Ħafna drabi nisimgħu jew naqraw esperjenzi ta’
rġiel lhud li sofrew bil-liġijiet razzjali maħruġin fis-snin tletin mir-regim
Nażista fil-Ġermanja u minn dak Faxxista fl-Italja.[1] Sa
ftit snin ilu il-kitbiet kollha li kellna dwar l-oppressjoni tal-Lhud fil-pajjiżi b’liġijiet antisemitiċi u dwar dak li ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu kollha
ta’ irġiel. Forsi din il-ħaġa kienet frott tal-mentalità sessista li għandu l-poplu
Lhudi u li kellha d-dinja
kollha sa ftit snin ilu. Sa ftit ilu forsi ftit li xejn
kollna naħsbu dwar dak li għaddew in-nisa Lhud fi żmien l-oppressjoni u aktar u
aktar fil-kampijiet ta’ konċentrament. Sa ħamsin sena wara t-tmiem tal-gwerra konna għadna nimmaġinaw li l-irġiel
Lhud kienu dawk li batew, dawk li mietu taħt in-Nażisti. Imma mhux hekk. Jekk inżommu li nofs is-sitt
miljun ruħ li mietu fl-olokawst kienu nisa, ma jistax jonqos li dawn batew
ukoll.
Nitolbok,
agħmel xi ħaġa,
tgħallem il-passi ta’ żifna,
xi ħaġa li tiġġustifika l-eżistenza tiegħek,
xi ħaġa li tagħtik id-dritt
li tilbes ġildek u l-pil ta’ ġismek.
Tgħallem idħaq u imxi,
tgħallem għax mhux ħaġa sewwa
li bosta mietu
u inti tgħix
u ma tagħmel xejn b’ħajtek.
Din hija poeżija ta’ Charlotte Delbo, Lhudija
li rnexxielha tgħix wara l-esperjenza xejn sabiħa ġewwa l-kamp ta’ Auschwitz. Għaddew
bosta snin sakemm Delbo bdiet tippubblika il-memorji koroh tagħha. L-esperjenza
qarsa tagħha riedet taqsamha mal-bnedmin l-oħra sabiex tħajjarhom jieħdu dak kollu li jistgħu minn ħajjithom. Delbo rat eluf ta’ nisa Lhud, bħalha, li f’ Auschwitz ħallew
ħajjithom u ma setgħux jiżfnu, jidħqu jew jimxu aktar.
Awtriċi Lhudija oħra li rnexxielha tibqa’ ħajja
wara l-moħqrija tal-getto ta’ Lodz fil-Polonja u tal-kampijiet ta’ konċentrament
ta’ Auschwitz, ta’ Neuengamme u ta’ Bergen-Belsen hija Lucille Iechengreen.
Kellha tminn snin meta Hitler sar mexxej tal-Ġermanja. Hija kienet tgħix f’
Hamburg. Kellha għoxrin sena meta l-alleati ħelsu lilha u lil dawk li kienu għadhom ħajjin minn taħt
idejn in-Nażisti. Iechengreen, xebba Landau, tiddeskrivi dawn it-tnax-il sena bħala
snin ta’ orruri, ta’ privazzjoni, ta’ umiljazzjoni u ta’ ġuħ. Forsi ħadd daqsha
ma jista’ jiddeskrivi dak li għaddew minnu n-nisa Lhud taħt is-suldati tal-S.S..
Imwielda minn ġenituri Polakki, tgħid illi
missierha, Beno, inqatel fl-1941 f’ Dachau filwaqt li ommha, Sala, mietet bil-ġuħ
fil-getto ta’ Lotz fl-1942. Kellha oħtha iżgħar minnha, Karen li kienet
mibgħuta f’ kamp ta’ konċentrament fejn inqatlet fl-1942.
L-ewwel memorji ta’ Iechengreen kienu ppubblikati
fl-1994 (kważi ħamsin sena
wara t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija) fil-ktieb tagħha Ashes to Life.[2]
Hija tirrakkonta l-attroċitajiet li saru man-nisa Lhud fil-getto ta’ Lotz fil-Ktieb tagħha Romkowski and the orphan of Lodz.[3]
It-tielet ktieb tagħha jiddeskrivi tajjeb ħafna t-tbatija fil-getto ta’
Lods u aktar tard fil-kampijiet ta’ konċentrament li soffrew bosta nisa. Dan
il-ktieb igib l-isem Haunted Memories.
