Ftit ġimgħat ilu f’
artiklu tiegħi ktibt dwar drawwiet li aħna l-Maltin addottajna mill-Italja. F’
dak l-artiklu (3 ta’ Ġunju 2017) kont semmejt l-infiorata li ssir ġewwa
Genzano, dak it-tapit ta’ fjuri li jsir
għall-festa ta’ Coprus. Dan l-aħħar kont b’ xogħol l-Italja u l-aħħar jum kelli
ngħaddih Ruma. Inzerta li kien iż-żmien li ssir din l-infiorata u għalhekk
approfittajt ruħi u mort inżurha. Kienet esperjenza tant sabiħa li nixtieq
naqsamha magħkom.
Bil-ħsieb ta’ dan
l-artiklu f’ moħħi bdejt nistaqsi kif u x’ fatta. Mort l-uffiċċju tal-kunsill
lokali tal-post u sibt kull għajnuna.
Għal min ma qarax
l-artiklu tat-3 ta’ Ġunju, forsi dakinhar kien imħabbat bl-Elezzjoni Ġenerali, ngħidlu
biss li din hija attività li ssir ġewwa Genzano di Roma fejn isir bħal tapit
tal-petali tal-fjuri ta’ kull lewn li jiksi triq sħiħa. Dan isir ta’ kull sena
għall-festa ta’ Corpus Christi.
Minn xhur qabel
Ix-xogħol għal din
l-infiorata jieħu fit-tul. Il-Comune jagħżel it-tema għal dik is-sena. Din
is-sena t-tema kienet “Talb għall-Paċi – djalogu bejn Reliġjonijiet u Kulturi”.
F’ Jannar, bosta gruppi jippreżentaw disinn biex jiġi kkunsidrat mill-kunsill.
Ma hemm l-ebda forma ta’ kompetizzjoni, għalhekk ma hemmx il-pika. Meta
jingħażlu d-disinni kollha li jkunu sejrin jiffurmaw dan it-tapit imlewwen, jiġi
kkalkulat l-ammont ta’ fjuri li jkun hemm bżonn, jaraw kemm kuluri differenti
jkunu sejrin jintużaw u x’ tip ta’ fjuri jkunu jinħtieġu. Wara dan ix-xogħol
jiġu ordnati l-fjuri kollha, miljuni ta’ fjuri. Din is-sena l-fjuri kollha
waslu mill-belt ta’ Napli.
L-uffiċċju tal-Kunsill
Lokali ta’ Genzano di Roma għandu aċċess għall-mini li hemm taħt l-art tul
ir-raħal kollu. Dawn kienu jintużaw fil-medjuevu biex f’ każ ta’ xi attakk
mill-għadu dak li jkun kien ikun jista’ jaħrab. Matul it-tieni gwerra dinjija
dawn intużaw bħala kenn mill-attakki tal-għadu. Illum parti minnhom tintuża
biex jinżammu l-petali tal-fjuri tal-infiorata.
F’ kamra qabel tinżel
għal dawn il-mini jsir il-qtugħ tal-petali. Dawn jitpoġġew f’ tilari bil-qiegħ
tax-xibka biex tgħaddi l-arja u jibqgħu friski. Hemmhekk wieħed jara mijiet ta’
tilari b’ petali ta’ kull lewn. Iz-zkuk tal-fjuri jintremew, iżda xi ftit minnhom
jistgħu jintużaw jekk fid-disinn ikun hemm l-aħdar skur. L-aħdar l-ieħor isir
bil-weraq tal-busbies.
Via Italo Belardi
It-triq li fiha ssir din
il-manifestazzjoni artistika ġġib l-isem ta’ Italo Belardi. Sa 90 sena ilu din
it-triq kien jisimha Via Livia. Fis-seklu XVIII, meta bdiet issir din
il-manifestazzjoni din it-triq kienet l-aktar waħda wiesa’ ġewwa r-reġjun
tal-Lazio. Tajjeb ngħidu li sal-1875 din l-infiorata ma kinitx issir f’ din
it-triq iżda f’ waħda qribha. Din it-triq wiesa hija t-telgħa li mill-misraħ
prinċipali tar-raħal twasslek sal-knijsa ta’ Santa Maria in Cima minn fejn
toħroġ il-purċissjoni ta’ Corpus.
Illum l-infiorata ta’
triq Italo Belardi f’ Genzano hija appuntament annwali iżda din ma kinitx issir
kull sena. Fis-seklu XIX kien hemm żewġ waqfiet ta’ dsatax-il sena kull waħda.
Fis-seklu XX bdiet tkun aktar kostanti u ma saritx f’ xi snin tal-bidu
tas-seklu, fl-1932, 1934, 1935 u matul it-tieni gwerra dinjija.
Ix-xogħol tal-infiorata
fit-triq jibda l-Ġimgħa filgħaxija meta l-artisti li jkunu ntgħażlu jibdew
jiddisinjaw il-proġett tagħhom fl-art permezz tal-ġibs abjad. Is-sibt
filgħaxija jibdew jitpoġġew il-petali f’ posthom. Dan ix-xogħol jibqa’ għaddej
matul il-lejl kollu u jekk ma jkunx lest jitkompla matul il-jum tas-Sibt.
Kollox ikun lest sal-Ħadd filgħodu. B’ kollox isiru tlettax-il kwadru kbar, kollha
maħdumin minn petali ta’ fjuri li jiffurmaw tapit wieħed tul it-triq kollha.
Artisti
Minkejja li din
l-infiorata ma hijiex kompetizzjoni, xorta waħda bosta artisti jaspiraw li
jkollhom ix-xorti li xi darba jew oħra xi disinn minn tagħhom ikun f’ din il-manifestazzjoni
artistika. Waqt li kont qed indur din l-infiorata iltqajt u tkellimt ma’ Daniele
Becherelli, wieħed mill-artisti li kellu x-xogħol ta’ biċċa mit-tapit tal-fjuri
taħt idejh. Hemmhekk iltaqajt ukoll mal-artista Silvia D’ Onorio li qaltli li
ftit ġimgħat ilu kienet Malta fuq xogħol ta’ infiorata. Staqsejtha fejn u
qaltli li kienet ir-Rabat Għawdex biex taħdem fuq tapit tal-fjuri li sar
fit-telgħa taċ-Ċittadella.
Fi kwadru ieħor kienet
tidher mappa tal-Italja. F’ din il-mappa, maħduma kollha minn petali u weraq
tal-busbies kienet tidher Malta. Ma kellix l-okkażjoni niltaqa’ mal-artisti li
wettqu dan il-kwadru imma kelli nissodisfa ruħi b’ ritratt tax-xogħol.
Arti tal-meravilja, hekk
hi din l-attività. Ħassejt li kelli naqsam magħkom din l-esperjenza għaliex
aħna l- Maltin inħobbu nżuru Ruma imma forsi ftit li xejn naħsbu biex immorru nżuru l-irħula
tal-periferija, dawk lin jissejħu Castelli Romani, bħal Castel Gandolfo,
Frascati, Nemi, Marino, Albano Laziale u r-raħal fejn issir din l-infiorata
Genzano.
Fr Reno Muscat
Dawn ir-ritratti huma tal-fotografu Angelo Sabanito u qed jiġu murija hawnhekk bil-permess ġentili tiegħu.
Nessun commento:
Posta un commento