiegħed nikteb għaliex rajt b' għajnejja eluf ta' karozzi mwaħħlin fit-traffiku. Rajt serbut twil ta' karozzi li kien jibda minn taħt il-pont tal-Marsa u jibqa' sejjer sar-roundabout ta' Ħal Muxi f' Ħaż Żebbuġ. Kilometri sħaħ ta' karozzi jistennew li jimxu ftit metri. Ħaż Żebbuġ, Ħal Qormi u l-Marsa kju wieħed ma jaqta' xejn.
Għalhekk issa t-traffiku
ma għadux problema imma sar emerġenza. Ma nistgħux nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. Ma nistgħux
nibqgħu nħallu mil-lum għal għada.
Ma nistgħux nibqgħu reqdin.
Jekk jirrezenja l-ministru
Xi wħud isostnu li l-ministru tat-trasport
għandu jirreżenja minħabba din il-qagħada antipatika li
għandna f’ Malta. Min ikun ilu xi
siegħa mwaħħal fit-traffiku, naħseb li ma tantx ikun jxtieqlu wisq ħwejjeġ sbieħ lill-ministru. Ejjew inħallu l-politika
partiġġjana 'l barra mill-argument tagħna. Jekk jirreżenja l-ministru taħsbu li
se jsir miraklu u jibda' jkollna toroq ħielsa mit-traffiku? Il-problema ma tissolviex bir-riżenja imma billi naċċettaw
li għandna emerġenza. Hemm bżonn inwarrbu dak li hemm fuq quddiem tal-lista u nittrattaw
bis-serjetà kollha t-trasport. Mela
s-soluzzjoni mhix ir-riżenja imma li jinqabad il-barri minn qrunu, jekk ikun hemm bżonn anke mill-Prim Ministru. Din il-kwistjoni għandha tkun fuq quddiem
fl-aġenda tal-gvern. Hija emerġenza u għalhekk għandha taqbes lil dak li ilu
jistenna imma li huwa sekondarju ħdejn dan il-fatt ta’ traffiku eseġerat.
Sussidju
Is-sussidju li l-gvern qed jagħti lill-kumpanija tat-transport pubbliku huwa aktar minn tliet darbiet dak li kienet tieħu l-kumpanija preċedenti. Tletin miljun ewro fis-sena mhix xi somma li biha tista' tmexxi l-pajjiż, imma lanqas hi karità. Wasal il-waqt li ssir evalwazzjoni tas-servizz provdut, ta' kemm il-poplu Malti qed jieħu minn dawk il-miljuni li qed jinħargu mit-taxxi tiegħu. Isir studju għalfejn il-Malti qed juża l-karozza tiegħu minflok dik tal-linja. Dan għandu jsir bla telf ta żmien. Din emerġenza oħra.
Għada agħar mil-lum
Ladarba hemm dawn l-eluf kbar ta' karozzi fit-toroq, wieħed
jista' jissuspetta li l-poplu mhux moqdi sew mis-servizz tal-karozzi tal-linja.
Din mhux ħaġa tal-lum imma ilna ngergru dwarha mit-3 ta' Lulju, 2011. Jidher li
mill-ħażin sejrin għall-agħar.
Kemm-il darba ktibt li personalment nara l-metrò bħala
soluzzjoni għal pajjiżna. Mhux xi progett zgħir, imma jekk jibqa' ma jinbediex żgur
li se nibqgħu kif aħna, anzi sejra tiżdied il-problema. Iridu jsiru mini taħt
l-art, jinbnew stazzjonijiet u jrid isir bosta u bosta xogħol. Imma vjagg ta'
elf mil jibda bl-ewwel pass. Jekk l-ewwel pass ma jsirx wisq u wisq inqas isir
l-aħħar wieħed. L-Ingliżi jgħidu li Ruma ma nbnietx f' ġurnata. U la qed
insemmu Ruma, tajjeb ngħidu li l-ewwel metrò ta' Ruma jingħad li ħadet tletin
sena minn mindu bdew jaħdmu fuqha sakemm infetħet l-ewwel linja.
U aħna se nibqgħu nistennew il-bajtra taqa' f' ħalqna? Se
nibqgħu fil-kju bla ma nittrattaw bis-serjetà din l-emerġenza?
Fr Reno Muscat
Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 17 ta' Ottubru 2015
Nessun commento:
Posta un commento