Il-bniedem, għax huwa annimal intelliġenti u għandu moħħ biex jaħseb, kull
meta jiltaqa’ ma’ xi diffikultà juża dan il-moħħ biex jipprova jsib
soluzzjoni. M’ilux kont għaddej mill-Marsa u bħalma jaf kulħadd, bħalissa
hemmhekk hemm għaddej proġett enormi ta’ bini ta’ pontijiet. Dawn qed isiru
għax kien hemm diffikultà jew aħjar problema ta’ traffiku u għalhekk kien
hemm xi ħadd, jew aktarx xi wħud li ddeċidew li biex din il-problema tissolva
jinbnew għadd ta’ pontijiet. Waqt li kont għaddej minn fuq pont minnhom ġietni
l-kurżità dwar kif bdew jinbnew il-pontijiet
fid-dinja u mort infittex xi ħaġa fuqhom. Biex tkompli tikber il-kurżità fija,
dawk il-jiem infetaħ il-pont ta’ San Ġorġ f’Ġenova. U bħas-soltu dak li sibt ma
xtaqtx inżommu għalija waħdi.
Ftit tagħrif
Il-pontijiet huma
binjiet magħmula mill-bniedem biex jaqsmu xmajjar, toroq jew widien. Fuqhom
in-nies jistgħu jimxu jew jivvjaġġaw f’vettura biex jirbħu t-tfixkil li jkunu
preżentawxi xmara, triq jew wied. L-ewwel pont probabbilment kien sempliċi zokk
ta’ siġra li jkun waqa’ b'kumbinazzjoni bejn iż-żewġ xtut ta’ xi xmara. Meta l-bniedem induna bl-użu ta’ dan
il-fenomenu, beda jżid zkuk oħrajn ħdejh sabiex ikunu jistgħu jgħaddu minn fuq
dak li issa jkun sar pont, il-bhejjem b’tagħbijiet tqal. Maż-żmien il-pontijiet
bdew ikunu dejjem aktar raffinati biex ikunu jistgħu jaqdu sewwa lil min ikollu
bżonn.
Il-pontijiet
naturali, min-naħa l-oħra, mhumiex xejn ħlief ir-riżultat tal-fenomeni
naturali.
Biż-żmien il-pontijiet ma baqgħux isiru miz-zkuk u l-injam biss imma bdew ukoll jinbnew bil-ġebel. L-akbar bennejja tal-pontijiet tal-antikità kienu r-Rumani. Dawn bnew pontijiet f’għamla ta’ arkata jew akwadotti. Tant kienu bennejja tajbin li xi wħud mill-pontijiet li bnew għadhom jintużaw sal-lum jew jinsabu f'kundizzjoni strutturali tajba. Eżempju wieħed huwa l-Pont ta’ Alcántara, mibni fuq ix-xmara Tajo fi Spanja. Ir-Rumani użaw ukoll għaġna ta’ tajn u materjali oħra biex ħolqu ġebel (bricks) sintetiku li beda jintuża minflok il-ġebla naturali. Elfejn sena wara għadna nistgħu mhux biss naraw xi wħud minn dawn il-pontijiet imma wkoll nużawhom.
Tower Bridge Londra |
Pontijiet kbar tal-injam kienu jeżistu fiċ-Ċina sa minn madwar 400 sena
qabel Kristu, filwaqt li l-eqdem pont tal-ġebel huwa l-Pont ta’ Anji, mibni
bejn 595 u 605 wara Kristu. Aktar tard bdew jinbnew pontijiet tal-azzar u
l-ħadid kif ukoll oħrajn kollha tal-konkos.
Pontijiet magħrufa
Madwar id-dinja nsibu bosta pontijiet magħrufin. Wieħed mill-aktar li
jgħaddu minn fuqu nies bil-mixi huwa dak bl-isem Rialto li nsibu f’Venezja. Dan
huwa l-ewwel pont li nbena fuq il-Kanal il-Kbir ta’ Venezja. Huwa twil 48 metru
u sar fl-1588. F’Venezja wkoll hemm pont famuż ieħor li ma jgħaqqadx żewġ xtut
ta’ xi kanal iżda jgħaqqad żewġ binjiet li hemm kanal jifirdhom, dan huwa dak
li jissejjaħ Il Ponte dei Sospiri. Dan beda jinbena fil-bidu tas-seklu
XVII u jgħaqqad il-palazz tad-Doge mal-ħabs.
Min qatt ma sema’ bil-Tower Bridge ta’ Londra li jaqsam ix-xmara Thames?
Dan inbena bejn is-snin 1886 u 1894 u llum sar ikona tal-belt kapitali Nġliża.
Dan il-pont għandu l-parti tan-nofs tiegħu tinfetaħ biex ikunu jistgħu jgħaddu
mix-xmara bastimenti għoljin. Huwa twil 244 metru.
Min iżur Praga, il-kapitali tar-Repubblika Ċeka, żgur li jgħaddi minn fuq
il-famuż Charles Bridge, pont li jaqsam ix-xmara Vitava. Dan huwa pont imżejjen
b’bosta statwi tal-ġebel li juru qaddisin jew xeni mill-ħajja ta’ Kristu. Dan
il-pont huwa twil 516-il metru u nbena bejn l-1357 u l-1402.
Tajjeb insmmu pont tal-ħadid magħruf ħafna. Dan huwa is-Sydney Harbour
Bridge fl-Awstralja. Dan il-pont beda jinbena fl-1923 u tlesta fl-1932 huwa
twil 1,149 metru. Pont ieħor tal-ħadid magħruf mad-dinja kollha huwa l-Golden Gate
Bridge f’San Francisco, l-Istati Uniti. Dan huwa twil 2,737 metru u nbena bejn
l-1933 u l-1937.
Malta
Il-pont li kien hemm il-Mosta |
Pont li ftit li xejn huwa magħruf imma ta’ interess partikolari insibuh
f’Ħal Qormi. Dan jissejjaħ sempliċiment bħala l-Arkata. Il-binja tiegħu hija
aktarx unika f’pajjiżna u huwa kapolavur ta’ xi perit bravu għall-mod kif
l-arkati li jiffurmawh jibdew mill-art u jintemmu fil-vojt ta’ nofs il-fetħa
tal-pont. Min jaf kemm-il darba għaddejna minn fuqu u lanqas konna nafu x’hemm
taħtna!
Nistgħu ngħidu li f’bosta widien ta’ Malta u Għawdex għandna pontijiet
aktarx kollha mibnijin bil-ġebel.
Illum tajna ħarsa lejn dik l-istruttura li ħoloq il-bniedem biex jaqsam
minn naħa għal oħra meta jsib xi diffikultà: il-pont. Tiskanta kemm
għandu storja interessanti!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Ottubru 2020
L-arkata ta' Ħal Qormi |
Nessun commento:
Posta un commento