Visualizzazione post con etichetta ġublew. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta ġublew. Mostra tutti i post

venerdì 9 ottobre 2020

Indulġenzi


Spiss inkunu għaddejjin minn quddiem xi niċċa ta’ xi qaddis u taħtha jkun hemm xi biċċa rħama jew ġebla skolpita bil-kliem li min jgħid it-talb li jkun hemm miktub fuqha jakwista indulġenza għal numru ta’ ġranet. Ġieli smajna li min iżur xi knisja jew santwarju fi żmien partikulari, u jqerr u jitqarben, jikseb l-indulġenza. Imma x’inhuma sewwasew dawn l-indulġenzi li qabel tant kienu popolari u li llum donnhom ftit li xejn għadhom jaqgħu fuq moħħ il-bniedem tat-tielet millenju?

Xi tkun indulġenza?

Biex infisser xi tkun indulġenza ser nipprova nġib eżempju prattiku. Nagħmlu mod li ħabib tiegħi jistedinni d-dar tiegħu. Meta mmur martu tibda turini vażun li kien għadu kemm xtralha żewġha u li kien wisq għal qalbha. Waqt li kont qed nifli l-vażun dan żelaqli minn idejja u waqa’ fl-art u sar frak. X’naqbad nagħmel? Nistaqsi lil ħabibi minn fejn kien xtrah u mmur u nixtri wieħed bħalu eżatt u mmur nagħtih lil dik li kont kissirtilha l-vażun. Minbarra dan il-vażun, ngħaddi għand tal-fjuri u nixti bukkett ward lil mart ħabibi biex bħal inpattilha tal-kedda li nkun tajtha. Il-vażun ikun reġa’ ingħata imma l-qatgħa jew il-kedda li nkun tajthom nipprova npattiha bil-bukkett tal-fjuri.

Id-dnub jinħafer bis-sagrament tal-qrar imma n-Nisrani jemmen li d-dnub huwa offiża lil Alla u għalhekk minbarra li jaf li wara l-qrar dnubietu jkunu ġew maħfurin, xorta jkun jaf li jkun offendiH, għalhekk jagħmel it-talba tal-indulġenza bħala tpatija tal-offiża li jkun wettaq. L-indulġenza ma taħfirx dnubiet. Il-qrar qisu l-vażun li xtrajt fl-eżempju u l-indulġenza hija l-bukkett tal-ward.

Mela tajjeb ngħidu li d-duttrina tal-indulġenza hija aspett tal-fidi tal-Knisja Kattolika, li tirreferi għall-possibbiltà li tħassar parti speċifika ħafna tal-konsegwenzi tad-dnub (li ngħidulha piena temporali), mill-midneb li jkun stqarr l-iżball tiegħu (id-dnub) b’indiema sinċiera u jkun inħafer permezz tas-sagrament tal-qrar.



Il-bidu tal-indulġenzi

L-indulġenzi jafu l-bidu tagħhom fil-fidi Lhudija, kif wara kollox taf il-bidu tagħha l-fidi Nisranija. Il-Lhud kellhom l-obbligu li fis-sena sabbatika, sena li tiġi kull seba’ snin, jeħles lill-ilsiera Lhud, iserraħ l-art billi ma jħawwel jew jiżra xejn fiha u jaħfer id-dejn.  Fil-ktieb tad-Dewteronomju nsibu miktub hekk: “Fi tmiem kull seba’ snin tagħmel il-maħfra;  u l-maħfra tkun din: kull min ikollu jieħu, jaħfer kulma jkun silef lil għajru; ma jitlobx lura l-ħlas minnu malli titnieda l-maħfra f’ġieħ il-Mulej. Tista’ titlob lill-barrani, imma lil ħuk erħilu dak li jkollok għandu.” (Dewt: 15, 1-3)

Fit-Testment il-Ġdid insibu li Ġesù biddel l-iskjavitù materjali mal-ħakma tad-dnub.

Fl-1300 il-Papa Bonifaċju VIII żamm l-ewwel Ġublew u ta l-indulġenza lill-pellegrini li jżuru xi waħda mill-bażiliċi papali ta’ Ruma. Il-Konċilju Vatikan II fis-snin sittin tas-seklu li għadda biddel u temm bosta prattiċi li kien hemm marbutin mal-indulġenzi.

