Fir-raħal tagħna nagħmlu festa lill-patrun tal-Belt Rohan, San Filep ta’
Agira, u bosta Żebbuġin iġibu isem il-patrun tar-raħal. Biss dan ma huwiex
l-uniku qaddis li jġib dan l-isem. Ha naraw ftit xi qaddisin oħra li wkoll
iġibu l-isem ta’ Filippu.
San Filippu Appostlu
Qaddis tal-ewwel seklu. Aktarx li dan Filippu twieled ġewwa Betsaida
fil-Palestina. Kien wieħed minn tal-ewwel li ssejjaħ minn Ġesù biex jimxi
warajh u għażlu bħala Appostlu. Aktarx li qabel ma mexa wara l-Mulej, kien
dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista. Minbarra dak li nsibu dwaru fl-erba’ Evanġelji,
it-tradizzjoni mhux dejjem taqbel dwar xi stejjer li jingħadu dwaru. Żgur li
xandar il-fidi ta’ Kristu ġewwa l-Friġja taħt l-Imperatur Domizjanu. Aktarx li
kien fil-Friġja stess li Filippu ħa l-martirju billi sallbuh rasu ’l isfel.
Il-knisja tiċċelebra l-festa ta’ dan l-Appostlu nhar it-3 ta’ Mejju flimkien
mal-Appostlu Ġakbu ż-żgħir.
San Filippu Benizi
Dan il-qaddis twieled ġewwa Firenze l-Italja fis-sena 1233. Wara li studja
l-mediċina u l-filosofija ħass is-sejħa li jingħaqad mal-Ordni tas-Servi ta’
Marija li kien twaqqaf ftit tas-snin qabel. Ingħaqad ma’ dan l-Ordni fl-1254
fejn laħaq saċerdot u aktar tard Majjistru tal-Ordni. Aktar tard huwa kien
assenjat fil-kunvent ta’ Monte Senario fejn ukoll laħaq mexxej. Bħala Pirjol
Ġenerali huwa kellu ħajja mimlija attività kemm fl-Italja kif ukoll barra
mill-Italja. Fi żmienu l-Ordni kien għaddej minn żmien diffiċli u Filippu
tħabat sakemm akkwista ittra ta’ protezzjoni appostolika għall-Ordni mingħand
il-Papa Onorju IV. L-aħħar snin ta’ ħajtu huwa għaddiehom fil-kunvent ta’ Todi,
wieħed mill-ifqar kunventi li kellu l-Ordni. Miet f’ dan l-istess kunvent nhar
it-22 ta’ Awwissu 1285. Kien kanonizzat mill-Papa Klement X fl-1671. Il-festa
tiegħu tkun iċċelebrata nhar it-22 ta’ Awwissu.
San Filippu Neri
Filippu Neri twieled ġewwa Firenze l-Italja fis-sena 1515. Missieru kien
nutar u ċ-ċkejken Filippu studja biex jilħaq hu wkoll nutar. Ġewwa Firenze,
fil-kunvent Dumnikan ta’ San Marco kien hemm Fra Girolamo Savonarola li ħalla
influenza kbira fuq Neri. Kien influenzat ukoll mill-patrijiet Benedittini ta’
Montecassino. Ta’ tmintax-il sena ħalla Firenze u mar jgħix Ruma għal sbatax-il
sena fejn studja l-filosofija u t-teoloġija u ħadem bħala skrivan. Kien jikteb
ukoll għadd ta’ poeżiji. Fl-1538 huwa beda jaħdem maż-żgħażagħ ta’ Ruma u
waqqaf għaqda ta’ lajċi li kienu jiltaqgħu biex jagħmlu ħin ta’ adorazzjoni u
biex jgħinu lill-pellegrini u l-morda li jkunu Ruma. Filippu kien jgħaddi ħin
twil jitlob ġewwa l-katakombi ta’ San Bastjan fejn fl-1544 kellu estasi li
ħallietlu marka f’ ħajtu u f’ qalbu. Fl-1551 huwa kien ordnat saċerdot u beda
jgħix fid-dar ekklesjastika msejħa ta’ San Gilormu. Hemmhekk dlonk ħa fama ta’
konfessur tajjeb li kien jaf jaqra l-qlub.
Ix-xogħol maż-żgħazżagħ baqa’ jagħmlu minkejja x-xogħol l-ieħor kollu u
fl-1575 waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Oratorju. Din il-kongregazzjoni bniet
knisja ġdida ġewwa Ruma li minkejja li isimha propja huwa Santa Maria in Vallicella, aktar hija magħrufa bħala Chiesa Nuova. Huwa miet fis-26 ta’ Mejju
tas-sena 1595 u jinsab midfun fil-knisja magħrufa bħala Chiesa Nuova f’ Ruma. Il-festa ta’ dan il-qaddis tkun iċċelebrata fis-26
ta’ Mejju.
San Filippu ta’ Ġesù
Felipe de Las Casas Martinez twieled ġewwa l-Messiku propju ġewwa Mexico
City fl-1572. Huwa daħal mal-patrijiet Franġiskani, iżda ftit wara ħalla
l-ħajja reliġjuża. Beda jaħdem u mar il-Filippini, fejn għex ħajja ta’ xalar.
