Visualizzazione post con etichetta hmar. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta hmar. Mostra tutti i post

sabato 2 marzo 2019

Il-Ħmar


Il-ħmar ilu jintuża mill-bniedem kemm biex iġorr lilu jew biex iġorrlu xi tagħbija aktar minn ħamest elef sena. Huwa annimal mill-familja ekwina, jiġifieri taż-żiemel bħalama hija wkoll iż-żebra. Illum il-ħmir, b’erba’ saqajn, naqsu sew mill-pajjiżi żviluppati imma għadhom jagħtu sehemhom f’pajjiżi foqra.

F’Malta ta’ dari
Niftakar meta kont tifel żgħir kien hemm tfajjel xi ftit akbar minni li kien jiġi fit-triq tagħna jbigħ il-ħaxix fuq ħmara. Meta dan it-tfajjel kien ikun l-iskola din il-ħmara kienet tkun tirgħa fil-wied qrib ir-razzett ta’ missieru. Biex ngħid is-sewwa dan ma kienx il-bejjiegħ waħdieni li kien jiġi fit-triq tagħna bil-ħmara, niftakar ukoll lil tal-bigilla b’daqxejn ta’ ħmara tiġbed kaxxa b’żewġ roti ta’ karettun. Kien hemm oħrajn imma dawn it-tnejn l-aktar li baqgħu stampati f’moħħi.

Meta kbirt kelli nsir naf lil bin il-bejjiegħ tal-bigilla u darba staqsejtu għalfejn missieru ma jarmax vann minflok il-ħmara. Hu kien qalli li bil-van ikollok tobdi r-regoli tat-traffiku, tabelli u mitt ħaġa oħra, bil-ħmara tgħaddi minn kullimkien. Insomma qed insemmi ħafna snin ilu meta t-traffiku f’Malta ma kienx bħal dak tal-lum u għalhekk billi ħmara tgħaddi minn triq one way ma kinitx se taqa’ d-dinja. Immaġinaw illum iżomm triq mimlija karozzi għax tkun għaddejja ħmara tiġbed karettun warajha.

Il-ħmar kien ukoll annimal domestikat. Mhux qed ngħid domestiku imma kien hawn min iżommu għad-delizzju. In-nannu tiegħi niftakru bi ħmar u mhux darba jew tnejn kien joħodni xi dawra bih. U l-ħmar tan-nannu kien jiġri mhux ħażin. Darba qalbu minn fuq il-karettun u n-nannu spiċċa kollu tbenġil, imma lin-nanna ma qalilhiex li kien waqqgħu l-ħmar imma qalilha li kien żelaq. Mur oqgħod biha kieku kellu jgħidilha li dak li ġralu kien tort tal-ħmar!

Prodotti
Storja popolari ħafna li tirrigwarda l-ħmir hija dik li s-Sultana Kleopatra tal-Eġittu kienet tinħasel bil-ħalib tal-ħmara biex iżżomm sbuħitha. Jingħad li anke Poppea, il-mara tal-Imperatur Neruni kienet tagħmel l-istess ħaġa. Jingħad ukoll li Pawlina, oħt Napuljun Bonaparti wkoll kienet tinżel f’banju mimli ħalib tal-ħmir biex tibqa’ sabiħa.

Hu x’inhu il-ħmara tipproduċi l-ħalib bħal kull annimal mammiferu ieħor. Dan il-ħalib hemm fejn jintuża biex minnu jsir il-ġobon. U biex tkun taf dan il-ġobon huwa l-aktar ġobon għoli fid-dinja. Ovvjament ħmir li jitrabbew biex jipproduċu l-ħalib huma ftit ħafna meta mqabblin ma’ baqar, nagħaġ jew mogħoż. Barra minn hekk biex wieħed jagħmel kilo minn dan il-ġobon irid ħamsa u għoxrin litru ħalib. Jingħad li kilo ġobon tal-ħmara jista’ jkun jiswa sa elf ewro. Imbagħad issib min jgħidlek li hu jiekol “ħobż u ġobon”, skont x’ġobon imma!

Il-laħam tal-ħmar jista’ jittiekel bħalma jittiekel dak taż-żiemel. Hawn min ma jieklux dan il-laħam, imma jekk ikun imsajjar tajjeb nassigurakom li huwa tajjeb immens. Attenti għax jgħolli l-pressjoni.

