venerdì 30 giugno 2017

Iz-zuntier

Fil-parti l-kbira tal-knejjes insibu z-zuntier, fetħa aktarx kbira, bosta drabi quddiem il-faċċata tal-knisja. Iz-zuntier ma nsibuhx biss quddiem knejjes kbar iżda anke quddiem xi wħud mill-kappelli rurali li nsibu fil-kampanja. Insibu xi knejjes li għandhom dan l-ispazju fil-ġenb waqt li oħrajn ma għandhomx.

Ħafna drabi z-zuntier ikun xi żewġ jew tliet tarġiet ogħla mit-triq. Lanqas hawn ma għandna regola fissa għax anke f'pajjiżna nsibu dawk baxxi b' tarġa waħda u dawk b'taraġ kbir.
Origini
Għat-Taljani z-zuntier jissejjaħ "sagrato". Dan l-isem huwa wieħed xieraq ħafna għal dan il-post. Din
il-kelma ġejja mil-Latin "sacratum" li nistgħu ngħidu tfisser art ikkonsagrata. Dan l-isem mill-ewwel jagħtik x' taħseb li dak il-post huwa wieħed ta' kult u mhux post kwalunkwe. Fil-bidu tal-Knisja dan il-post kellu importanza bil-wisq akbar mil-lum. Nhar ta' Ħadd l-Insara kienu jinġabru fuq iz-zuntier qabel jiċċelebraw il-quddiesa. Meta kien jinġabar kulħadd, il-qassis kien joħroġ ibierek lill-ġemgħa li mbagħad tidhol fil-knisja għall-quddiesa.Din il-prattika spiċċat u minnflok dan ir-rit bdejna nsibu ħawt bl-ilma mbierek ħdejn il-bieb tal-knisja u kull min jidħol beda jdaħħal seba’ fih u jagħmel il-forma ta' salib fuq ġbinu. Din id-drawwa għadna nagħmluha sal-lum.

Għal xi żmien iz-zuntier kien iservi wkoll bħala ċimiterju. Għad għandna ċimiterji anke f'pajjiżna li huma quddiem xi knisja jew kappella.

Hawn xi kappelli li maz-zuntier tagħhom għandhom xi loġoġ. Aktarx li dawn ikunu kappelli li fihom insibu xi devozzjoni partikolari u għalhekk fl-imgħoddi kienu jsiru bosta pellegrinaġġi fihom. Dawn
kienu jservu biex il-pellegrini jkollhom fejn jistrieħu u jistkennu mix-xemx jew mix-xita.

Immunità
F'għadd ta’ kappelli rurali f'pajjiżna għadna naraw plakka mal-faċċata li tgħid "Non Gode l'Immunità Ecclesiastica". Tajjeb ngħidu li kien hawn żmien li bniedem f' Malta seta' jaqa' taħt il-ġuridizzjoni tal-Gran Mastru jew inkella taħt dik tal-Isqof jew tal-Inkwiżitur. Jekk dak li jkun kien ikun taħt l-Isqof, allura anke f' każi ta' qrati kien ikun iġġudikat mill-qorti tal-Isqof. Jekk bniedem taħt il-ġuridizzjoni tal-Isqof kien iwettaq xi att illegali kien jista' jmur f' post tal-Knisja u l-ġustizzja tal-istat ma kinitx tkun tista' għalih. Wieħed minn dawn il-postijiet kien ukoll iz-zuntier.

Maż-żmien din l-immunità spiċċat u għalhekk twaħħlu dawn il-plakek biex kulħadd ikun jaf li anke fuq iz-zuntier jew fil-kappella, l-id tal-liġi setgħet taqbdu u tiġġudikah ukoll.

Iz-zuntier illum
Minkejja li anke llum l-arkitettura tal-knejjes titlob li jkun hemm spazju qabel id-daħla tal-knisja, ftit li xejn fadal riti li jsiru fuqu għajr forsi t-tberik tan-nar f'Sibt il-Għid.

Illum iz-zuntier aktarx iservi għal xi ftit penzjonanti li jqattgħu siegħa fuqu jlabalbu u jirrakkuntaw stejjer ta' tfulithom.

Funerali u tiġijiet
Żewġ okkażjonijiet li fihom jintuża z-zuntier huma l-funerali u t-tiġijiet.

Wara xi funeral bosta jmorri jsellmu lill-familjari tal-mejjet jew mejta. Sa hawn ma fiha xejn ħażin, imma bosta drabi dan jispiċċa f' laqgħa soċjali biex ngħidu li ilna ma niltaqgħu, kemm għandha libsa pulita t-talija, kemm kibret it-tifla tan-neputija eċċetra. U l-katavru fil-karru jistenna d-difna u l-qassis fix-xemx jistenna din il-laqgħa soċjo-familjari tiġi fi tmiemha. Barra minn Malta s-saċerdot iwassal il-katavru sal-karru u daqshekk, imma f'pajjiżna naħsbu li s-saċerdot ma jkollux x' jagħmel!

Imbagħad xi ngħidu għat-tiġijiet? Iz-zuntier jinbidel f' palk tat-teatrin. Tapit aħmar mifrux tul iz-zuntier kollu, bżieżaq li jintelqu u jogħlew 'l fuq, karti nqattgħin irqaq jew fjuri ċkejkna maħdumin mill-karti rqaq, sufarelli, xi par bċieċen bojod, xampanja lill-għarejjes għax ikun qabadhom l-għatx matul il-quddiesa u nsomma kull ħaġa li wieħed jista' jimmaġina. Imbagħad jitlaq kulħadd u jħallu warajhom salt ħmieġ u mbarazz, zuntier donnu miżbla. X'għala biebhom, l-aqwa li ħadu gost u għamlu frattarija!

Naqbel mija fil-mija ma' dak il-kunsill lokali li ma jħallix dawn il-ħwejjeġ isiru. F'post partikolari f' Malta ma jistgħux jintefgħu karti u mbarazz ieħor fit-tiġijiet, allura ġieli jqassmu fliexken tal-ilma bis-sapun biex il-mistiednin joqgħodu jonfħu l-bżieżaq tas-sapun. Tal-inqas dawn ma jħammġux.
Imbagħad jitlaq kulħadd u jħallu warajhom salt ħmieġ u mbarazz,
zuntier donnu miżbla.
Jien nissuġġerixxi li fejn ma hemmx ordni bħal din, il-Knisja tibda titlob rata, per eżempju €50, biex il-ħmieġ li jitħalla wara t-tieġ fuq iz-zuntier jitnaddaf mill-ewwel. Biex isir dan irid jitqabbad bniedem u bniedem irid jitħallas. Is-sagristan ikollu xogħol ieħor x' jagħmel wara tieġ u mhux sew joqgħod bl-ixkupa u l-pala jnaddaf dak li ħallew warajhom dawk li issa jkunu telqu jieklu u jixorbu!

Żgur li ħaġa bħal din se tkemmex xuftejn ħafna u jgħidu li qed nissuġġerixxi aktar spejjeż għall-għarajjes. Lil min jgħid hekk ngħidlu jara sewwa fejn huma l-ispejjeż żejda. Kemm hawn min qed jaqla' l-eluf minn fuq it-tiġijiet? Mhux qed ngħid li qed jaqlagħhom ta' xejn, imma kwazi. Il-€50 għall-Knisja qed tara żejda? Aħseb ftit u tinduna li tista’ tifranka eluf jekk trid! Imma mill-Knisja kulħadd b'xejn irid daqs li kieku l-Knisja ma għandiex l-ispejjeż ukoll. Jekk fil-każ ma tkunx tridx tonfoq din ir-rata, jew tqabbad min inaddaf warajk jew għid lill-mistiednin iħallu z-zuntier nadif. Li titlaq u tħalli dik il-mandra warajk huwa att ta' egoiżmu sfrenat. Min jaf xi tgħid il-koppja kieku kellha tasal fuq iz-zuntier qabel il-funzjoni taż-żwieġ u ssib zuntier maħmuġ?

Illum għaddejna ftit ħin fuq iz-zuntier, u bħal dawk ix-xjuħ li spiss jinġabru bilqegħda fuqu, għidt dak li kelli f' moħħi u f' qalbi.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Lulju 2017











Nessun commento:

Posta un commento