Ġieli nisimgħu wkoll b’indulġenza plenarja jew indulġenza parzjali. Id-differenza hija li l-plenarja tħassar għal kollox dik li diġà semmejna, piena temporali, filwaqt li l-indulġena parzjali tħassar din il-piena għal numru ta’ jiem jew ġimgħat jew snin skont kif tkun ingħatat. Fil-fatt fuq il-lapida ta’ xi niċċa jew fuq xi santa li jkollha l-indulġenza, jkun hemm imniżżel iż-żmien li dak li jkun ikun taħt dik l-indulġenza.

Il-Protestanti

l-indulġenzi kienu wieħed mill-punti li ma qabilx magħhom Martin Lutertu, il-patri Agostinjan li jista’ jissejjaħ missier il-Protestaniniżmu.

Bejn is-sekli XIV u XVI l-indulġenzi kienu popolari ħafna u wieħed kien anke jista’ jiksibhom bil-flus. F’dawk is-sekli kienu qed jinbnew bosta knejjes, fosthom il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Il-flus tal-indulġenzi, li kienu jissejħu Oblatio, kienu jmorru għal dan il-bini kif ukoll biex jinżammu xi istituzzjonijet oħrajn fi ħdan il-Knisja Kattolika bħalma huma sptarijiet u skejjel. Dak iż-żmien il-Knisja kienet l-unika entità li tieħu ħsieb dawn l-istituzzjonijet.

Martin Luteru ħadha kontra dan il-bejgħ ta’ indulġenzi. Illum bil-mentalità tagħna ngħidu li kellu raġun, iżda ma rridux naraw dak li seħħ madwar sitt mitt sena ilu bil-ħsibijiet tal-bniedem tal-lum. Mhux qed ngħid li kienet ħaġa sewwa li indulġenza tinxtara, imma tal-anqas illum għandna knejjes li huma patrimonju universali ta’ ġmiel bla qies. Fejn jidħlu skejjel u sptarjiet ma għandniex xi ngħidu, kienu opri ta’ karità li l-Knisja minn dejjem għamlet u li minn xi mkien dejjem riedet tiffinanzjahom.

Illum l-indulġenzi ftit għadna nisimgħu bihom u jingħataw l-aktar meta jsir xi ġublew. Biss tajjeb inkunu nafu x’inhuma għax meta ngħaddu minn quddiem xi niċċa, li bihom hija miżgħuda Malta, għadna naraw il-kitba li tagħti l-indulġenza. Issa nafu xi ħaġa dwarhom!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Ottubru 2020




venerdì 29 maggio 2020

Alessandru VI

Alessandru VI 

Fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra tkellimt dwar il-figura ta’ Ġlormu Savonarola u semmejt lill-Papa Alessandru VI. Illum nixtieq nagħti ħarsa ħafifa dwar dan il-papa kontroversjali.

Borgia
Rodrigo de Borja jew kif sar magħruf Borgia, kien membru tal-familja prominenti li ġġib  l-istess kunjom: Borgia. Huwa twieled fl-1 ta’ Jannar tas-sena 1431 f'Xàtiva, belt fil-provinċja ta’ Valenzja li kienet tagħmel parti mis-Saltna ta’ Aragona. Illum dan il-post jagħmel parti minn Spanja. Il-ġenituri tiegħu kienu  Jofré de Borja y Escrivà u Isabel de Borja. Rodrigo meta kiber studja l-liġi fl-Università ta' Bologna. Huwa ġie ordnat djaknu u ġie mlaħħaq kardinal fl-1456 wara li  zijuh, Alfonzu Borja, laħaq kap tal-Knisja Kattolika li ħa l-isem ta’ Papa Kallistu III. Sena wara Rodrigo sar viċi-kanċillier tal-Kurja Rumana. Huwa kompla jservi fil-Kurja taħt erba’ papiet li mexxew lill-Knisja wara zijuh. Dawn kienu: Piju II, Pawlu II, Sistu IV u Innoċenz VIII. Dan kollu jurina li dan il-bniedem  bil-fors kiseb influwenza kbira fil-qasam ekkleżjali kif ukoll akkwista ġid materjali kbir. Fl-1492, Rodrigo ġie elett Papa u ħa l-isem ta’ Alessandru VI.