[4]
Meta l-Lhud bdew ikunu imġegħlin iħallu djarhom u jinġabru f’żona magħluqa għalihom,
f’dak li
jissejjaħ il-getto, il-ħajja tagħhom bdiet kull ma jmur tmur għall-agħar.
Minkejja li kienu jkunu Lhud bejniethom, il-ħajja xejn ma kienet pjaċevoli. Fil-getto, il-Lhud kien ikollhom jgħixu fi
djar żgħar
u ġieli
l-istess kamra kien ikollha tinqasam ma’ nies oħra.
[...] Ix-xemx kienet tiżreġ, it-toroq kienu
dojoq, dojoq ħafna, mimlijin trab u l-ilma
maħmuġ kien jiġri mal-ġnub tat-triqat. Kien il-bidu tal-ħarifa u s-sħana kienet
qegħda tagħmel tagħha waqt li kienu qegħdin ikaxkruna lejn il-getto. (ta’ Lodz)
Tlabna ftit ilma u ħallewna nieqfu ftit
f’ bitħa sakemm nixorbu. Ersaqna
lejn il-vit tal-ilma u bdejna nixorbu direttament minn idejna magħmulin forma
ta’ bieqja.[5]
Din hija x-xhieda ta’ Iechengreen ta’ meta
hija flimkien ma’ ommha u oħtha kienu meħudin mis-suldati Nażisti fil-getto. Dan ma kienx
il-bidu. F’ Ottubru tas-sena 1938 missierha kien arrestat u minn Hamburg kien
deportat lejn il-Polonja. Mar lura lejn daru f’ Mejju tas-sena ta’ wara. Ma
damx wisq igawdi l-familja għax f’ Settembru kien mibgħut f’ Dachau. Martu u ż-żewġ uliedu bniet spiċċaw waħedhom imma kellhom
it-tama li għad jerġgħu jingħaqdu bħala familja. It-tama baqgħet fiergħa għax Beno miet
fil-bidu tas-sena 1941 bla ma kellu x-xorti jerġa’ jara lil martu jew lil
uliedu.
Il-ħajja fil-getto ta’ Lodz xejn ma kienet waħda faċli. L-awtriċi tgħid li kien
hemm ċertu
Chaim Rumkowski li jmexxi kollox fil-getto. Jekk kien jikteb isem xi ħadd fuq
il-lista tad-deportati kien ifisser mewt garantita.Kien Lhudi huwa wkoll. In-Nażisti kienu poġġew lilu bħala
mexxej tal-getto u ftit li xejn kienu jħabblu moħħhom x’kien jiġri. In-Nażisti qatt ma taw widen għall-kliem il-Lhud
magħluqin fil-getto; miżmumin hemm ġew bil-forza tal-armi. « [...] kien spazju żgħir imdawwar minn fildiferru
jxewwek, bi kmamar ċkejkna tal-għassiesa, miżbugħin ħomor u bojod, madwar il-getto: is-suldati Ġermaniżi jimxu dritti ’l quddiem u lura
bl-azzarini wara daharhom, b’għajnehom miftuħin għal kull ċaqlieqa tagħna. »[6]
«Malajr kbirt f’ dawk it-tliet snin. Tgħallimt
xi tfisser tbati. Sirt naf xi tfisser il-forza, il-ħbiberija, il-biża’ il-ġuħ. Il-Ġermaniżi kienu ħallewna f’din
il-biċċa
art minsija minn Alla sabiex iħalluna mmutu. Fil-getto ta’ Lodz konna naħdmu għalihom. Kienu
jwegħduna l-ikel imma s-sehem tal-ikel li kienu jagħtuna kien kemm wieħed jgħix. Jum wara
jum kienu jmutu bit-tifojder, bid-disenterija, u l-parti l-kbira minna, anke jekk
tajjeb jew ħażin għadna ħajjin, konna nbatu l-ġuħ. »[7]
Ix-xhieda ta’ bosta vittmi li għexu fil-getto ta’ Lodz u li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara l-olokawst turi kemm kien bniedem bla
qalb dan Rumkowski. Qabel ma nħoloq il-getto ta’ Lodz, huwa kien direttur ta’
orfanatrofju. Jingħad li kien jabbuża b’mod regolari mit-tfal żgħar, subien u bniet. Kien
Lhudi wkoll u għalhekk in-Nażisti poġġew lilu bħala kap tal-getto sabiex joħolqu aktar mibgħeda
u firda bejn l-imsejkna kreaturi ta’ ġewwa l-getto. Forsi l-ktieb ta’
Iechengreen, Rumkowski and the Orphan of
Lods, jiffoka fuq l-atti krudili ta’ din il-persuna, imma ma kienx hu biss
li japprofitta
ruħu min-nisa tal-getto. Kienu Lhud stess li japprofittaw minn ħuthom Lhud. Araw
kemm spjegat sewwa din is-sitwazzjoni Iechegreen:
In-nisa fl-Ewropa, fis-snin tletin u anke
wara, kienu ċittadini tat-tieni klassi.
