Spiss inkunu għaddejjin minn quddiem xi niċċa ta’ xi qaddis u taħtha jkun
hemm xi biċċa rħama jew ġebla skolpita bil-kliem li min jgħid it-talb li jkun
hemm miktub fuqha jakwista indulġenza għal numru ta’ ġranet. Ġieli smajna li
min iżur xi knisja jew santwarju fi żmien partikulari, u jqerr u jitqarben,
jikseb l-indulġenza. Imma x’inhuma sewwasew dawn l-indulġenzi li qabel tant
kienu popolari u li llum donnhom ftit li xejn għadhom jaqgħu fuq moħħ
il-bniedem tat-tielet millenju?
Xi tkun indulġenza?
Biex infisser xi tkun indulġenza ser nipprova nġib eżempju prattiku.
Nagħmlu mod li ħabib tiegħi jistedinni d-dar tiegħu. Meta mmur martu tibda
turini vażun li kien għadu kemm xtralha żewġha u li kien wisq għal qalbha. Waqt
li kont qed nifli l-vażun dan żelaqli minn idejja u waqa’ fl-art u sar frak.
X’naqbad nagħmel? Nistaqsi lil ħabibi minn fejn kien xtrah u mmur u nixtri
wieħed bħalu eżatt u mmur nagħtih lil dik li kont kissirtilha l-vażun. Minbarra
dan il-vażun, ngħaddi għand tal-fjuri u nixti bukkett ward lil mart ħabibi biex
bħal inpattilha tal-kedda li nkun tajtha. Il-vażun ikun reġa’ ingħata imma
l-qatgħa jew il-kedda li nkun tajthom nipprova npattiha bil-bukkett tal-fjuri.
Id-dnub jinħafer bis-sagrament tal-qrar imma n-Nisrani jemmen li d-dnub
huwa offiża lil Alla u għalhekk minbarra li jaf li wara l-qrar dnubietu jkunu
ġew maħfurin, xorta jkun jaf li jkun offendiH, għalhekk jagħmel it-talba
tal-indulġenza bħala tpatija tal-offiża li jkun wettaq. L-indulġenza ma taħfirx
dnubiet. Il-qrar qisu l-vażun li xtrajt fl-eżempju u l-indulġenza hija
l-bukkett tal-ward.
Mela tajjeb ngħidu li d-duttrina tal-indulġenza hija aspett tal-fidi
tal-Knisja Kattolika, li tirreferi għall-possibbiltà li tħassar parti speċifika
ħafna tal-konsegwenzi tad-dnub (li ngħidulha piena temporali), mill-midneb li
jkun stqarr l-iżball tiegħu (id-dnub) b’indiema sinċiera u jkun inħafer permezz
tas-sagrament tal-qrar.
Il-bidu tal-indulġenzi
L-indulġenzi jafu l-bidu tagħhom fil-fidi Lhudija, kif wara kollox taf
il-bidu tagħha l-fidi Nisranija. Il-Lhud kellhom l-obbligu li fis-sena
sabbatika, sena li tiġi kull seba’ snin, jeħles lill-ilsiera Lhud, iserraħ
l-art billi ma jħawwel jew jiżra xejn fiha u jaħfer id-dejn. Fil-ktieb tad-Dewteronomju nsibu miktub hekk:
“Fi tmiem kull seba’ snin tagħmel il-maħfra;
u l-maħfra tkun din: kull min ikollu jieħu, jaħfer kulma jkun silef lil
għajru; ma jitlobx lura l-ħlas minnu malli titnieda l-maħfra f’ġieħ il-Mulej.
Tista’ titlob lill-barrani, imma lil ħuk erħilu dak li jkollok għandu.” (Dewt:
15, 1-3)
Fit-Testment il-Ġdid insibu li Ġesù biddel l-iskjavitù
materjali mal-ħakma tad-dnub.
Fl-1300 il-Papa Bonifaċju VIII żamm l-ewwel Ġublew u ta l-indulġenza
lill-pellegrini li jżuru xi waħda mill-bażiliċi papali ta’ Ruma. Il-Konċilju
Vatikan II fis-snin sittin tas-seklu li għadda biddel u temm bosta prattiċi li
kien hemm marbutin mal-indulġenzi.
Ġieli nisimgħu wkoll b’indulġenza plenarja jew indulġenza parzjali.
Id-differenza hija li l-plenarja tħassar għal kollox dik li diġà semmejna,
piena temporali, filwaqt li l-indulġena parzjali tħassar din il-piena għal
numru ta’ jiem jew ġimgħat jew snin skont kif tkun ingħatat. Fil-fatt fuq
il-lapida ta’ xi niċċa jew fuq xi santa li jkollha l-indulġenza, jkun hemm
imniżżel iż-żmien li dak li jkun ikun taħt dik l-indulġenza.
Il-Protestanti
l-indulġenzi kienu wieħed mill-punti li ma qabilx magħhom Martin Lutertu,
il-patri Agostinjan li jista’ jissejjaħ missier il-Protestaniniżmu.
Bejn is-sekli XIV u XVI l-indulġenzi kienu popolari ħafna u wieħed kien
anke jista’ jiksibhom bil-flus. F’dawk is-sekli kienu qed jinbnew bosta
knejjes, fosthom il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Il-flus
tal-indulġenzi, li kienu jissejħu Oblatio, kienu jmorru għal dan il-bini
kif ukoll biex jinżammu xi istituzzjonijet oħrajn fi ħdan il-Knisja Kattolika
bħalma huma sptarijiet u skejjel. Dak iż-żmien il-Knisja kienet l-unika entità
li tieħu ħsieb dawn l-istituzzjonijet.
Martin Luteru ħadha kontra dan il-bejgħ ta’ indulġenzi. Illum bil-mentalità
tagħna ngħidu li kellu raġun, iżda ma rridux naraw dak li seħħ madwar sitt mitt
sena ilu bil-ħsibijiet tal-bniedem tal-lum. Mhux qed ngħid li kienet ħaġa sewwa
li indulġenza tinxtara, imma tal-anqas illum għandna knejjes li huma patrimonju
universali ta’ ġmiel bla qies. Fejn jidħlu skejjel u sptarjiet ma għandniex xi
ngħidu, kienu opri ta’ karità li l-Knisja minn dejjem għamlet u li minn xi
mkien dejjem riedet tiffinanzjahom.
Illum l-indulġenzi ftit għadna nisimgħu bihom u jingħataw l-aktar meta jsir
xi ġublew. Biss tajjeb inkunu nafu x’inhuma għax meta ngħaddu minn quddiem xi
niċċa, li bihom hija miżgħuda Malta, għadna naraw il-kitba li tagħti
l-indulġenza. Issa nafu xi ħaġa dwarhom!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Ottubru 2020
Nessun commento:
Posta un commento