Laqam
Aħna l-bnedmin għandna l-idea li ħmar huwa annimal injorant u għalhekk lil xi persuna li moħħha ma jkunx iwassal wisq insejħulu ħmar. Ħmir b’żewġ saqajn hawn iduru madwarna. Ħmar huwa dak il-bniedem li ma jkunx jaf li qed idejjaq lil ħaddieħor, ħmar hu dak il-bniedem li mingħalih jaf kollox. Min jaf kollox fid-dinja? Ħmar ta’ veru huwa dak il-bniedem li ma jafx li hu ħmar. Aħna l-Maltin għandna kelma oħra għal bniedem injorant; ngħidulu ċuċ. Il-kelma ċuċ (ciucio) ma tfisser xejn għajr “Ħmar” fil-Calabria, il-Baslicata u l-Campania. Mela jekk bniedem tgħidlu ċuċ tkun qed tgħidlu ħmar.

Fil-qwiel
Il-ħmar għandu bosta qwiel marbuta ma’ xortih. Naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema ngħidlu jekk kliemna dejjem jaqa’ fuq widnejn torx u l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Imbagħad issib min jgħid il-qawl: Aħjar issuq erba’ żwiemel milli ssuq ħmar. Jgħidulek ukoll: Orbot il-ħmar fejn jgħidlek sidu. Jekk ikollok xi ħaġa u jużaha ħaddieħor minflokok tgħid li ħmar tiegħek imma tirkeb wara u jekk tnejn min-nies jagħtu t-tort lil xulxin ngħidu li l-ħmar iwaħħal f’denbu. Jekk tipprova tgħallem lil min ma jridx ngħidu li jekk taħsel ras il-ħmar taħli l-ilma u s-sapun.

Dawn huma l-aktar użati imma hemm xi oħrajn ukoll.

Fil-Bibbja
Il-ħmar jissemma’ f’xi kotba tal-Bibbja. Bil-kontra taż-żiemel, li hu meqjus bħala l-annimal li jġorr lis-slaten, il-ħmar huwa dak l-annimal li jaħdem, dak li jdawwar is-sienja. Fl-Evanġelju nsibu d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fuq felu ta’ ħmara.

Interessanti li fil-presepju ħdejn il-maxtura naraw baqra u ħamra, imma dawn ma jissemmewx fl-Evanġelji, dawn dħalu minn kotba oħra li ma jagħmlux parti  mill-Bibbja.
X’kontradizzjoni hux? Jekk bniedem ikun ħmar hija kundizzjoni tal-biki filwaqt li jekk annimal ikun il-ħmar huwa annimal li ilu eluf ta’ snin jgħin lill-bniedem!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon -  2 ta' Marzu 2019

lunedì 17 luglio 2017

Il-ħmar u l-karrotta

Qatt rajtu xi karikatura ta’ ħmar li jkollu  marbuta karrotta quddiemu biex dan jimxi u jipprova jilħaqha iżda billi l-karrotta tkun marbuta ma’ zokk li jkun marbut ma’ dahar il-ħmar, dal-povru annimal jimxi kemm jimxi ma jkun jista’ jilħaq qatt dik il-karrotta? Din hija karikatura iżda tirrifletti sewwa bosta sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħna. Ħalli naraw xi ħaġa dwar il-ħmir u dwar il-karrotti imbagħad narawhom flimkien.

Il-ħmar
Illum il-ħmar huwa annimal li jinżamm għad-delizju, minkejja li naqas sewwa mit-toroq tagħna. Dan l-annimal ilu jintuża mill-bniedem fix-xogħol tiegħu għal akar minn 5,000 sena. Fil-pajjiżi sottożviluppati dan l-annimal għadu jintuża ħafna għaliex bosta drabi huwa l-mezz waħdieni ta’ trasport. Anke l-ħmir bix-xorti għax f’ pajjiż sottożviluppat ħmar aktarx jgħix bejn 12 u 15-il sena filwaqt li f’ pajjiżi oħra jgħix madwar 35 sena u għandu mnejn anke jasal san-nofs seklu.

Billi l-ħmar ġej mir-razza taż-żwiemel, dawn iż-żewġ bhejjem ġieli jitgħammru u hemm jitwieled il-bagħal. Il-ħmara tista’ titgħammar ukoll maż-żebra billi huma tal-istess razza wkoll. Bosta drabi il-bgħula jkunu sterili u jinżammu għax-xogħol aktar milli għad-delizju.

Snin ilu l-ħmar kien jidher sewwa fit-toroq ta’ pajjiżna. Minbarra li kien iwassal lil sidu fejn kien ikun irid imur, kien ukoll jaqdih waqt il-ħidma tiegħu. Tal-bigilla niftakru bil-ħmara u lil tal-ġelat l-istess. Miniex insemmi mijiet ta’ snin ilu iżda anqas minn 50 sena. Kien jiġi tal-ħaxix fit-triq tagħna bil-ħmar u ieħor ibiegħ affarijiet tad-dar bħal fliskaturi, vażuni, xkupi u ma nafx xiex aktar kien idur it-toroq bil-bagħal. Lil tal-irkotta niftakru jiġi minn Ħal Kirkop biż-żiemel imma llum il-kliem mhux fuq iż-żiemel jew il-bagħal iżda fuq il-ħmar.