Kienu jaħdmu bħala infermiera, segretarji, għalliema, nisa tad-dar, imma qatt ħadd
ma kien jaħseb li jara mara tmexxi uffiċċju
jew fabbrika jew li tkun kap ta’ ġemgħa ħaddiema.
Madanakollu fil-getto ta’ Lodz, bejn l-1940 u
l-1944, ħin bla waqt inbidel kollox ta’ taħt
fuq. Għall-ewwel darba, daqs li kieku xejn, in-nisa sabu rwieħhom mexxejja ta’ fabbriki, uffiċċji, kċejjen u ta’ kull qasam ieħor fil-ħajja
tal-getto. Kienu nisa kapaċi, intelliġenti, ħabrieka u
ambizjużi. Riedu
jibqgħu ħajjin. Riedu li tal-anqas ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq parti minn ħajjithom, f’kondizzjonijiet li
kienu ’l bogħod ħafna minn dawk normali. U rnexxielhom. Saħansitra l-irġiel, b’attenzjoni u kontra qalbhom,
ikollhom jammettu li dawk in-nisa li jilħqu
f’xi post ta’ tmexxija, jispiċċaw biex
imexxu b’ mod aktar effiċjenti,
isiru esperti u jsiru kapaċi jaħdmu aħjar minnhom.
Eżatt bħall-irġiel,
huma wkoll kienu jimxu bil-favoriżmi, imma
lil dawk li kienu jipproteġu kienu
aktarx dejjem irġiel u rari li dawn in-nisa kienu jgħinu jew iduru ma’ nisa oħrajn.
Intbaħt meta kelli sittax-il sena, kont bdejt
infittex xi xogħol f’ xi fabbrika. Xogħol ikun xi jkun. In-nisa lanqas biss
kienu jaħlu l-ħin jisimgħu xi rrid. Id-diriġenti rġiel bil-kontra, dlonk kienu jkunu lesti li jħaddmuni
magħhom. Il-mistoqsija waħdanija li
kienu jagħmuli kienet: «X’lesta ttini bi tpattija?» Bla esperjenza u bla ħażen ta’
xejn, kont inwiegeb: «Ma għandix
flus, ma għandix ġojjelli.
Tassew ma għandi xejn ta’ valur.» Id-daħq
li kienu jidħqu wara t-tweġiba tiegħi kienet tħallinni mħawda. Ma
kontx nista’ nifhem. Kellha tgħaddi sena fil-getto sabiex tgħallimt kif jimxu l-affarijiet: jekk titlob pjaċir, trid tkun lesta tintelaq biex tagħmel is-sess.
Sempliċi.
[...] Fost niesna, minn Rumkowski sa sid il-ħanut taż-żebgħa, is-sess issa kien meqjus bħala mezz ta’
tpartit. Imma mhux ilkoll kellhom xewqa li ‘jpartu’. Xi wħud minna preferew imutu bil-ġuħ. [8]
Bosta nisa Lhud li wara l-gwerra
irnexxielhom isalvaw mill-ħruxija Nażista, jgħidu li baqgħu jħossu s-sens ta’ ħtija ġewwa fihom ta’ dak li għamlu. Imma
għall-mara
Lhudija
tal-getto l-għażla kienet waħda: jew toffri ġisimha għall-użu ta’ dawk li jikkmandaw jew tmut bil-ġuħ u magħha jmutu wliedha.
Il-ħajja tan-nisa fil-getto kienet waħda miżera, imma meta
titqabbel mal-ħajja fil kamp ta’ konċentrament wieħed jista’ jgħid li kienet
ward u zahar. Araw kif tiddeskrivi Auschwitz l-awtriċi tal-ktieb Haunted
Memories: «Auschwitz. L-aktar magħruf, l-aktar imsemmi fost il-kampijiet
tal-qerda: kmamar tal-gass; fran krematorji; it-tabib Mengele u l-esperimenti
mediċi diżumani tiegħu. Ma
hemmx kliem li jfisser dak il-post. Tkellmu ħafna dwaru, inkiteb ħafna dwaru. Kien saħansitra ffilmat.
Madanakollu l-ebda lsien ma jista’ jirrakkonta.....»[9]
Il-vjaggi mill-getti sal-kampijiet ta’ konċentrament
kienu vjaggi tal-biża’. Il-Lhud kienu jitgħabbew fuq karrijiet tal-ferrovija li
normalment kienu jġorru l-bhejjem. Elie Wiesel fil-ktieb tiegħu La Nuit jiddeskrivi b’ mod ħaj il-vjagg tiegħu u ta’ eluf ta’ Lhud oħra
mill-getto ta’ Sighet fl-Ungerija sa Auschwitz:
L-għada filgħodu imxejna
sal-istazzjon, fejn kien hemm jistennewna għadd ta’ karrijiet li jġorru
l-annimali. Is-suldati Ungeriżi bdew itellgħuna tmenin tmenin f’ kull karru. Ħallewlna
ftit ħobż u xi bramel bl-ilma. Raw li l-istaneg tat-twieqi kienu jagħlqu sew.
Ingħalqu l-karrijiet. Fuq kull karru inħatar wieħed responsabbli, jekk xi ħadd
jaħrab kien jinqatel hu.
Fuq il-bankina kien hemm
żewġ uffiċċjali tal-Gestapo mexjin, kollhom tbissim: il-komplott kien miexi
sewwa.
Tisfira twila ġriet
fl-arja. Ir-roti bdew iduru. Bdejna mexjin.
Ma kienx possibbli li
wieħed jintedd jew li noqgħodu lkoll bilqiegħda. Iddeċidejna li npoġġu
bilqiegħda skont meta jkun imissna. Kien hemm ftit arja. Xortihom tajba dawk li
nzertaw qrib xi tieqa: raw l-irħula mwarrda għaddejjin.
Wara jumejn vjaġġ l-għatx
beda jkiddna. Is-sħana kienet kbira.
Ħielsa minn kull ċensura
soċjali, iż-żgħażagħ tkaxxkru mill-istinti tagħhom u fid-dalma tal-lejl
innamraw f’ nofsna, bla ma biss qagħdu jħabblu rashom minn ħadd, daqslikieku
kienu waħedhom fid-dinja. L-oħrajn għamlu tabirruħom li ma raw xejn.
Kien fadal ftit ikel,
imma ħadd ma kiel sakemm xeba’. Dan kien il-prinċipju tagħna, erfa’ għal għada.
Għada jista’ jkun agħar.
Il-ferrovija waqfet
Kashau, belt żgħira fil-fruntiera taċ-Ċekoslovakkja. Allura fhimna li ma
konniex għadna l-Ungerija. Ftaħna għajnejna imma issa tard wisq.
Infetħet il-bieba
tal-karru. Deher quddiemna uffiċċjal Ġermaniż ma’ suldat Ungeriż li beda
jittraduċi dak li kien qiegħed jgħid.
‘Minn issa sejrin tgħaddu
taħt l-awtorità tal-armata Ġermaniża. Min fadallu deheb, flus, arloġġi irid
jgħaddihom f’ idejna issa. Min jinqabad b’ dawn l-oġġetti wara jiġi maqtul
fil-post. Min ikun iħossu mhux f’ siktu jittieħed fil-vaġun-sptar. Dak kollox.’
Is-suldat Ungeriż għadda
minn nofsna b’ ċistun sabiex jiġbor l-aħħar ġid ta’ dawk li ma riedux jisimgħu
aktar bit-togħma morra tat-terrur.
‘Qegħdin tmenin f’ kull
karru’ qal l-uffiċċjal Ġermaiż. ‘Jekk jonqos xi ħadd, tmutu lkoll, bħal
klieb...’
Telqu. Il-bibien ingħalqu
mill-ġdid. Dħalna f’ nassa. Id-dinja kolla spiċċat fuq dan il-karru magħluq.[10]
Wiesel, dak iż-żmien
tfajjal ta’ ħmistax-il sena, jiddeskrivi fuq fuq il-wasla f’ Auschwitz:
L-oġġetti għeżież li
ġarrejna magħna ħallejniehom fil-karru, u magħhom ħallejna it-tamiet kollha
tagħna.
Kull żewġ metri kien hemm
suldat tal-S.S., bl-azzarin ippuntat lejna. Hemm id f’ id imxejna wara l-folla.
Wasal uffiċċjal tal-S.S.
bil-lembuba f’ idu. Ordnalna:
‘L-irġiel fuq ix-xellug u
n-nisa fuq il-lemin!’
Erba’ kelmiet
indifferenti, bla ebda emozzjoni. Erba’ kelmiet qosra u sempliċi. Imma kien
il-waqt li ħallejt lil ommi. Lanqas biss kelli l-ħin naħseb li ma ħassjetx id
missieri fuq spallti; bqajna waħedna. Għal sekonda stajt nara lil ommi, lil
ħuti sejrin lejn il-lemin. Zipporà żammet id ommi. Rajthom jitbiegħdu, ommi
tmelles ix-xagħar isfar ta’ oħti, donna biex tipproteġiha, u jien miexi ma’
missieri, mal-irġiel. U ma kontx naf li dak il-ħin, f’ dak il-post, kont
qiegħed nitlaq lil ommi u lil Zipporà għal dejjem. Komplejna nimxu. Missieri
żammli idi.[11]
Kif il-priġunieri
kienu jaslu fil-kamp ta’ konċentrament kienu jitneżżgħu minn ħwejjiġhom u jekk
ikun fadal min għandu xi ħaġa ta’ valur kienet tittieħidlu. Imbagħad kienu jintgħażlu;
min jiflaħ jaħdem kien jintbagħat fil-kamp u min ma jiflaħx kien jispiċċa
fil-kamra tal-gass. Il-Ġermaniżi ma kienux sejrin iħallu nies mhux tajba għax-xogħol
jieklu ta’ xejn. Anke n-naqra ilma b’ biċċtejn ġidra fiha, li kienet tissejjaħ
soppa, kienet biss għal min jiflaħ jaħdem. Wara l-eżami mediku kienu jinħaslu u
jitqaxxrilhom xagħarhom. Dan ir-ritwal kien isir ma’ kull min kien jasal f’kamp
ta’ konċentrament u ma kienx hemm distinzjoni bejn irġiel u nisa. Forsi
it-tqaxxir tax-xagħar tal-irġiel kien ħaġa aċċettata imma fuq in-nisa kienet
ukoll sinjal ta’ umiljazzjoni. Xi nisa kienu jakkwistaw privileġġ li xagħarhom
ma jitqaxxarx sal-qurriegħa bħal ta’ nisa oħra imma kien jinqatalhom sa nofs għonqhom.
Ovvjament dan il-pjaċir kien jitħallas bi pjaċiri oħrajn. Araw kif jiddeskrivi
lill-bniedem ġewwa kamp ta' konċentrament Primo Levi, awtur Lhudi ieħor li bħal
Wiesel huwa meqjus bħala klassiku fil-letteratura tax-Shoa, fil-ftuħ tal-ktieb
tiegħu: Se questo è un uomo.[12]
Intom li tgħixu mkennija
Ġewwa djarkom imsaħħnin.
Intom li x’ħin terġgħu lura filgħaxija ssibu
Ikel sħun u wċuħ maħbuba:
Aħseb ftit jekk dan huwiex raġel
Li jaħdem fit-tajn
Li ma jafx bi sliem
Li jissielet għal-loqma ħobz
Li jmut minħabba Iva jew Le.
Aħseb ftit jekk din hijiex mara,
Bla xagħar u bla isem
Mingħajr saħħa li tiftakar.
Vojta għajnejha u biered il-ġuf
Donnha żrinġ fix-xitwa.
Aħseb sew fuq dak li ġara:
Qiegħed ngħidilkom dan il-kliem.
Onqxuh f’ qalbkom
Id-dar, fit-triq,
X’ħin torqod, x’ħin tqum;
Tennieh lill-uliedek
Għax jekk tispiċċa darek,
Jew ’k iżommok il-mard
Uliedek għad idawru wiċċhom minnek.
Lucille
Iechengreen fid-deskrizzjoni tagħha ta’ Auschwitz semmiet lit-tabib Mengele, magħruf
bħala l-anglu tal-mewt. Huwa kien jagħmel esperimenti diżumani fuq nisa tqal,
tewmin, inkapaċitati. Hu biss kien jiddeċiedi min kellu jgħix u min kellu
jintbagħat fil-kamra tal-gass. «F’ Auschwitz l-akbar żball
li mara setgħet tagħmel kien li tinqabad tqila. Jien (it-tabiba Gisa) kont nagħmel
parti minn grupp ta’ ħames tobba u erba’ infermiera. Kemm sogħob bija li mort ngħid x’kienet il-professjoni
tiegħi! [...] Dak il-monstru kien jordnali niktiblu min kienu n-nisa li kienu ħarġu
tqal. L-għan waħdieni tiegħu kien li jużahom għall-esperimenti mediċi tiegħu, u
fl-aħħar jispiċċaw maqtulin kemm l-omm kif ukoll it-tarbija.»[13]
L-awtriċi
tkompli tgħidlina li darba waħda ġriet il-kelma li tfajla fil-kamp ta’ Auschwitz
ħarget tqila aktarx minn suldat tal-S.S. It-tabiba Gisa wettqitilha abort
sabiex tevita li kemm hi kif ukoll it-tarbija jispiċċaw taħt idejn it-tabib Mengele
u wara it-tnejn mejtin. L-operazzjoni kienet riskjuża minn kull naħa. Kieku
kellha tinqabad it-tabiba twettaq abort kienet tiġi fi nkwiet kbir, u l-akbar
inkwiet kien jitħallas bil-mewt. Min-naħa l-oħra l-operazzjoni klandestina
kienet issir f’ xi post xejn nadif, fejn la kien ikun hemm tajjar la garez u
lanqas faxex. Mara li kienet tgħaddi minn abort bħal dan kienet titniżżel li għandha
bornkite sabiex tagħmel jumejn fis-sodda, imma mat-tielet jum kienet terġa lura
lejn xogħolha. Aborti bħal dan saru ħafna. Mara tqila f’ Auschwitz kienet taf x’
kien it-tmiem tagħha u tat-tarbija tagħha.
In-nisa fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu
wkoll imġiegħlin jaħdmu manwalment, ħafna drabi xogħol iebes. Mhux biss kienu jieħdu ħsieb inaddfu
l-kwarteri tagħhom u tas-suldati, imma Iechengreen tgħidilna wkoll li bosta
drabi wara xi ħbit mill-ajru mill-qawwiet tal-aleati, kienu jittieħdu fil-post fejn
ikun ġarrab
l-attakk sabiex ineħħu min-nofs il-ġebel u t-terrapien li jkunu waqgħu. Dan ix-xogħol kien isir kollu
bl-idejn u mingħajr għodda kif ukoll mingħajr ilbies adattat. Tkompli tgħid l-awtriċi li ġieli wettqu xogħol bħal
dan waqt li kien nieżel is-silġ, u ovvjament bl-istess ċraret li kienu jilbsu fil-kamp ta’ konċentrament.
Ma nistgħux
nitkellmu dwar nisa fil-kampijiet ta’ konċentrament u ma nsemmux mara li saret
magħrufa fil-Knisja Kattolika bħala martri tal-mibgħeda razzista. Qegħdin
nirreferu għal Santa Tereża Benedetta tas-Salib, aktar magħrufa bl-isem propju
tagħha, Edith Stein. Imwielda f’ familja Lhudija fit 12 ta’ Ottubru, 1891,
ġewwa Breslavia, dak iż-żmien parti mill-Ġermanja, illum il-Polonja, studjat
taħt il-filosofu magħruf Edmund Hussler. Fl-1916 kisbet dottorat
fil-filosofija. Kienet tammira bil-kbir il-ġenjalità ta’Heidegger u spiss kienet
titkellem dwar il-filosofija tiegħu u meta ħasset li kellha tikritika l-ideat
tiegħu ma ddejqitx tagħmel dan. Bdiet tistudja sewwa lil San Tumas ta’ Akwinu u
dan kien pass deċiżiv sabiex tħalli l-fidi Lhudija u tħaddan dik Nisranija. Tgħammdet
f’ Jannar tal-1922. Ħdax-il sena wara daħlet soru Karmelitana. Fl-1936 kienet
lestiet il-kitba filosofika tagħha, Essere
finit u Essere etern, imma l-ebda dar tal-pubblikazzjoni ma riedet
tippubblika xogħol waħda Lhudija. Li dan ix-xogħol ikun ippubblikat b’isem falz
kienet ħaġa inaċċettabbli. Fl-1938 is-sitwazzjoni fil-Ġermanja kienet gravat
ħafna u lanqas il-ħitan għolja tal-monasteru Karmelitan ma kienu qegħdin joffru
kenn biżżejjed għall-imsejkna soru ta’ nisel Lhudi. Intbgħatet f’ monasteru
ġewwa Echt
l-Olanda sabiex taħrab mill-persekuzzjoni Nażista. F’ Lulju tal-1942
l-isqfijiet Olandiżi ħarġu stqarrija kontra l-persekuzzjoni tal-Lhud.
Ir-risposta għal dan id-dokument min-naħa tal-gvern ta’ Hitler kienet
id-deportazzjoni tal-Insara Olandiżi ta’ nisel Lhudi. Ma’ dawn kien hemm Stein!
Telqet flimkien ma’ bosta Lhud oħra minn Echt nhar is-7 ta’ Awwissu. Waslu Auschwitz
jumejn wara. Mal-wasla tagħhom, Stein flimkien mal-parti l-kbira tan-nisa li
keinu għadhom kif waslu hemm ittieħdu fil-kamra tal-gass. Kien id-9 ta’
Awwissu, 1942. Is-soru kellha ħamsin sena. Fil-11 ta’ Ottubru, 1998, il-Papa
Ġwanni Pawlu II iddikjaraha qaddisa, martri tal-fidi u sena wara kienet
iddikjarata ko-patruna tal-Ewropa flimkien ma’ Santa Katarina ta’ Siena u Santa
Brigida tal-Isvezja. [14]
Miljuni ta’ nisa Lhud għaddew minn dawn
it-tbatijiet. Statistika uffiċċjali ma għandniex għax l-iskop ewlieni tan-Nażisti
mmexxijin minn Adolf Hitler kien li jeqred il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja u mhux li
jżomm
statistika ta’ kemm naqqas minnhom. Imma jekk nofs dawk li nqatlu fl-olokawst kienu
nisa allura n-numru jitla’ għal madwar tliet miljuni jew fuqhom. Ftit kienu
dawk li ħelsuha, u llum xi wħud minnhom qegħdin jiktbu dak li għaddew minnu sabiex id-dinja tkun taf
kemm soffrew in-nisa fil-kampijiet tal-qerda. Angela Bianchini, Marina Jarre, Giacoma Limentani, Lia Levi, Edith Bruck, Liana
Millu, Lidia Beccarla Rolfi huma nisa Lhud kittieba tal-esperjenzi tagħhom
fil-kampijiet ta’ konċentrament.[15] Kitbu
jew qegħdin jiktbu llum sabiex jagħtu xhieda tat-tbatija li għaddew minnha
ħtija ta’ filosofija żbaljata, ħtija ta’ ideoloġija ta’ qerda. Kitbu jew qegħdin
jiktbu llum għax għada jkun tard wisq. Kitbu jew qegħdin jiktbu huma għax huma kienu
hemm. Kienu huma li daqu l-imrar tal-mibgħeda razzista, kienu huma li raqdu u
qamu mal-mewt. Kitbu jew qegħdin jiktbu llum għax għada d-dinja ma temminx.
© Fr
Reno Muscat OP
[1] […] nel 1933, la
legislazione nazista negò ai “non ariani” (ebrei in prima linea) il pieno
godimento dei diritti politici, l’ammissione ai pubblici uffici, il diritto di
unirsi in matrimonio con i tedeschi “ariani” e così via. Anche nell’Italia
fascista, a partire dal 1938, vennero introdotti discriminazioni antisemitiche:
allontanamento dall’insegnamento e dagli uffici pubblici degli ebrei italiani,
espulsione degli ebrei stranieri, ecc. A. Boroli, <RAZZISMO>, in
Universo, De Agostini S-p.A., Novara, 1966, vol X, p 290.
[3] Ippubblikat l-ewwel
darba minn Mercury House Publications ġewwa San Francisco, California fis-sena
2000.
[5] Iechengreen L., Le donne e
l'Olocausto - Ricordi dall'inferno die lager, Trad. Buonanno E., Marsilio
Editori, Venezia, 2012, p. 53.
[14] http://www.filosofico.net/edithstein.htm
[15] SERKOWSKA, H. La Shoah ha un
genere? Il caso di alcune scrittrici ebree di lingua Italian, Utrecht Publishing & Archiving Services, 2007. P. 201‐216.
Nessun commento:
Posta un commento