Dan huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar Papiet Rinaxximentali kontroversjali.  Wieħed mill-akbar fatturi għal dawn il-kontroversji huwa l-fatt illi huwa rrikonoxxa li kien il-missier ta’ bosta wlied minn nisa differenti. L-ulied li huwa għaraf kienu Piere Luigi li ommu ma nafux min hi, Juan, jew Giovanni aktarx iben Vannozza dei Cattanei,  Ċesare, Lukrezja u Goffredu li lkoll kienu wlied Vannozza.

Politika
Irridu niftakru li s-sena li fiha Borgia laħaq papa kienet l-istess waħda li fiha Krisotofru Colombu niżel fuq il-kontinent il-ġdid tal-Amerika. Il-Papa Alessandru VI fl-1493 ħareġ bolla papali bl-isem Inter caetera li tikkonferma li l-artijiet u l-ġid kollu ta’ din id-dinja ġdida huma tal-kuruna ta’ Kastilja, illum Spanja.
Vannozza dei Cattanei

Matul it-tieni gwerra Taljana li seħħet bejn l-1499 u l-1504, Alessandru VI appoġġa lil ibnu Cesare Borgia bħala kaptan għar-Re Franċiż. Fejn tidħol il-politika barranija, huwa ra kif seta’  jikseb l-iktar pożizzjonijiet vantaġġjużi għall-familja tiegħu.

Bħala riżultat ta’ dan kollu, il-kunjom Valenzjan Taljanizzat tiegħu, Borgia, sar bosta drabi jirreferi għal-libertiniżmu u nepotiżmu, li tradizzjonalment huma kkunsidrati li jikkaratterizzaw il-pontifikat ta’ dan il-papa. Min-naħa l-oħra, tnejn mis-suċċessuri tiegħu, Sistu V u Urbanu VIII, jiddeskrivuh bħala wieħed mill-aktar papiet eċċezzjonali. Mhux hekk jaħsibha Ġlormu Savonarola u lanqas Martinu Luteru li sejjaħ Ruma ta’ żmien il-Papa Alessandru  VI bħala Sodoma.

Il-Ġublew
Fis-sena 1500, is-sena tal-Ġublew,  Papa Alessandru VI beda d-drawwa li jiftaħ il-bieb qaddis lejlet il-Milied u jingħalaq f'Jum il-Milied tas-sena ta’ wara. Wara li kkonsulta maċ-Ċerimonjier tiegħu, Johann Burchard, il-Papa Borgia fetaħ l-ewwel bieb qaddis fil-Bażilika ta’ San Pietru lejlet il-Milied tas-sena 1499, u r-rappreżentanti tal-papa fetħu l-bibien fit-tliet bażiliċi papali l-oħra ġewwa Ruma, San Giovanni Laterano, Santa Maria Maggiore u San Paolo fuori la mura.

Għal dan il-ġublew u għal dan il-ftuh tal-bieb qaddis jew kif inhu aktar magħruf porta santa,  il-Papa Alessandru ħoloq bieb ġdid fil-portiku ta’ San Pietru u kkummissjona bieb tal-irħam. Dan il-bieb dam sal-1618, meta ġie mqiegħed bieb ieħor fil-bażilika l-ġdida.

F’ċerimonja simili għal dik li għadha ssir illum, Alessandru nġarr fis-sedja gestatoria għal San Pietru. Hu u l-assistenti tiegħu, bix-xemgħat f’idejhom, imxew sal-bieb qaddis, waqt li l-kor beda jkanta Salm 118. Il-Papa ħabbat il-bieb tliet darbiet, il-ħaddiema fetħuh minn ġewwa, u mbagħad kulħadd beda dieħel fil-bażilika tal-Vatikan. Hawn naraw li kien dan il-papa li beda drawwa li għadna narawha sal-lum f’xi ġublew.

Papa Borgia stabbilixxa rit speċjali għall-għeluq tal-bieb qaddis. Fil-Festa tal-Epifanija 1501, żewġ kardinali bdew l-għeluq tal-bieb qaddis b’żewġ ġebliet żgħar, waħda tal-fidda u oħra tad-deheb. Fit-tajn ta’ bejn il-ġebel tpoġġew ukoll xi muniti, ħaġa li għadha ssir fir-rit tal-gublew tal-lum ukoll.

Mewt u difna
Il-qabar taż-żewġ Papiet Borgia
Jingħad li ibnu Ċesare kien qed jipprepara għal spedizzjoni oħra f’Awwissu 1503 meta t-tnejn li huma, fis-6 ta ’Awwissu, kienu għaċ-ċena mal-Kardinal Adriano Castellesi. Ftit jiem wara mardu bid-deni. Jingħad li Ċesare,  waqt iż-żmien li qiegħed fis-sodda, il-ġilda tiegħu titqaxxar u wiċċu sarlu vjola. Ċesare ħelsiha imma l-missier le. Il-Papa Alessandru VI miet fit-18 ta’ Awwissu 1503, aktarx avvelenat. Dwar l-avvenelament xejn ma hu ċert imma lanqas nistgħu nekludu din ix-xniegħa l-aktar meta niftakru f’kemm intriċċi politiċi kien imdaħħal dan il-papa.

Waqt il-funeral tiegħu l-isqof Alexix Caledoni tkellem dwar id-dispjaċir ta’ dan il-mexxej tal-Knsija min-nuqqasijiet tiegħu. Il-ġudizzju nħalluh f’idejn min jaf kollox u ma niġġudikawx aħna. Huwa ndifen fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Monserrat tal-Ispanjoli fil-Belt ta’ Ruma.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Mejju 2020






sabato 12 marzo 2016

Ġublew

Nassumi li bosta minna nafu li fit-8 ta’ Diċembru li għadda il-Knisja Kattolika bdiet is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena. Qegħdin nisimgħu spiss il-kelma “Ġublew”, imma nafu xi tfisser tassew?

L-għerq tal-kelma
Il-kelma “ġublew” ġejja mill-kelma Latina “iubilaeus” li kienet tirreferi għas-sena tal-Ġublew tal-Lhud. Xi wħud kienu jassoċjaw din il-kelma ma’ kelma Latina oħra, “iubilare” li tfisser tfaħħar lil Alla. Fil-Grieg antik insibu l-kelma “iobelaios” li ttieħdet mill-kelma Lhudija “yobel” li tfisser qarn ta’ muntun. Is-sena tal-ġublew tal-Lhud kienet tibda billi jindaqq (bħal tromba) il-qarn ta’ muntun.

Il-Lhud
Il-Lhud tal-qedem kienu jiċċelebraw il-ġublew kull ħamsin sena. F’ din is-sena kienu jħallu l-għelieqi tagħhom jistrieħu, ma kienu jħawlu xejn fihom u ma kienu jaħsdu xejn lanqas. Kienu jinħelsu l-iskjavi u kien ukoll jinħafer id-dejn.

Għalfejn ħamsin sena għandna mnejn nistaqsu? Għal-Lhud in-numru perfett huwa n-numri sebgħa. F’ sittt jiem Alla ħalaq id-dinja u s-seba’ jum huwa ddedikat kollu kemm hu għalih. Issa kull seba’ snin jissejħu ċiklu sabbatiku u seba’ ċikli jagħmlu 49 sena. Is-sena ta’ wara s-seba’ ċikli, jiġifieri l-ħamsin sena, tkun is-sena tal-ġublew.

Fil-Knisja
Lejn tmiem is-seklu XIII bosta pellegrini kienu jmorru Ruma biex jaqilgħu l-indulġenza. Fit-22 ta’ Frar, 1300, il-Papa Bonifaċju VIII ħareġ il-bolla papali bl-isem “Antiquorum habet fida relatio” fejn ħabbar l-indulġenza lil dawk li jaqdu ċerti kondizzjonijiet – fosthom li jqerru dnubiethom u li jżuru l-bażiliċi ta’ San Pietru u ta’ San Pawl ġewwa Ruma darba kull jum għal tletin jum fil-każ ta’ dawk li joqgħodu Ruma u għal ħmistax-il jum għal dawk il-pellegrini li ma jkunux joqgħodu Ruma imma jkunu fuq żjara jew pellegrinaġġ f’ dik il-belt. Minkejja li l-kelma “Ġublew” ma tintużax fil-bolla tal-Papa, xorta tidher l-intenzjoni li dan jibda jsir kull mitt sena. B’ danakollu xorta kulħadd beda jsejjaħ din is-sena bħala s-sena tal-ġublew.