Il-ħmar insibuh ukoll fil-Bibbja, bosta drabi fit-testment il-qadim u anke f’ dak ġdid fejn insibu lil Kristu riekeb felu fid-daħla tiegħu f’ Ġerusalemm. Id-drawwa tgħidilna li anke fit-twelid ta’ Kristu kien hemm ħmara fl-għar ta’ Beltem, imma ma għandna xejn ċert fuq din id-drawwa.

Il-karrotta
Din il-ħaxixa, jew aħjar għerq, aktarx oriġinat mill-Persja u aktarx li kienet titkabbar biex mill-pjanta tagħha kienu jittieħdu ż-żrieragħ.

Aħna l-aktar familjari mal-karrotta ta’ lewn orangjo iżda hawn bosta tipi ta’ karrotti bi lwien differetni, minn vjola sa abjad.  Il-karrotta ma hijiex xi pjanta delikata wisq u tikber bla ħtieġa ta’ attenzjoni żejda. Niftakar l-ewwel darba li żort l-Albanija kont bqajt impressjonat bl-ammont ta’ rgiel mal-ġenb tat-toroq li jbiegħu l-karrotti. Kienu fissruli li l-art ma tantx kienet fertili f’ ċerti nħawi imma kienet tajba biżżejjed biex jitkabbar il-karrotti fiha. Allura kulħadd kien ikabbar il-karrotti biex ibiegħhom, imma l-problema kienet li kulħadd kien ikollu l-karrotti minn tiegħu u ħadd ma kien ikollu għalfejn jixtri mingħand ħaddieħor!

Il-karrotta fiha ammont kbir ta’ ilma użda fiha wkoll xi ftit taz-zokkor, fiha ammont ta’ vitamini wkoll. Illum huma bosta dawk li jieklu l-karrotti nejjin bħala deżerta jew snack. Qatt doqtuh il-kejk tal-karrotti? Nassigurakom li huwa tajjeb ħafna u jekk idduqu lanqas tinduna li dan  ma jkunx fih zokkor iżda l-ingredent li jagħti l-ħlewwa huwa l-karrotti. Jekk xi darba doqtu naħseb li qed taqbel miegħi. Jingħad ukoll li l-karrotti huma tajbin ħafna għall-vista tal-għajnejn.

Il-ħmar u l-karrotta
Jekk il-ħmar waħdu huwa annimal li ta jew għadu jagħti għajnuna lill-bniedem u jekk il-karrotta waħdiha hija ħaxixa tajba għalina l-bnedim ukoll, meta dawn it-tnejn jitpoġġew flimkien ma tantx iħallu konnatazzjoni tajba. Bħalma għidt fil-bidu meta jpinġulek ħmar bil-karrotta quddiemu jkun ifisser li xi ħadd qed iwegħdek xi ħaġa u jibqa’ jwegħdek u inti tibqa’ timxi wara l-karrotta bla ma qatt tkun tista’ tilħaqha.

Din is-sitwazzjoni insibuha f’ bosta ambjenti fil-ħajja tagħna. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra għaddejna minn xi esperjenza li wegħduna xi ħaġa u l-wegħda baqgħet fiergħa u ma twettqet qatt. Tista’ tkun wegħda mill-ħbieb, mill-familjari, mill-imgħallem tax-xogħol, mill-politku, minn xi awtorità.

Il-karrotta tista’ titpoġġa quddiem ras il-ħmar minn xi entità ta’ saħħa bħall-gvern, il-Knisja jew minn xi istituzzjoni oħra li jkollha xi ftit setgħa fuqhek. Tirrabja u tħossok trid itrritalja, imma kun af li darba biss David rebaħ lil Gulija, normalment l-istorja dejjem tkun bil-kontra.  Għalhekk l-aħjar ħaġa li tagħmel meta tinduna hu li lil dak li jkun rabatlek il-karrotta quddiem imnieħrek tibda tgħoddu ta’ li hu, iddawwar wiċċek minnu. Ftakar dejjem li m’intix l-ewwel ħmar li sibt quddiemek karrotta li qatt ma tista’ tilħaq.


Il-parir tiegħi hu li jekk tinduna li rabtulek karrotta quddiem imnieħrek, taqax għan-nassa tagħhom, timxix warajha, ħallihom isibu ħmar ieħor quddiem min idendlu l-karrotta.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 15 ta' Lulju 2017