Meta ngħidu
l-kelma “modifika” dlonk nassoċjawha ma’ xi bidla. Timmodifika dar u tagħmilha
aktar komda, timmodifika xi lbies, bħal ittella’ il-keffa ta’ qalziet: modifika
tfisser tibdel il-mod jew il-forma ta’ oġġett biex tagħmlu aktar adatt
għall-ħtieġa tiegħek. Il-kelma “ġenetika”ma aħniex daqstant familjari magħha,
imma lanqas hija għal kollox ġdida għalina. L-ewwel ktieb tal-Bibbja jismu
l-Ġenesi, hemm xebħ bejn dawn iż-żewġ kelmiet għax ġejjin minn kelma waħda
Griega li tfisser l-oriġini, il-bidu ta’ xi ħaġa. Il-ġenetika hija wkoll
sinonimu mal-kelma xjentifika gene li
wkoll ġejja minn kelma Ġriega li tfisser razza jew ġenerazzjoni. Mela meta
nsemmu l-ġenetika nkunu qegħdin nirreferi għall-oriġini ta’ xi razza. Meta
nagħqdu ż-żewġ kelmiet flimkien inkunu qegħdin ngħidu li fl-oriġini ta’ xi ħaġa
tbiddel xi proċess sabiex l-oġġett finali jkun aktar utli jew komdu għalina.
Genetically modified food
Illum għandna
bosta ikel li ġie mmodifikat ġenetikament, bħalma huma tipi ta’ ross, patata,
tadam, piżelli jew qamħirrun. Ikel bħal dan huwa reżistenti għal tipi ta’ mard
li normalment jolqot il-prodott. Barra minn dan il-vantaġġ hemm ukoll
il-vantaġġ li dawn il-prodotti jkollhom
ammont ikbar ta’ nutrimenti kif ukoll jikbru fi żmien iqsar mill-prodotti normali.
Xi annimali
tal-ikel, bħal tiġieġ, ukoll jistgħu jkunu suġġetti għal modifikazzjoni
ġenetika. Saru esperimenti fejn tfaqqsu tiġieġ b’ erba’ saqajn jew tiġieġ bla
rix. Kollox marbut mal-modifika tal-bidu. Biss mhux kull ma jleqq hu deheb,
prodotti bħal dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għalhekk
hemm regoli li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor dwar ikel genetikament modifikat.
L-Unjoni Ewropeja hija l-aktar entità iebsa fejn jidħol dan it-tip ta’ ikel u
kull prodott huwa eżaminat għalih waħdu u approvat mill-European Food Safety Authority.
Ix-xjenza ma tafx tieqaf
Ix-xjenza tibqa’
għaddejja bil-progress u l-iskoperti tagħha, iżda kultant tinsa li hemm etika
f’ kollox. Dixxiplina mingħajr morali, bla etika, tispiċċa tikkontradixxi lilha
nnifisha. Sfortunatament kull ma jmur qegħdin dejjem nisimgħu b’ dawn
il-kontradizzjonijiet. Kien għalhekk li twieledt il-bioetika, biex iżżomm
il-morali fil-qasam tax-xjenza medika u fejn tidħol il-ħajja umana.
Il-kontradizzjoni tinstab meta x-xjenza toħloq mezzi biex minflok ittawwal
il-ħajja umana, toffri l-qerda tagħha. Dan huwa argument li jekk wieħed jibda
jitrattah mhux il-versi ta’ din il-paġna jimla iżda l-paġni kollha ta’ dan
il-ġurnal, mela aħjar ma nibdewx!
Qegħdin nisimgħu
li sa ftit deċenjin oħra jkollna t-trabi modifikati ġenetikament. Immaġina li
inti trid tixtri karozza. X’ tagħmel? Tmur għand l-aġent u tara x’ tixtieq int u
tara x’ għandu x’ joffri l-aġent. Tiftaħ il-katalgu u tibda tara jekk
il-karozza tridhiex bl-aircondition,
tridx electric windows, central lock, roti wiesgħin, airbags, power steering u l-extras kollha. Tara l-but tiegħek kemm jiflaħ u
tordna dak li trid. Skont ma tordna tieħu. L-ulied jistgħu jibdew ikunu
“ordnati” hekk ukoll, tmur għand it-tabib u tara l-katalgu, tara xagħaru tridux
iswed, qastni jew isfar, għajnejh hux ċari jew skuri, hux twil jew qasir, hux
oħxon jew irqieq, u fuq kollox hux intelliġenti jew le. Ladarba l-għażla tkun
f’ idejna ovvjament sejrin nagħżlu l-aħjar u b’ hekk ikollna ġenerazzjoni ta’
nies sbieħ, twal u mislutin, fiżikament b’ saħħithom, u xagħarhom la jibjad u
lanqas jaqa’. Ovvajment din il-ġenerazzjoni tkun kollha intelliġenti, anzi
intelliġentissima għax la ser nimmodifikaw il-bidu tal-ħolqien ta’ uliedna
naraw li nagħtuhom l-aħjar li nsibu fis-suq. Daqslikieku ser nixtri karozza,
ladarba se nixtri, nixtri b’ full extras.
Problemi moħbija
Mhux ħaġa ħażina
li jkollok ġenerazzjoni ta’ nies intelliġenti, imma dan il-fatt fakkarni fi
proverbu li darba kont smajt min fomm bidwi xiħ. Dan il-bidwi kien qalli “Jekk
jien amir u int amir, min se jsuqhom il-ħmir?” Jekk kulħadd ikun kapaċi jagħmel
il-pastizzi, min fejn ser nixtru l-ħobż?
It-tfittxija ta’
razza pura ma hijiex xi ħaġa tal-lum. Fis-snin tletin tas-seklu li għadda
inbdiet it-teorija tar-razzez. L-Arjani kienu meqjusin bħala r-razza pura u
Hitler ħadem kemm felaħ biex jipprova jrawwem ġenerazzjoni ta’ puri, ta’ nies
twal għajnejhom sbieħ, b’ saħħithom, ta’ karanġġjon ċar – insomma f’ kelma
waħda pupi. Imma x’ ġara? Il-kotba tal-istorja jwieġbu din il-mistoqsija.
Il-kotba tal-istorja ma jigdbux, ma jistgħux jigdbu minkejja li hawn min
jipprova jinnega dak li seħħ.
Jien m’ inix
profeta, imma inxomm problemi kbar jekk lil uliedna nibdew nordnawhom minn fuq
il-katalgu. L-ulied huma rigal, jekk nibda nixtrihom kif irrid jien ma jibqgħux
rigal imma jsiru oġġett. Uliedi jsiru daqs il-karozza li għandi fil-garage,
daqx il-makna tal-ħasil li għandi fil-kamra tal-bejt, daqs kwalunkwe oġġett
ieħor li nkun xtrajt mill-katalgu. U jekk uliedu jkunu oġġett, inkun nista’
nibdilhom bħal meta nibdel il-karozza jew il-makna tal-ħasil? Din hija l-mistoqsija,
din hija l-problema moħbija.
Fr Reno Muscat
Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Ottubru 2015
Nessun commento:
Posta un commento