domenica 18 giugno 2017

Tliet kelmiet maġiċi

Nhar it-13 ta’ Mejju tas-sena 2015, il-Papa Franġisku waqt li kien qed jindirizza lill-familji fl-Udjenza Ġenerali ta’ kull ġimgħa, qal illi hemm bżonn li fil-familja nibdew nużaw aktar spiss dawn it-tliet kelmiet: Jekk jogħġbok, Inroddlok ħajr u Skużani. Tassew li l-Papa kien qed jindirizza lill-familji dakinhar, iżda dan il-parir li ta huwa tajjeb għal kulħadd. F’ kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha nistgħu napplikaw dan il-parir u żgur nevitaw il-problemi.

Jekk jogħġbok
Ħafna drabi nsibu rwieħna f’ sitwazzjonijiet li jew għax inkunu drajna bihom jew għax nippretenduhom bi dritt, u forsi xi drabi tabilħaqq ikollna dritt għalihom, lanqas jgħaddilna min moħħna li nitolbuhom iżda sempliċiment nistaqu għalihom. Fil-familja, t-tfal jistennew l-ikel fuq il-mejda, imma kemm-il darba jgħidlu l-kelma “Jekk jogħġbok” lil ommhom jew lil missierhom li jkunu ħejjewlhom dak li ħafna drabi jkunu staqsew għalih huma stess? Naħseb li ftit! L-istess ħaġa tgħodd fuq il-post tax-xogħol, fil-postijiet tad-divertiment u kullimkien.

Kemm tkun ħaġa isbaħ meta tmur timla l-karozza bil-petrol u meta l-ħaddiem jistaqsik kemm tgħidlu l-ammont u “Jekk jogħġbok” minkejja li dan ikun se jagħtik servizz li ser tħallas għalih! Kemm iħossu kuntent meta l-iskrivan titolbu jiktiblek ittra malajr malajr u mal-ordni tgħidlu “Jekk jogħġbok”, għalkemm dan huwa xogħolu.

Inroddlok ħajr
Ir-ringrazzjament lil xi ħadd li jagħtik servizz huwa turija ta’ gratitudni. Hawn nerġgħu ngħidu l-istess bħalma għidna fil-kaz ta’ qabel. Tassew li servizz għandu mnejn ikun dritt tagħna, tassew li servizz għandna mnejn inkunu ħallasna għalih, tassew li għandu mnejn dak li jsir magħna huwa obbligu li ħaddieħor jagħmilulna, imma l-gratitudni u l-apprezzament huma turija ta’ rispett. Bil-kelma “Grazzi” inkun qed nurik li dak li għamilt miegħi, minkejja li kien dmirek li tagħmlu, xorta qed nurik li jien grat lejk.

Fil-familji aktarx li din il-kema ftit nużawha sfortunatament. Imma mhux fid-dar biss hija skarsa din il-kelma! Fit-toroq Maltin ftit li xejn hemm lok li nużawha għax ħadd ma jċedilek, imma meta xi ħadd iħallik tgħaddi minn triq sekondarja għal triq prinċipali, billi tgħidlu “Grazzi” lil dak li jkun x’ ħa titlef? Kien propju każ bħal dan liajajrni nikteb dan l-artiklu -  mara li ċedietli biex minn triq sekondarja noħroġ għal triq prinċipali.

Forsi l-grazzi hija nuqqas ta’ formalità li teżisti fil-poplu tagħna? Fost popli oħrajn mhux hekk l-istorja. Għall-Ingliżi wara l-kelma “Thank you” hemm it-tweġiba “Welcome” jew “Don’t mention it”, it-Taljani jużaw il-kelma “Prego”, Il-Franċiżi jgħidulek “De rien” u l-Ispanjoli “De nada” filwaqt li l-Ġermaniżi jgħidulek “Bitte”. U aħna l-Maltin? Aħna donna ma għandniex kelma għal wara l-grazzi għalkemm hawn min jgħid “Ejja oqgħod” iżda din jista’ jkollha konnatazzjoni satirika wkoll.

Skużi
Li titlob skuża huwa att mhux wisq faċli. Hawn mhux qed nitkellmu dwar il-każ li wieħed jitlob lil xi ħadd iwarrab minn fejn hu biex jgħaddi hu u għalhekk jgħidlu “Skużi”. Skużi hawnhekk qed nirreferu għaliha bħala att ta’ umiltà fejn wieħed jinduna li għamel żball jew naqas. Ħalli nerġa’ ndur għall-Papa għax wara kollox hu kien issuġġerihom dawn it-tliet kelmiet. Il-Papa ssuġġerixxa l-kelma “Skużani”, iżda jien nemmen li hemm kelma oħra aktar qawwija minn “Skużani”. Din hija “Aħfirli!” Tiskuża huwa att imma l-maħfra hija att bil-wisq akbar mill-iskuża. Biex titlob maħfra huwa diffiċli aktar milli biex titlob skuża, għax titlob skuża għandu menjn ifisser li tkun wettaqt xi ħaġa bla ma kont taf li sejra tweġġa’ lil ħaddieħor, imma l-maħfra aktarx tintalab meta tkun taf sewwa li dak li għamilt kien ser iweġġa lil dak li jkun u xorta għamiltu. Mhux għax irrid nikkoreġi lill-Papa, m’ iniex daqshekk prużuntuż, imma rrid inżid il-ħsieb tiegħi ma’ tiegħu!

Għal darba oħra nerġa’ nsemmi t-toroq tagħna għax forsi dawn saru l-palk prinċipali li fuqu jinħadmu d-drammi, il-kummiedji u l-fares tal-ħajja Maltija. Hawn il-kelma “Skużi” hija rari. Nisimgħu għajat, offiżi, aġġettivi ta’ kull daqs, għamla u lewn, kliem baxx u ħażin u dagħa bl-addoċċ, imma l-kelma “Skużani” hija skarsa ħafna biex ma ngħidx ineżistenti. Mhux għax ma hemmx fejn nitolbu skużi, imma għax ma nużawhiex.

Kliem maġiku
Dawn huma tliet kelmiet żgħar li jistgħu jnaqqsu xi ftit mit-tensjoni ta’ kuljum, fid-dar, fit-triq, fuq il-post tax-xogħol, fil-postijiet tad-divetiment, u kullimkien. Il-Papa ssuġġerihom lill-familji imma żgur li jgħoddu bħal kulħadd. Jgħoddu għalina l-Maltin l-aktar issa li riesaq is-sajf fejn is-sħana taffettwa anke l-komportament tagħna. Jien sejjaħtlu kliem maġiku mhux għax huwa xi kliem speċjali iżda għax hu kliem li dak li jkun fih jara li hemm aprezzament, hemm sens ta’ edukazzjoni.

Hemm xi ċans nibdew nużah aktar?


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 17 ta' Ġunju 2017

Nessun commento:

Posta un commento