Qatt rajtu xi karikatura ta’ ħmar li jkollu
marbuta karrotta quddiemu biex dan jimxi u jipprova jilħaqha iżda billi
l-karrotta tkun marbuta ma’ zokk li jkun marbut ma’ dahar il-ħmar, dal-povru
annimal jimxi kemm jimxi ma jkun jista’ jilħaq qatt dik il-karrotta? Din hija
karikatura iżda tirrifletti sewwa bosta sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħna. Ħalli
naraw xi ħaġa dwar il-ħmir u dwar il-karrotti imbagħad narawhom flimkien.
Il-ħmar
Illum il-ħmar huwa annimal li jinżamm għad-delizju, minkejja li naqas sewwa
mit-toroq tagħna. Dan l-annimal ilu jintuża mill-bniedem fix-xogħol tiegħu għal
akar minn 5,000 sena. Fil-pajjiżi sottożviluppati dan l-annimal għadu jintuża
ħafna għaliex bosta drabi huwa l-mezz waħdieni ta’ trasport. Anke l-ħmir
bix-xorti għax f’ pajjiż sottożviluppat ħmar aktarx jgħix bejn 12 u 15-il sena
filwaqt li f’ pajjiżi oħra jgħix madwar 35 sena u għandu mnejn anke jasal
san-nofs seklu.
Billi l-ħmar ġej mir-razza taż-żwiemel, dawn iż-żewġ bhejjem ġieli
jitgħammru u hemm jitwieled il-bagħal. Il-ħmara tista’ titgħammar ukoll
maż-żebra billi huma tal-istess razza wkoll. Bosta drabi il-bgħula jkunu
sterili u jinżammu għax-xogħol aktar milli għad-delizju.
Snin ilu l-ħmar kien jidher sewwa fit-toroq ta’ pajjiżna. Minbarra li kien
iwassal lil sidu fejn kien ikun irid imur, kien ukoll jaqdih waqt il-ħidma
tiegħu. Tal-bigilla niftakru bil-ħmara u lil tal-ġelat l-istess. Miniex insemmi
mijiet ta’ snin ilu iżda anqas minn 50 sena. Kien jiġi tal-ħaxix fit-triq
tagħna bil-ħmar u ieħor ibiegħ affarijiet tad-dar bħal fliskaturi, vażuni,
xkupi u ma nafx xiex aktar kien idur it-toroq bil-bagħal. Lil tal-irkotta niftakru
jiġi minn Ħal Kirkop biż-żiemel imma llum il-kliem mhux fuq iż-żiemel jew
il-bagħal iżda fuq il-ħmar.
Il-ħmar insibuh ukoll fil-Bibbja, bosta drabi fit-testment il-qadim u anke
f’ dak ġdid fejn insibu lil Kristu riekeb felu fid-daħla tiegħu f’ Ġerusalemm.
Id-drawwa tgħidilna li anke fit-twelid ta’ Kristu kien hemm ħmara fl-għar ta’
Beltem, imma ma għandna xejn ċert fuq din id-drawwa.
Il-karrotta
Din il-ħaxixa, jew aħjar għerq, aktarx oriġinat mill-Persja u aktarx li
kienet titkabbar biex mill-pjanta tagħha kienu jittieħdu ż-żrieragħ.
Aħna l-aktar familjari mal-karrotta ta’ lewn orangjo iżda hawn bosta tipi
ta’ karrotti bi lwien differetni, minn vjola sa abjad. Il-karrotta ma hijiex xi pjanta delikata wisq
u tikber bla ħtieġa ta’ attenzjoni żejda. Niftakar l-ewwel darba li żort
l-Albanija kont bqajt impressjonat bl-ammont ta’ rgiel mal-ġenb tat-toroq li
jbiegħu l-karrotti. Kienu fissruli li l-art ma tantx kienet fertili f’ ċerti
nħawi imma kienet tajba biżżejjed biex jitkabbar il-karrotti fiha. Allura
kulħadd kien ikabbar il-karrotti biex ibiegħhom, imma l-problema kienet li
kulħadd kien ikollu l-karrotti minn tiegħu u ħadd ma kien ikollu għalfejn
jixtri mingħand ħaddieħor!
Il-karrotta fiha ammont kbir ta’ ilma użda fiha wkoll xi ftit taz-zokkor,
fiha ammont ta’ vitamini wkoll. Illum huma bosta dawk li jieklu l-karrotti
nejjin bħala deżerta jew snack. Qatt
doqtuh il-kejk tal-karrotti? Nassigurakom li huwa tajjeb ħafna u jekk idduqu
lanqas tinduna li dan ma jkunx fih
zokkor iżda l-ingredent li jagħti l-ħlewwa huwa l-karrotti. Jekk xi darba doqtu
naħseb li qed taqbel miegħi. Jingħad ukoll li l-karrotti huma tajbin ħafna
għall-vista tal-għajnejn.
Il-ħmar u l-karrotta
Jekk il-ħmar waħdu huwa annimal li ta jew għadu jagħti għajnuna lill-bniedem
u jekk il-karrotta waħdiha hija ħaxixa tajba għalina l-bnedim ukoll, meta dawn
it-tnejn jitpoġġew flimkien ma tantx iħallu konnatazzjoni tajba. Bħalma għidt
fil-bidu meta jpinġulek ħmar bil-karrotta quddiemu jkun ifisser li xi ħadd qed
iwegħdek xi ħaġa u jibqa’ jwegħdek u inti tibqa’ timxi wara l-karrotta bla ma
qatt tkun tista’ tilħaqha.
Din is-sitwazzjoni insibuha f’ bosta ambjenti fil-ħajja tagħna. Ilkoll kemm
aħna xi darba jew oħra għaddejna minn xi esperjenza li wegħduna xi ħaġa u
l-wegħda baqgħet fiergħa u ma twettqet qatt. Tista’ tkun wegħda mill-ħbieb,
mill-familjari, mill-imgħallem tax-xogħol, mill-politku, minn xi awtorità.
Il-karrotta tista’ titpoġġa quddiem ras il-ħmar minn xi entità ta’ saħħa
bħall-gvern, il-Knisja jew minn xi istituzzjoni oħra li jkollha xi ftit setgħa
fuqhek. Tirrabja u tħossok trid itrritalja, imma kun af li darba biss David
rebaħ lil Gulija, normalment l-istorja dejjem tkun bil-kontra. Għalhekk l-aħjar ħaġa li tagħmel meta tinduna hu
li lil dak li jkun rabatlek il-karrotta quddiem imnieħrek tibda tgħoddu ta’ li
hu, iddawwar wiċċek minnu. Ftakar dejjem li m’intix l-ewwel ħmar li sibt quddiemek
karrotta li qatt ma tista’ tilħaq.
Il-parir tiegħi hu li jekk tinduna li rabtulek karrotta quddiem imnieħrek,
taqax għan-nassa tagħhom, timxix warajha, ħallihom isibu ħmar ieħor quddiem min
idendlu l-karrotta.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento