martedì 20 giugno 2017

San Ġorġ f’ Sestu

Il-knisja ta' San Ġorġ f Sestu
Wieħed mill-komuni tal-belt ta’ Cagliari, fil-gżira ta’ Sardegna jġib l-isem ta’ Sestu. Sestu għandu lil San Ġorġ Martri bħala qaddis patrun tiegħu.

Sestu ilu abitat madwar 5,000 sena. L-isem ta’ dan il-lokal ittieħed mill-kolonna militari li hemm fir-raħal u li llum tinsab fil-knisja ta’ San Ġorġ. X’ inhi din il-kolonna militari? Minn Cagliari sa Porto Torres, ir-Rumani kienu bnew triq biex tgħaqqad il-belt mal-port. Kull tant kilometri kienu waqqfu kolonni biex jindikaw it-tul tat-triq. Dik li nsibu f’ Sestu kienet is-sitt waħda u fuqha kien hemm miktub Ad sextum lapidem, li tfisser “is-sitt ħaġra”. Mill-kelma Sextum ħareġ l-isem Sestu. Każ ieħor simili huwa l-isem ta’ komun ieħor bl-isem ta’ Quartu Sant’Elena, li  jinstab fejn hemm ir-raba’ kolonna militari.

Il-knisja ta’ San Ġorġ Martri ġewwa Sestu hija meqjusa bħala binja mill-aktar importanti fost dawk tardi-gotiċi fin-nofsinhar ta’ Sardegna għall-fatt li għadna naraw sewwa fiha strutturi primittivi. Il-parti ċentrali tal-knisja inbniet qabel is-seklu XVI filwaqt li l-kappelli tal-ġnub inbnew bejn is-seklu XVII u s-seklu XVIII. Fil-knisja nsibu għadd ta’ rħam ikkulurit li jmur lura sas-seklu XVIII.

Il-knisja minn ġewwa
Din il-knisja ma nistgħux ngħidu li rat tibdil fil-kostruzzjoni tagħha u għalhek l-istil tardi-gotiku għadu jidher sewwa. Il-kappelli tal-ġnub kif ukoll is-sagristija għandhom laqta kostruttiva gotika, iżda lanqas huwa l-gotiku li nafu bih f’ diversi pajjiżi oħra. Fuq barra tal-knisja hija aktarx ta’ stil lixx b’ elementi gotiċi. Fuq  il-bieb prinċipali nsibu basso riliev ta’ San Ġorġ jitqabad mad-dragun u aktar il fuq insibu t-tieqa tonda , sinonima mal-bini gotiku.  Il-kampnar jinstab fuq in-naħa tal-lemin tal-faċċata. Dan il-kampnar inbena fuq ordni tal-Arċisqof  Alonso Laso Cedeno bejn l-1597 u l-1601. Fis-sena 1613 żdiedet il-parti ta’ fuq ta’ dan il-kampnar.

Billi Sestu jinsab fit-triq bejn il-port u l-belt ta’ Cagliari, inħasset il-ħtieġa li jitwaħħal arloġġ fil-kampnar tal-knisja ta’ San Ġorġ biex jindika l-ħin lil dawk li jkunu fil-vjaġġ lejn il-belt jew lejn il-port. Dan l-arloġġ sar fis-sena 1709.

Il-kolonna li tat l-isem
 lir-raħal ta' Sestu
Fuq ġewwa tal-knisja nsibu l-apside li hija idjaq u aktar baxxa mill-kumplament tal-knisja, fuq il-lemin insibu ħames kappelli laterali filwaqt li fuq in-naħa tax-xellug insibu erbgħa biss. L-artal maġġur, il-pulptu u l-battisteru huma ta’ rħam kulurit. L-artal maġġur sar fis-sena 1707, il-pulptu sar fis-sena 1773. Il-battisteru sar fis-sena 1744 u ħa post ieħor li kien sar fl-1635. Il-kappelli laterali huma ddedikati hekk. Dawk tal-lemin, l-Assunta, imsejħa minn nies ta’ Sestu bħala Santa Marija ta’ nofs Awwissu, San Antijokju Martri, San Severu, il-Madonna ta’ Bonaria, devozzjoni Marjana popolari f’ Sardegna u l-kappella tal-Madonna tar-Rużarju. Dawk tax-xellug huma ddediakti lill-Kurċifiss, San Gejtanu, San Ġemiljanu u l-kappella tal-erwieħ.

L-artal maġġur huwa ddedikat lil San Ġorġ li lilu ssir festa kull 23 ta’ April.Fil-knisja għanda nsibu l-kolonna militari li tat l-isem lil dan ir-raħal. Din mhux minn dejjem kienet tinstab hawn ġew. Sal-1957 kienet tinsab barra iżda nħass li aktar ikun xieraq li tiddaħħal u tinżamm fil-knisja, kif fil-fatt sar. Fil-knsija hemm xi pitturi żgħar u statwa ta’ San Ġorġ li ftit li xejn huma ta’ preġju.

Illum Sestu huwa raħal ta’ madwar 20,00 ruħ u huwa maqsum f’ żewġ parroċċi, dik ta’ San Ġorġ u oħra tas-Salvatur.


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa ta' San Ġorġ 2017 maħruġ mill-Banda Anici Ħal Qormi



Nessun commento:

Posta un commento