
Isir l-ewwel pass
Ġewwa l-belt ta’ Bologna f’ Italja,
Federico Bastiani, ġurnalista lawrjat fl-ekonomija, induna li ibnu ma kellux ma’ min jilgħab il-ballun. Huwa ddeċieda li jgħin lil ibnu u mar fuq Facebook biex isib min jista’ jilgħab ma’ ibnu. Ovvjament, ma setax isib ħbieb għal ibnu li jkunu joqgħodu bogħod. Il-ħbieb riedu jkunu joqgħodu qrib kemm jista’ jkun. X’ għamel Bastiani? Ħoloq grupp fuq Facebbook, il-post per eċċellenza fejn jiltaqgħu l-bnedmin illum. Il-grupp kellu l-ħsieb li jkollu fih membri lil dawk li joqgħodu qrib tad-dar ta’ Bastiani. Kien Settembru 2013 meta twieled il-grupp bl-isem Via Fondazza e Dintorni.
Il-grupp ta’ din it-triq beda bi ftit membri iżda ma damx wisq ma kiber.
Il-membri tal-grupp fl-aħħar ftehmu li jiltaqgħu u dawn il-laqgħat bdew isiru
spiss. Mhux aktar laqgħat fuq il-komputer imma laqgħat f’ post komuni, f’ sala
qrib it-triq tagħhom. F’ dawn il-laqgħat bdew jinqasmu l-ideat ta’ kreattività,
suġġerimenti u fuq kollox laqqa’ ġirien li qatt ma kienu raw lil xulxin qabel.
X’ dinja din hux? Ġirien li qatt ma jkunu raw lil xulxin minkejja li jkunu
ilhom snin twal jgħixu fl-istess triq, forsi fl-istess blokk ta’ appartamenti!
Iben Bastiani ma damx wisq ma sab ħbieb tamparu ma’ min jilgħab.
Idea li nxterdet

Hekk Facebbok, in-network soċjali li spiss ikun meqjuż bħala l-intrata
għas-solitudni, sar il-benniena ta’ esperiment soċjali mill-aktar innovattivi,
fejn minkejja li joħloq grupp virtwali, iwassal għal laqgħat soċjali verament,
mhux biss virtwali imma laqgħat fejn bnedmin tad-demm u l-laħam iħallu darhom,
iqumu minn fuq is-siġġu ta’ quddiem il-komputer u jiltaqgħu ma’ bnedmin
tad-demm u l-laħam bħalhom. Social Street huwa x-xewa ta’ relazzjoni umana
fiż-żmien il-Facebook. Social Street hija idea tassew sempliċi li ftit ftit qed
isir idea rivoluzzjonarja. Social Street għandha mnejn tkun it-triq li treġġa’
lura lill-bniedem biex ikun soċjali bħalma kien qabel daħal l-internet fi
djarna.
Tkompli tikber
Wara tliet snin u nofs mit-twelid tal-ewwel grupp Social Street, Federico
Bastiani stqarr li fil-bidu ma kellux f’ moħħu li dan il-proġett se jkollu s-suċċess
li kellu, ried jgħin lil ibnu u spiċċa biex jgħin lil bosta toroq. Bosta bliet
u rħula qegħdin joħolqu gruppi Social Street li qed iħallu r-riżultat mixtieq.
M’ ilux kont f’ raħal qrib Avellino, raħal ta’ mhux aktar minn 3,500
abitant. Raħal fuq il-muntanji li minkejja li l-poplu għadu jiltaqa’ fil-pjazza
u bosta mir-residenti għadhom imorru l-quddies kuljum, xorta nħass il-bżonn li
jinbeda dan il-proġett. Illum ma tridx wisq risorsi biex twaqqaf grupp bħal
dawn, l-għodda għandu kulħadd, li jkun jeħtieġ hija l-inizjattiva. F’ dan
il-każ li qed insemmi, l-inizjattiva ħadha l-arċipriet tar-raħal. Kull triq għandha
rappreżentant li joħloq grupp li fih jinkitbu l-ġirien. Bis-saħħa ta’ dawn
il-gruppi, ħafna ġirien bdew isiru jafu lil xulxin aktar u bdew jgħinu lil xulxin.
Jaqsmu bejniethom l-ideat u l-esperjenzi.
Ma nafx jekk Malta għandniex minn dawn il-gruppi, jista’ jkun li iva.
Meta kont għadni ngħix Bologna kont ngħaddi spiss qrib Via Fondazza. Min
qatt kellu jgħidli li minn din it-triq kellha tinbet idea hekk sabiħa li
tinxtered ma’ bosta partijiiet tal-Italja, u mhux biss, imma nake fl-Amerika
qed jitwaqqfu gruppi bħal dawn. U f’ pajjiżna min se jieħu l-inizjattiva?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 22 ta' Lulju 2017
Nessun commento:
Posta un commento