Hemm differenza bejniethom?
Spiss nisimgħu
kliem dwar reliġjon u reliġjożità imma kultant nibdew nitħalltu ħaġa ma’ oħra,
naħsbu li huma l-istess ħaġa meta fil-verità ma humiex l-istess, għalhekk
tajjeb nippruvaw nifirduhom minn xulxin biex naraw id-differenza ta’ bejniethom
Il-Fidi
Ir-reliġjon, jew
aħjar nużaw il-kelma Maltija, il-fidi, hija għadd ta’ twemmin u
manifestazzjonijiet li fihom il-bniedem jagħraf l-eżistenza ta’ xi ħaġa
sopranaturali, xi qawwa aqwa minnu. Il-fidi hija sentiment ta’ rispett u biża’
lejn id-divinità. Meta ngħidu biża’ irridu nfissru biża’ riverenzjali. Xi jkun
dan il-biża’ li qed insemmu? Kelma oħra għalih hija “soggezzjoni” – il-bniedem
ikollu soggezzjoni għal dak l-essere suprem li minkejja li qatt ma jkun rah,
ikun iħoss ġewwa fih innifsu li jeżisti. Ir-reliġjonijiet Monoteisti, jiġifieri
dawk li jemmnu f’ essere suprem wieħed, isejħulu Alla. Mela fi kliem ħafif
il-fidi tfisser it-twemmin u r-rispett lejn Alla. Imma mhux kulħadd jemmen f’
Alla u b’ daqshekk ma jfissirx li dak li jkun ma’ jkunx jemmen. Il-kunċett ta’
Alla, kif nifhmuh aħna, insibuh fir-reliġjon Lhudiuja, f’dik Kristjana u fl-Iżlam.
Fid-dinja hemm bosta reliġjonijiet oħrajn minbarra dawn li semmejna, fosthom
reliġjonijiet kbar u mifruxin sewwa bħalma huma l-Induiżmu u l-Buddiżmu.
Minkejja li l-bażi ta’ fidi ta’ dawn huma differenti minn dawk li nafu lkoll
kemm aħna, xorta huma reliġjonijietli
jħossu b xi mod xi qawwa barranija.
Mela r-reliġjon
hija dik il-ħaġa li tressqek lejn is-sopranaturali li kull persuna jħoss ġewwa
fih li jeżisti.
Reliġjożità
Ir-reliġjożità ma
hijiex il-fidi għalkemm timxi id f’ id magħha. Ir-reliġjożità hija s-sentiment
ta’ dak li huwa sagru, qaddis, divin. Hija d-dehra esterna ta’ dak li hemm fuq
ġewwa tal-persuna. Jista’ jkun post li jqanqal sentimenti ta’ reliġjożità.
Mar-reliġjożità nistgħu ndaħħlu dawk li jissejħu Pietà Popolari. Xi jkunu dawn?
Purċissjoni hija att ta’ pietà popolari, il-Via Sagra wkoll. Devozzjonijiet
personali u pellegrinaġġi lejn xi santwarji jew postijiet marbutin mar-reliġjon
huma atti ta’ reliġjożità.
Ir-reliġjożità
hija dak kollu estern li juri b’ mod ħaj xi jkun qiegħed iħoss il-bniedem.
Pietà popolari huma l-mod kif dak li jkun jesprimi il-fidi tiegħu. U hawn fejn
jinqalgħu l-problemi. Jekk bniedem iċapċap quddiem statwa ma nistgħux ngħidu li
dak ikun att ta’ twemmnin, mela ma huwiex reliġjon, imma dak ikun att li juri
l-ferħ li jkun qiegħed iħoss ġewwa qalbu x’ ħin sab ruħu quddiem dik l-istatwa,
mela dak ikun att ta’ reliġjożità.
X’ differenza hemm?
Biex naraw
id-differenza bejn reliġjon u reliġjożità sejrin inġibu eżempju sempliċi. Hawn
Maltin li jekk imorru Għawdex iridu jżuru l-bażilika tal-Madonna ta’ Pinu. Fih
innifsu dan huwa att sabiħ, imma dan ma nistgħux insejħulu reliġjon iżda huwa
att ta’ reliġjożità. Jekk immur Għawdex u ma mmurx ninvista s-santwarju Ta’ Pinu
ma nkun qed nagħmel l-ebda dnub u ma nkun qed nonqos kontra l-ebda kmandamnet u
ma nkun qed immur kontra l-ebda domma ta fidi għax żjara f’ dan il-post hija
biss espressjoni esterna tal-imħabba li dak li jkun ikollu lejn il-Madonna li
nsibu meqjuma hemmhekk.
Każi ta’
reliġjożità insibu kemm irridu, u mhux fil-fidi Kattolika biss. Il-bniedem
fin-natura tiegħu irid jesprimi b’ mod viżiv dak li jkun qiegħed iħoss u għalhekk
jorganizza festi u manifestazzjonijiet.
Hemm waħda bla oħra?
Ir-reliġjożità
hija frott tar-reliġjon u mhux suppost li jkun hemm waħda mingħajr oħra.
Fil-verità nistgħu nsibu bnedmin reliġjużi li ftit li xejn juru sinjali ta’
reliġjożità, għax il-fidi tagħhom tkun ibbażata aktar fuq is-sens ġewwieni
milli fuq dak li jidher, u ġieli nsibu persuni li jagħmlu bosta atti ta’
reliġjożità imma jkunu neqsin mill-fidi. Tinstema’ ħaġa stramba, imma hekk hi.
Meta
r-reliġjożità tkun mifruda mir-reliġjon din minkejja li tibqa’ tidher bħala
tali, imma tkun att superfiċċjali, att bla ebda bażi. Ta’ xejn immur kull
pelleġrinaġġ li jorganizza l-kappillan jekk ma nħossx ġo fija s-sentiment
reliġjuż. Jekk immur pelleġrinaġġ bla ma nħoss il-fidi timbuttani biex immur,
inkun mort sempliċimnet dawra, jew ġita. Jekk tiġi l-festa tar-raħal u mmur
kull marċ li jsir, immur nisma’ l-prietki tat-tridu u l-paniġierku,
sempliċiment għax hekk imdorri u biex ta’ kontra ma jgħidux li kien hemm
il-knisja vojta, inkun qed nagħmel att ta’ reliġjożità fażul, inkun qed nagħmel
teatrin, inkun qed nafferma dak jgħidu dawk li għomorhom u żmienhom jikkritikaw
il-festi.
Din hija
d-differenza bejn reliġjon u reliġjożità, waħda tinstab mistura f’ qalbi, fija
nnifsi u l-oħra hija l-espressjoni ta’ dak li hemm fil-font ta’ qalbi. Tajjeb
li qatt ma nifiruhom minn xulxin dawn iż-żewġ atti.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento