Visualizzazione post con etichetta Egizjani. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Egizjani. Mostra tutti i post

venerdì 17 aprile 2026

NUMRI

 

Qatt ħsibt kemm in-numri għandhom importanza f’ħajjitna? Aħseb biss li hekk kif nitwieldu, l-istat jagħtina numru li jibqa’ magħna tul ħajjitna kollha, in-numru tal-identità tagħna. Tul ħajjitna nkunu ngħixu f’dar li jkollha numru fl-indirizz tagħha u dan mhux kollox, mal-indirizz ikollna l-kodiċi postali. Hekk kif tintemm din ħajjitna, nispiċċaw f’qabar li wkoll ikollu n-numru tiegħu. Qegħdin taraw kemm in-numri jagħmlu parti importanti f’ħajjitna? In-numri huma xi ħaġa ovvja għalina llum, iżda forsi mhux kulħadd jaf l-oriġini tal-kitba tagħhom. Minn liema tradizzjoni ġejjin iċ-ċifri li nużaw aħna l-bnedmin?

Kultant l-affarijiet li jidhru l-aktar sempliċi għalina jaħbu stejjer straordinarji. Dan huwa l-każ fejn jidħlu ċ-ċifri li jiffurmaw in-numri tagħna.

Bidu

L-Eġizzjani tal-qedem kellhom sistema ta' numri fuq bażi ta’ għaxra. Dan il-poplu beda min-numru wieħed u assoċja simbolu miegħu, li kienet linja vertikali, imbagħad assoċja linja mgħawġa man-numru għaxra, forma ta’ arkata, ħoloq simbolu għan-numru mija, wieħed għan-numru elf, wieħed għal mitt elf u wieħed għal miljun. F’dan l-aħħar każ is-simbolu probabbilment kien jirrappreżenta divinità. Biex nifhmu ftit jekk wieħed kien ikun ried jikteb in-numru għoxrin kien jikteb hekk: ∩∩ biex jikteb ħamsa u għoxrin kien jikteb hekk: ∩∩ǀǀǀǀǀ. Fil-Mesopotamja, il-Babiloniżi kellhom ukoll sistema numerika bbażata fuq ir- ripetizzjoni tal-istess simbolu, iżda fil-każ tagħhom in-numerazzjoni kienet fuq bażi ​​ta’ sittin. Sinjal imżerżaq żgħir kien jissimbolizza n-numru wieħed, sinjal vertikali n-numru għaxra, sinjal imżerżaq akbar kien jissimbolizza sittin. Nieħdu l-eżempju ta’ qabel, in-numru għoxrin kien jinkteb hekk: ǀ ǀ filwaqt li l-ħamsa u għoxrin kien jinkiteb hekk: ǀ ǀ /////.

Il-Greċja u Ruma

Fil-Greċja kien hemm żewġ sistemi, it-tnejn ibbażati fuq għaxra: Is- sistema Attika, ibbażata fuq ir-ripetizzjoni tas-simboli. In-numri minn wieħed sa erbgħa kienu rappreżentati b’linja vertikali. Il-ħamsa kienet miktuba bl-ittra P tal-kelma Griega ħamsa, pente. Għan-numri minn sitta sa disgħa, kienu jiżdiedu linji ma' P biex jindikaw l-unitajiet. Għan-numri għaxra, mija, elf u għaxart elef intużaw l-ittri inizjali tal-kliem korrispondenti : D għal deca (għaxra), H għal hekaton (mija), X għal khilioi (elf) u M għal myrioi (għaxart elef). Is-sistema Jonika minflok kienet tassoċja n-numri mal-ittri f'ordni alfabetika u l-alfabett kien magħmul minn 27 ittra (biż-żieda tal-ittri antiki sigma, coppa u sampi). Minn wieħed sa disgħa ntużaw l-ewwel disa' ittri (minn alpha sa theta), id-disa' ittri ta' wara ntużaw għal multipli ta' għaxra sa disgħin (10 = iota , 90 = coppa ) u l-aħħar disgħa għal multipli ta' mija sa disa' mija (100 = rho , 900 = sampi). Is- sistema numerika Rumana, li żgur ħafna jafu biha għax għadha tintuża llum kienet pjuttost simili għal dik Attika. Is-sistema kienet taħdem permezz ta' żieda u tnaqqis skont il-pożizzjoni tal-ittri, pereżempju IV = 4 (wieħed jitnaqqas minn ħamsa) filwaqt li VI = 6 (wieħed jiżdied ma' ħamsa).

Numri Indjani u Għarab

Iżda s- sistema deċimali pożizzjonali li nużaw illum ġejja mit- taħlita ta’ żewġ kulturi: Indjana u Għarbija. Fl-Indja, bejn it-300 QK u l-400 WK, in-numri Brahimi (partikolarment simili għal tagħna) kienu qed jintużaw fuq il-muniti, jiġifieri, simboli uniċi għal kull ċifra mill-1 sad-9. Qabel ma waslu l-Ewropa, dawn l-ewwel disa’ ċifri għamlu vjaġġ twil  u laħqu l-Mediterran u waslu għand xi studjużi Għarab. Mohammed ibn-Musa al-Khuwarizmi, matematiku u ġeografu Persjan, kiteb xogħol dwar l-alġebra tradott għal-Latin bl-isem ta’ De numero Indorum, jew Dwar in-Numri Indjani. F’din il-kitba huwa spjega fid-dettall kif taħdem is-sistema numerika Indjana, u forsi għal din ir-raġuni ħafna minna naħsbu li n-numri tagħna huma esklussivament ta’ derivazzjoni Għarbija.

Fl-Ewropa

Kien Leonardo Pisano, li wara li kien ivvjaġġa lejn il-lvant, wassal din is-sistema numerika fl-Italja wara li ġie f'kuntatt man-numri Hindu-Għarab fil-vjaġġi li għamel ma’ missieru. Huwa fisser din is-sistema fil-ktieb Liber Abaci fl-1202, li fih iddeskriva ċ-ċifri użati minn dawn il-popli, inkluż in-numru 0, ċifra li ma kinitx tinstab f’sistemi numeriċi oħra.

Kien diffiċli li tiġi abbandunata s-sistema numerika Rumana fl-Ewropa u l-bidla saret bil-mod ħafna. Għalkemm il-Liber Abaci kiseb suċċess kbir, is- sistema numerika Griega, forsi minħabba l-viċinanza ġeografika, baqgħet tintuża fir-reġjuni madwar l-Adrijatiku għal ħafna snin. Sadanittant, fil-bqija tal-Ewropa, għal żmien twil ħafna kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn dawk li riedu jadottaw in-numri l-ġodda u dawk li riedu jibqgħu jużaw in-numri Rumani l-antiki. Fl-1280 il-belt ta' Firenze pprojbixxiet l-użu ta’ din is-sistema lill-bankiera, għax xi wħud minnhom setgħu jifffalsifikaw iż-żero għal vantaġġi ekonomiċi. Għaddew is-sekli sakemm in-numri Għarab-Indjani ġew stabbiliti fl-Ewropa kollha. Dan seħħ fis-seklu XVI.

U aħna llum nużaw in-numri tul ħajjitna kollha bla ma naħsbu xi storja twila għandhom!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' April 2026



 

 

venerdì 8 novembre 2019

Ġmiel l-ilsna


Il-bniedem għandu fakultà li l-ebda annimal ieħor ma għandu. Il-bniedem għandu r-raġuni u l-intelliġenza, kuntrarjament għall-annimal bla intelliġenza li għandu biss stint. Fost ir-riżultati ta’ din l-intelliġenza nsibu li l-bniedem kapaċi jikkomunika mhux biss bħall-annimali l-oħra iżda kapaċi joħloq ħsejjes li bihom jesprimi l-ħsieb ta’ moħħu u li ħaddieħor jifhem dawk il-ħsejjes u jinduna xi jkun irid ifisser dak ta’ quddiemu. Dan l-eżerċizzju li jidher ikkumplikat mhux ftit ma huwa xejn għajr l-ilsien, il-kliem li nużaw ilkoll kemm aħna biex naqsmu ħsibijietna mal-oħrajn, sew bil-kliem kif ukoll bil-kitba.

L-eqdem ilsna
Il-bniedem minn dejjem ħass il-bżonn li jikomunika b’mod verbali dak li jkun qed iħoss u allura mill-bidu tal-ħolqien tal-bniedem nistgħu ngħidu li bdew jitwieldu l-lingwi. L-istudjużi ta’dan il-qasam għadhom mhumiex mija fil-mija ċerti kemm il-bniedem ilu juża l-lingwa, imma kollha jaqblu li l-lingwi ilhom jeżistu sa minn madwar il-mitt elf sena qabel Kristu. Diffiċli wkoll wieħed ikun jaf liema hija l-eqdem lingwa li kienet teżisti fid-dinja u jekk din għadiex tiġi mitkellma fid-dinja tal-lum jew hemmx xi lingwa derivata minnha li għadha tintuża. Mhux ħaġa ħafifa ssib dan it-tagħrif. Hawn qed nirreferi għal ilsien nitkellem.

Fejn jidħol ilsien miktub l-istorja hija kemmxejn differenti. Il-lingwa Sumera, li kienu jużaw fil-Mesopotamja kif ukoll dik Eġiżjana huma aktarx l-eqdem żewġ ilsna li kienu jinkitbu. Tal-anqas tagħhom għandna xi fdalijiet li jmorru lura sa tliet elef u mitejn sena qabel Kristu. Dawn iż-żewġ ilsna ma għadhomx jintużaw. L-Eġiżjani tal-Eġittu tal-lum ma humiex dixxendenti tal-Eġizjani ta’ żmien il-Fargħun meta kienet tintuża din il-lingwa. Allura jekk ikollna ngħidu liema hi l-lingwa l-aktar antika li għadha tintuża sal-lum wisq probabbli jkollna ngħixu li hija ċ-Ċiniż. Din aktarx bdiet tinkiteb għall-ħabta tal-elf u ħames mitt sena qabel Kristu. Il-Grieg klassiku ukoll beda jinkiteb xi ħmistax-il mitt sena qabel Kristu imma l-Grieg tal-lum huwa dixxendent tal-Grieg ta’ dak iż-żmien.

Għeruq komuni
Studjużi tal-lingwistika jsostnu li jeżistu għeruq komuni f’kull ilsien modern fuq wiċċ id-dinja. L-ipotesi tagħhom hija li l-ewwel lingwa verbali, jew aħjar mitkellma u mifhuma minn ħaddieħor, kienet dik imsejħa Indoewropea. Din oriġinat bejn il-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju minn rgħajja u bdiewa li kienu jgħixu f’din in-naħa tad-dinja madwar sebat elef sena ilu. Dawn bdew jinfirxu ’l hemm u ’l hawn u għalhekk bdew jinbtu l-ilsna madwar id-dinja kollha. Illum għad fadal xi ftit frak minn dawn l-ilsna. Dawn l-ilsna inqasmu bejn dawk Injani-Iranjani u dawk Ewropej. Iż-żewġ friegħi komplew jinfirdu. Il-fergħa Ewropea ħarġet minnha l-friegħi Ġermanċi, Romanzi u Slavi filwaqt li l-fergħa Indo-Iranjana ħarġet friegħi oħra bħall-Indjan u ovvjament l-Iranjan jew aħjar il-Persjan. Fil-fond ta’ dawn l-ilsna kollha hemm għeruq komuni minkejja li llum huma ilsna differenti għal kollox minn xulxin.

Ħbieb foloz
Fl-istudju tal-ilsna insibu dawk li jissejħu False Friends, fejn żewġ kelmiet li jkunu jew jinkitbu l-istess f’żewġ ilsna differenti jew ikollhom ħoss jixxiebaħ, ikollhom tifsiriet il bogħod minn xulxin. Każ komuni ħafna huma l-kelmiet Cold bl-Ingliż u Caldo bit-Taljan. Minkejja li jixxiebħu l-Ingliża tfisser ksieħ filwaqt li t-Taljana tfisser sħana, l-oppost totali! Jekk il-kelma “tieni” għat-Taljan tfisser int iżomm, it-tieni persuna singular tal-verb tenere, għalina tieni tfisser bejn tal-ewwel u tat-tielet, żewġ kelmiet għal kollox differenti minn xulxin fit-tifsira minkejja li jinkitbu l-istess.

Billi lsienna huwa semitiku u spiss naħsbu li mal-Għarab nistgħu nitkellmu bla problemi. Il-verità turina xorta oħra. Żewġ eżempji żgħar ngħidhom mill-esperjenza. Ħabib huwa l-maħbub għall xi wħud mill-Għarab filwaqt li jekk trid issemmi ż-żiemel ma’ xi Għarbi aħjar tgħidlu “ħisan” u tevita l-problemi!

Ġmiel u għana
Ngħid għalija jekk tagħtini somma sempliċi, biex inżid jew innaqqas , aktarx li niżbalja, imma fejn tidħol lingwa metaforikament niġġennen. Inkun sejjer fejn inkun sejjer nipprova nitgħallem xi kliem li wara tibqa’ f’moħħi. Baqgħu imwaħħlin f’moħħi dawn il-kelmiet: Dzień dobry, (ġin dobre) il-jum it-tajjeb bil-Pollakk, faleminderit shume, grazzi ħafna bl-Albaniż, Spasiba, li wkoll tfisser grazzi imma bir-Russu. Ovvjament ilsna oħra li studjajt jew li għandi xi ħjiel tagħhom mhux ser noqgħod nikteb dwarhom hawnhekk. Kelma li malli smajtha daqqitli mill-ewwel kienet il-kelma “mukatur”. Din tfisser maktur bid-djalett Naplitan.  Jekk imbagħad infittxu fid-djalett Sqalli hemm kliem li dlonk nindunaw li aħna l-Maltin isselliffih mingħandhom u għamilnih tagħna u minn dawn insibu kemm irridu. Fl-ilsien Berberu, mitkellem fil-Marokk u f’partijiet Arikani oħra, insibu li l-volpi tad-deżert, dak l-annimal b’widnejh twal, jissejjaħ fenek, sewwasew bħalma nsejħu aħna lill-annimal domestiku.
Dan huwa l-ġmiel li wieħed isib meta jidħol fir-ruħ tal-ilsna u jara s-sabiħ tagħhom, jara x’għana u xi ġmiel fihom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Novembru 2019