Appuntament importanti fil-festa Maltija huwa dak ta’ lejlet il-festa
filgħaxija, dik li tissejjaħ it-transulazzjoni fejn ir-relikwa tal-qaddis jew
qaddisa tinġarr minn xi kappella fil-parroċċa jew xi artal fil-knisja
parrokkjali stess għal fuq l-artal maġur biex titpoġġa għall-qima tal-pubbliku.
Din hija drawwa li nsibuha fil-festa Maltija u ma jidher li tinstab fl-ebda
festa oħra barra mill-gżejjer tagħna, iżda l-bidu ta’ din id-drawwa ma huwiex
Malti.
Bidu
Sant' Ambroġġ |
Jingħad li kien l-Isqof ta’ Milan Sant’ Ambroġ,li bejn is-snin 374 u 397 kien
l-isqof ta’dik il-belt, l-ewwel bniedem
fil-Knisja Oċċidentali li fetaħ qabar ta’ martri u ħa l-fdalijiet ġewwa
l-knisja u poġġiehom taħt l-artal. Fis-sena 386 tlesta l-bini ta’ knisja ġewwa
Milan. Din kienet inbniet fuq xewqa tal-Isqof Ambroġ stess. Huwa ried li
l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja issir bħalma kien isir ġewwa Ruma. F’ Ruma
il-knejjes kienu jinbnew fuq l-oqbra tal-martri,iżda f’ Milan ma ġarax hekk,
allura Ambroġ ħaseb biex jinġiebu l-fdalijiet ta’ San Ġervażju u San Protasju
Martri u jitpoġġew fil-kripta tal-knisja.
Lejlet il-konsagrazzjoni tal-knisja saret it-transulazzjoni mill-qabar
għall-knisja u saret velja ta’ talb. Aktarx li din kienet l-ewwel
transulazzjoni li qatt saret. Il-knisja li semmejna, illum hija magħrufa bħala
l-Bażilika ta’ Sant’ Ambroġ. Fiha għadna nsibu l-fdalijiet ta’ dawn iż-żewġ
qaddisin martri kif ukoll il-fdalijiet ta’ Sant’ Ambroġ.
Din il-ħaġa jidher li niżlet tajjeb u bdiet issir kullimkien. Lejlet
il-konsagrazzjoni ta’ xi knisja bdiet issir transulazzjoni bil-fdalijiet ta’ xi
martri. Kienet issir purċissjoni minn xi post qrib il-knisja u matul il-lejl
kienet issir velja ta’ talb. Din id-drawwa insibuha mhux biss fir-rit Latin
iżda wkoll f’ dak Biżantin. Nassumu li hekk ġara lejlet is-6 ta’ Mejju, 1731
meta l-knisja parrokkjali tagħna, iddediakta lil San Ġorġ kienet ikkonsagrata
lil Alla. Għandna għax nifhmu li saret it-transulazzjoni bil-relikwi
tal-qaddisin Bonifaċju, Venusta u Abbundanza qabel ma dawn tpoġġew fl-artal
maġġur.
Fis-seklu XVI
Il-kongregazzjoni tar-riti liturġiċi ħarġet digriet nhar id-19 ta’ Ottubru tas-sena 1691. Dan
id-digriet kien jitlob li r-relikwi tal-qaddisin ikunu esposti għall-pubbliku
fil-festa tagħhom. Minn hemm bdew isiru l-purċissjonijiet bir-relikwi ġewwa
r-relikwarji lejlet il-festi titulari u sekondarji. Din id-drawwa ħadet post
drawwa oħra aktar antika. Qabel, f’lejlet il-festa kienet issir purċissjoni
qasira b’ kurċifiss. Għadna nsibu xi kurċifissi minn dawn li kienu jintużaw
għall-purċissjoni ta’ lejlet il-festa, dawn nistgħu narawhom fil-parroċċa ta’
Ħal Lija u fil-katidral tal-Imdina.
Qabel ma bdejna nsibu l-istatwi titulari tal-qaddis jew qaddisa
fil-parroċċi tagħna, il-purċissjoni ta’ nhar il-festa kienet issir bir-relikwa.
Din il-ħaġa ma nistgħux ngħidu li spiċċat, anzi l-aktar ħaġa importanti
fil-purċissjoni tal-qaddis jew qaddisa ma hijiex l-istatwa iżda r-relika.
Madankollu n-nies aktar donnha tkun ħsiebha fl-istatwa milli mir-relikwa –
sfortunatament!
F’ Ħal Qormi
Sa ftit snin ilu t-transulazzjoni tal-festa ta’ San Ġorġ kienet issir
madwar il-knisja parrokkjali stess. Kien hemm xi okkażjonijiet speċjali fejn
din saret mill-kappella ta’ San Franġisk ta’ Paola iżda normalment kienet issir minn fuq l-artal tal-Madonna
tar-Rużarju sa fuq l-artal maġġur. Kien hemm okkażjonijiet, bħal dik taċ-ċentinarju
tas-sena 2003 kif ukoll tal-275 anniversarju tal-istatrwa titulari fis-sena
2016, li t-transulazzjoni bdiet mill-kappella tal-Vitorja. Fis-sena 2009 kienet
irrestawrata l-kappella ta’ Santa Marija tal-Qrejqċa u mis-sena ta’ wara
t-transulazzjoni solenni ta’ San Ġorġ Martri bdiet issir minn din il-kappella u
bdiet issir aktar solenni, bis-sehem tal-fratelli tal-parroċċa. Min fuq l-artal
tar-Rużarju għadha ssir it-transulazzjoni nhar it-23 ta’ April.
In-nar
Billi wieħed mill-elementi importanti fil-festa Maltija huwa l-logħob
tan-nar, ma jistax jonqos li waqt it-transulazzjoni ma jinħaraqx xi nar.
It-transulazzjoni saret appuntament importanti għal kull għaqda tan-nar u
għalhekk tipprepara programm għaliha. Tabilħaqq li lejlet il-festa l-poplu
aktar jiffoka fuq il-ħarqa li tkun sejra ssir aktar tard, iżda dan ma jnaqqasx
mill-importanza tal-ħarqa li ssir waqt li tkun għaddejja t-trasulazzjoni. F’
dan il-waqt inkunu nistgħu napprezzaw xogħol pirotekniku bħalma huma s-salut,
varjetà ta’ murtali u murtali bil-logħob kif ukoll il-kaxxa Spanjola. Nistgħu
ngħidlu li t-transulazzjoni llum għandha wkoll l-element pirotekniku tagħha li
jkompli jkabbarha għaliex matulha jista’ jinħaraq xogħol li ma narawħx f’ ħin
ieħor.
Mela nistgħu ngħidu li llum it-transulazzjoni saret dik li hi billi hemm
bosta elementi li jiffurmawha. L-importanza ta’ din il-funzjoni hija kbira
għaliex is-sens tagħha hu li l-qaddis patrun ikun milqugħ fil-knisja,
ikkonsagrata lil Alla iżda taħt il-patroċinju ta’ dak il-qaddis, jew qaddisa. Mhux
ta’ b’ xejn li t-transulazzjon issir b’ dik il-pompa kollha, iva għax tabilħaqq
hekk jixraq.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fuq il-programm tal-Festa ta' San Ġorġ 2017 maħruġ mill-Għaqda tan-nar 23 ta' April
Nessun commento:
Posta un commento