Bosta kienu dawk li żaru dawn il-bażiliċi skont kif kienet titlob il-Knisja u għalhekk ħadu l-indulġenza marbuta ma’ din il-prattika. Nafu b’ nies prominenti li wkoll wettqu dan l-att ta’ fidi. Nistgħu nsemmu l-artisi Cimabue u Giotto, id-diplomatiku u bankier Fjorentin Giovanni Vallini u dak li personalment inqisu bħala l-akbar kittieb Taljan, Dante Aleghieri. Fil-fatt Dante jsemmi l-pelleġrini f’ Ruma fid-Divina Commedia, Paradiso Canto XXXI.

Il-ġublewijiet maż-żmien ma baqgħux isiru kull mitt sena imma bdew isiru kull ħamsin sena, u b’ hekk aktar naraw għalfejn il-kelma ttieħdet minn dik Lhudija għaliex issa anke s-snin bejn ġublew u ieħor bdew ikunu l-istess. Xebħ ieħor bejn il-ġublew Lhudi u dak tal-knisja huwa l-ħelsien mill-jasar. Għall-iskjav tal-Lhudi hemm il-ħelsien mill-jasar ta’ sidu filwaqt li għan-Nisrani hemm il-ħelsien mill-jasar tad-dnub.

Ħamsin sena ma humiex wisq, imma lanqas huma ftit u jista’ jiġri li jkun hawn min ma jinzerta l-ebda ġublew f’ ħajtu. Għalhekk fl-1470, il-Papa Pawlu II iddikkjara li l-ġublew jibda jkun iċċelebrat kull 25 sena biex jekk jista’ jkun kulħadd ikollu l-opportunità li jgħix sena ta’ ġublew. Barra minn dawn il-ġublewijiet jistgħu jsiru oħrajn barra miċ-ċiklu ta’ 25 sena, sewwasew bħal dan li qegħdin niċċelebraw din is-sena.

Ġublewijiet oħrajn
Ġublew huwa wkoll anniversarju. Aktarx li l-monarki jiċċelebraw l-anniversarji tat-tlugħ tagħhom fuq it-tron bħala ġublew. B’ hekk nisimgħu b’ ġublew tal-fidda, 25 sena, ġublew tad-deheb, 50 sena, ġublew tad-djamenti, 60 sena, ġublew tal-platinum, 70 sena u l kumpalment. F’ dawn l-okkażjonijiet ġieli jingħataw maħfra lill-ħabsin u b’ hekk iktar nistgħu nassoċjawhom ma’ ġublew.

Indulġenza
Marbutin mal-ġublew hemm ċerti riti, obbligi u drittijiet. Fost dawn hemm l-għoti tal-indulġenza lil min ikun fi stat li jirċeviha. Imma x’ inhi l-indulġenza bosta jistaqsuna?

Biex infisser fi kliem sempliċi spiss nirrakkonta din l-istorja. Kien hemm ġuvni li ħa lil sieħbu għand ommu. Din l-omm tant ferħet bil-ħabib ta’ binha li bdiet iddawru d-dar u turih ir-rigali li spiss kien jagħtiha binha. Ħin minnhom urietu vażun u qaltlu li dak kien l-aħħar rigal li taha binha. Iż-żagħżugħ ħa l-vażun f’ idejh u beda jiflih. Ħin minnhom il-kelb beda jinbaħ u ħasad liż-żagħżugħ u dan bil-ħasda telaq il-vażun fl-art, li ovvjament sar frak. Biex ipatti tal-ħsara li kien għamel, mar xtara vażun bħal dak li waqa’ minn idu u xtara wkoll bukkett fjuri lil omm sieħbu. Il-ħsara ġiet irranġata billi nxtara l-vażun imma xorta ma kienx l-istess vażun ta’ bin il-mara. Sabiex jittaffa wkoll it-tort li l-vażun ma huwiex dak li taha l-iben imma wieħed identiku, ingħata l-bukkett tal-fjuri.

Hekk ukoll l-indulġenza. Id-dnubiet jinħafru bil-qrar, l-indulġenza hija bħall-bukkett tal-fjuri, hija talba biex titnaqqsilna l-piena li jkollna talli dnibna.

Dan huwa l-ġublew. Issa din is-sena qegħdin niċċelebraw dak tal-ħniena, imniedi mill-Papa Franġisku.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 12 ta' Marzu 2016.