sabato 10 ottobre 2015

Stat - Knisja / Knisja – Stat

Is-snin sittin tas-seklu li għadda kienu snin ta’ bidla kbira, kemm fix-xena lokali u aktar u aktar f’ dik internazzjonali. F’ pajjiżna ħafna drabi l-bidliet iseħħu minħabba xi taqlib lil hinn minn xtutna. Dak li jseħħ barra pajjiżna ikebbes xrara f’ parti mill-Maltin u dawn jibdew jirsistu biex f’ pajjiżna sseħħ din il-bidla wkoll.

L-akbar bidla li seħħet fi gżiritna f’ dawk is-snin kienet il-kisba tal-indipendenza mir-Renju Unit. Anke f’ dan il-każ kien hemm xrara li tkebbset f’ qalb xi Maltin biex pajjiżna jkun nazzjon sovran. Ir-Renju Unit kien ilu mis-snin ta’ wara l-gwerra jċedi artijiet u pajjiżi li kienu ilhom kolonji tiegħu għal bosta sekli. F’Malta, xejn inqas minn pajiżi oħra, nibtet ix-xewqa li ssir din il-bidla fondamentali.

Knisja Kattolika
Waħda mill-istituzzjonijiet l-aktar b’ saħħithom u l-aktar influwenti f’ pajjiżna hija bla dubju ta’ xejn il-Knisja Kattolika. Fis-snin sittin l-influwenza tal-Knisja kienet bil-wisq akbar minn dik li għandha llum u dan mhux f’ Malta biss imma fid-dinja kollha. Madanakollu dawk is-snin kienu wkoll snin ta’ bidla għall-Knisja. Kienu snin li fihom sar il-Konċilju Vatikan II li biddel tista’ tgħid b’ mod radikali il-wiċċ tal-Knisja. Saret aktar knisja kariżmatika u l-lajċi bdew ikunu iċ-ċentru tal-attenzjoni. Spiċċa ż-żmien ta’ papiet b’ poteri mondani u l-Knisja bdiet ikollha papiet tassew qaddejja tal-qaddejja ta’ Alla - Servus Servorum Dei.

Ejjew inħallu barra l-kwistjoni politiko-reliġjuża li kien hawn f’ pajjiżna dwk is-snin, u ngħidu li l-Knisja f’ Malta wkoll ftit ftit bdiet tiltlef is-supremazija li kienet tgawdi għal sekli sħaħ. Issa kien wasal il-waqt li tagħmel pass il quddiem u tabbanduna ċerti ideat u tgħaddi għat-tiġdid propost mill-konċilju. Sa dawk is-snin l-identità Maltija kienet magħġuna mal-Knisja Kattolika. Lanqas kont timmaġina Malti jew Maltija li ma jkunx Nisrani. Bil-mod il mod għaddejna minn din ir-realtà u llum insibu Maltin li jappartenu għal xi fidi li ma hijiex dik Kattolika.

Stat lajk
Minkejja li l-Kostituzzjoni Maltija tgħid ċar u tond li Ir-reliġjon ta’ Malta hija r-Reliġjon Kattolika Apostolika Rumana (2: I) u li l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika Apostolika Rumana għandhom id-dmir u l-jedd li jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena (2: II), l-Istat Malti ma huwiex stat kjerikali imma wieħed lajk. Il-kelma lajk f’ sens politiku u soċjali turi l-awtonomija ta’ persuna jew grupp ta’ persuni minn xi ideoloġija morali, politika jew reliġjuża. Il-kostituzzjoni tagħna tgħid ukoll li Il-persuni kollha f’Malta għandu jkollhom libertà sħiħa ta’ kuxjenza u jgawdu l-eżerċizzju liberu tal-mod rispettiv tagħhom ta’ qima reliġjuża. (40: I). Hawnhekk qegħdin naraw li l-Istat Malti minkejja li jgħaraf il-fidi Kattolika bħala dik uffiċċjali tal-pajjiż, xorta hemm lok għal min ma jappartjenix għall-Knisja. Dan huwa dritt fundamentali f’ nazzjon demokratiku. Fil-medjuevu u wara, kien ikun il-monarka li jagħżel liema fidi jipprattika il-poplu tiegħu. Ir-revoluzzjoni Franċiża biddlet din il-prattika wkoll u bdiet isseħħ is-separazzjoni tal-knisja mill-istat u tal-istat mill-Knisja
.
Politika ta’ kulħadd
Il-gvern fi kwalunkwe pajjiż irid ikun gvern li jaqdi il-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha. Pajjiżna mhux eċċezzjoni. Ir-realtajiet ta’ pajjiżna llum huma differenti għal kollox minn dawk tas-snin sittin. Illum il-politiku jrid joffri opportunitajiet lil dawk li ma humiex mal-maġġoranza. Pajjiżna ma nistgħux ngħidu li l-minoranzi huma minsijin, anzi f’ dawn l-aħħar snin saru passi kbar u personalment naħseb li ġrejna u mhux imxejna ’l quddiem. Forsi kultant ġrejna qabel ma tgħallimna nimxu sew.

Knisja li titkellem
F’ ċerti każi il-progress tal-pajjiż ikun imur kontra l-morali li tgħallem il-Knisja Kattolika. Ma nistennewx li l-Knisja tkun favur id-divorzju jew favur l-unjoni ċivili, dawn imorru kontra t-tagħlim tagħha u għalhekk titkellem. Bosta nies jippretendu li l-Knisja tibqa’ muta quddiem liġijiet li jmorru kontra t-tagħlim tagħha imma l-Knisja hija obbligata titkellem, il-missjoni tal-Knisja hija li twissi u tgħallem. Imma billi twissi u tgħallem ma jfissirx li ser iżomm milli jgħaddu xi liġijiet. Għalhekk huwa żbaljat meta jkun hawn minn jippretendi li l-Knisja tibqa’ b’ fommha sieket quddiem proposti li jmorru kontra t-tagħlim tagħha. Hija twissi għax dak xogħolha, imbagħad agħmel int! Illum hemm separazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat, imma ma jfissirx li ħadd ma jista’ jikritika jew iwissi lill-parti l-oħra.

Knisja u Stat jimxu fuq żewġ binarji ħafna drabi simili għax jaqdu l-istess nies, imma billi huma simili ma jfissirx li huma identiċi. Il-knisja toffri servizzi li llum anke l-istat joffrihom u dawn is-servizzi jirċievuhom l-istess faxxa ta’ nies ħafna drabi, biss hemm min ma jidħolx fix-xibka u għalhekk mhux sew li jibqa’ barra. Għal dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jappartjenux għall-Knisja, għalihom hemm l-istat li hu obbligat li jaqdihom ukoll.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 10 ta' Ottubru 2015





Nessun commento:

Posta un commento