Aktar tard reġa’ ħass x’ jiġbdu lejn il-ħajja reliġjuża u fl-1590 daħal
fl-Ordni Franġiskan ġewwa Manila. Wara xi snin is-superjuri tiegħu raw li kien
jista’ jiġi ordnat saċerdot iżda billi fil-Filippini ma kienx hemm Isqof,
iddeċidew li jibgħatuh il-Messiku u jkun ordnat hemmhekk. Telaq minn Manila
fit-12 ta’ Lulju 1596 iżda qamet maltempata u x-xini li kien fuqu spiċċa fuq
il-kosta tal-Ġapun. Il-Ġappuniżi ħatfu x-xini għax beżgħu li dan kien ser jibda
xi gwerra. Il-passiġieri intefgħu l-ħabs iżda Filippu u xi patrijiet oħrajn
inżammu b’ għassa fuqhom ġewwa kunvent. Fit-30 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena
mill-kunvent ittieħdu f’ ħabs. Minn hawn beda l-martirju ta’ Filippu u l-bosta
reliġjużi oħra sakemm ħadu l-martirju tas-salib
ġewwa Nagasaki nhar il-5 ta’ Frar 1597.
Dawn il-martri, magħrufin bħala l-Martri tal-Ġappun ġew ikkanonizzati
mill-Papa Piju IX fl-1862. Il-festa ta’ San Filippu ta’ Ġesù u l-martri l-oħra
tal-Ġappun tkun iċċelebrata fis-6 ta’ Frar.
San Filippu
Howard
Filippu twieled Londra l-Ingilterra fl-1557 minn familja aristokratika. Hu
kien l-uniku wild ta’ Tumas, ir-raba’ Duka ta’ Norfolk. Meta fl-1559 ir-Reġina
Eliżabetta I kienet inkurunata bħala sultana tal-Ingilterra u l-Irlanda,
il-familja Howard abbandunat il-fidi Kattolika u ħaddnet dik Anglikana. Filippu
studja l-liġi u gradwa mill-Università ta’ Cambridge fl-1576. Erba’ snin wara
huwa ġie mogħti t-titlu ta’ Konti ta’ Arundel. Meta għalaq 18-il sena
irranġawlu ż-żwieġ ma’ Anna Dacre, bint Lord Thomas Decre. Iż-żwieġ ma tantx
kien wieħed feliċi u l-mara kienet abbandunata għal xi żmien iżda Filippu reġa’
lura lejn martu wara li sema’ taħdita minn patri Ġiżwita. Martu kienet
strumentali għall-konverżjoni ta’ Filippu li seħħet fl-1584. Dak iż-żmien ma
kienx faċli li l-Katoliċi jgħixu l-Ingilterra u għalhekk fl-1585 Filippu
flimkien ma’ xi membri tal-familja ppruvaw jaħarbu mill-Ingilterra iżda nqabdu.
Kien akkużat bi tradiment u tawh is-sentenza tal-mewt. Madanakollu s-sentenza
qatt ma ġiet esegwita. Wara marda twila, huwa miet fil-ħabs fid-19 ta’ Ottubru
1595. Indifen fil-kappella tal-ħabs iżda disa’ snin wara martu u ibnu, qalgħu
l-permes sbiex il-fdalijiet tiegħu jitpoġġew fil-kappella tal-kastell Arundel.
Kien proklamat qaddis flimkien ma’ grupp ieħor ta’ martri mill-Ingliterra u
Wales minn Papa Pawlu VI fl-1970.
San Filippu Smaldone
Filippu twieled ġewwa Napli l-Italja fis-27 ta’ Lulju 1848. Minkejja
t-taqlib u l-instabilità politika, kif ukoll l-antiklerikaliżmu li kien
jirrenja f’ dawk is-snin ġewwa l-Italja, huwa għażel li jsir qassis. Minn meta
kien għadu s-seminarju huwa beda ħidma biex jgħin lill-morda bil-pesta kif
ukoll lill-muti u t-torox. Dak iż-żmien ma kienet teżisti l-ebda assistenza
soċjali għal nies bħal dawn. Kien infettat hu stess bil-pesta u hu stess kien
jgħid li kienet il-Madonna ta’ Pompei li salvatlu ħajtu. Fl-1871 kien ordnat saċerdot f’ Napli. Hu
ħalla belt twelidu u mar ġewwa Lecce fejn fl-1885, bil-għajnuna ta’ xi
sorijiet u ta’ Dun Lorenzo Aspicelia
fetaħ dar għat-torox. Din id-dar aktar il quddiem kellha ssir l-ewwel dar
tas-Sorijiet Sależjani tal-Qalb ta’ Ġesù, li twaqqfu minn Filippu stess. Huwa kompla l-ħidma tiegħu ġewwa Lecce fejn ħadem
ħafna mal-għomja u mal-orfni. Miet f’ Lecce stess nhar l-4 ta’ Ġunju 1923. Kien
beatifikat mill-Papa San Ġwanni Pawlu II u kkanonizzat minn Papa Benedittu XVI
fis-sena 2006. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata fl-4 ta’ Ġunju.
Hawn rajna xi wħud minn dawk il-qaddisin li jġibu l-isem tal-patrun tagħna
Filippu. Hemm bosta qaddisin u beati li kellhom dan l-isem, iżda hawn tajna
ħarsa ħafifa ta’xi qaddisin tul l-era kristjana kollha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu dher fil-programm tal-Festa San Filep Ħaż-Żebbuġ 2017, maħruġ mill-Banda 12th May
Nessun commento:
Posta un commento