giovedì 29 novembre 2012

Is-Sinjal tas-Salib u l-arti Kristjana




 Is-sinjal tas-salib huwa s-sinjal Nisrani l-aktar magħruf. Għall-Insara huwa s-simbolu li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien mill-imwiet li ssegwi. Għar-Rumani kien il-mezz li bih tingħata l-piena kapitali. San Pawl jgħidilna li s-salib kien “ skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani” (1 Kor 1, 23) imma għan-Nisrani huwa fidwa. 

Illum is-salib bil-ġisem ta’ Ġesù imsallab fuqu jissejjaħ kurċifiss u nsibu r-rapreżentazzjoni tiegħu mhux biss fil-knejjes imma f’ mużewijiet, palazzi u fi djar privati. Bosta artisti ta’ fama kbira ħallewlna din ir-rapreżentazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib. Illum il-kurċifiss huwa s-simbolu magħruf tal-Kristjanità. Insibu wkoll kurrent kontra il-kurċifiss f’ postijiet pubbliċi. Tajjeb inkunu nafu li l-kurċifiss ma kienx jeżisti mill-bidu tal-kristjaneżmu

L-apside tal-knisja ta’ Santa Prudenzjana f’ Ruma
Fl-ewwel snin tal-Knisja mwaqqfa’ minn Kristu, ir-Rumani kienu jqisu lill-Insara bħala Lhud.  Tajjeb insemmu li l-Lhud kienu meqjusin bħala poplu antik ħafna b’ reliġjon antika wkoll u għalhekk il-Lhudi kien eżentat mill-kult pagan li kienet obbligata tagħti kull persuna li tkun taħt il-ħakma Rumana. Meta l-Insara bdew jorganizzaw ruħhom u nqatgħu għal kollox mil-Lhud, ma baqgħux aktar eżentati milli jqimu lill-allat Rumani. Hawn bdew il-persekuzzjonijiet u l-martirji. L-insara ma kienux jagħmlu xbiehat tal-kurċifiss, l-ewwel ħaġa minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni u t-tieni ħaġa bħala rispett (ma ninsewx li l-mewt fuq is-salib kienet il-mewt tal-kriminali u tal-agħar nies). Kienu jsiru simboli oħrajn minflok is-simbolu tas-salib, simboli bħal ħuta jew pagun li kollha kellhom b’ xi mod jew ieħor xi tifsira marburta mal-fidi tan-Nazzarenu.

L-oriġini tas-Salib u simboli Kristjana
Jekk irridu nistudjaw l-ewwel żminijiet tal-kristjaeżmu rridu ninżlu fil-katakombi ta’ Ruma. Hemmhekk insibu sinjali ta’ slaleb minquxin fil-ġebel jew impittra mal-ħajt, imma akatrx li din il-ħaġa hija rarità għaliex aktar insibu simboli oħra milli slaleb bħalma huma il-ħuta li diġà semmejna, il-ħobż u l-ankra. Wara d-digriet tal-Imperatur Kostantinu, li ta l-libertà lill-kult Nisrani, bdejna nsibu slaleb fuq il-lapidi tal-oqbra maġenb l-isem tal-midfun. Ovvajment is-salib kien isir biss jekk il-mejjet ikun Nisrani. Insibu tliet tipi ta’ slaleb, forma ta’ T, is-salib Latin u s-salib Grieg +. Issa is-salib sar is-sinjal universali tal-Knisja u bdejna insibuh fl-ewwel knejjes. Qegħdin nitkellmu dwar slaleb u mhux dwar kurċifissi. Bdejna nsibu slaleb fil-mużajċi tal-apsidi tal-bażiliċi – slaleb imżejnin b’ ħaġar prezzjuż sabiex jindika li s-salib huwa t-tron tas-Sultan tad-dinja. Waħda mill-ewwel knejjes li kellha salib ta’ dan it-tip hija l-knisja ta’ Santa Prudenzjana f’ Ruma.  Eżempju ieħor ta’ dan it-tip ta’ salib insibuh fil mawsolew ta’ Galla Placida ġewwa Ravenna.

Il-bieb tal-knisja ta’ Santa Sabina, Ruma (dettall)
Sa issa l-ebda salib ma kien juri lil Kristu msallab fuqu. L-ewwel darba li kien muri Kristu msallab kien fis seklu V. Fil-bieb tal-bażilika ta’ Santa Sabina fuq il għolja tal-Aventino ġewwa Ruma – dik li llum hija l-Knisja tal-kurja ġenerali tal-Ordni tal-Predikataru (id-Dumnikani), insibu panew skulturat bi Kristu msallab. Huwa l-ewwel eżempju ta’ din it tip ta’ ikonografija Kristjana. Lil Kristu insibuh b’idejh miftuħin iżda warajh ma hemmx is-salib.

Aktar ma beda jgħaddi żmien aktar il-kurċifiss beda jinxtered fid-dinja Kristjana. Issa anke fil-mużajċi bdejna nsibu is-salib bil-ħaġar prezzjuż u fuqu Kristu msallab. Eżempju sabiħ ta’ din it-tip ta’ ikonografija huwa s-salib fl-arzella tal-bażilika ta’ San Klement f’ Ruma.

L-Italja u l-oriġini tal-arti Kristjana
Ma nistgħux nitkellmu fuq il-Kristjaneżmu jekk ma nsemmux l-Italja. Irridu jew ma rridux bilfors min hemm irridu nitilqu biex nitkelmu dwar l-arti Kristjana. Jekk il-fidi Nisranija bdiet fir-raħal ta’ Nazzaret, l-arti Nisranija bdiet fil-belt ta’ Ruma u nxterdet malajr fl-ibliet qrib. Qrib is-sena 1000 bdejna insibu bosta kurċifissi mpittrin fuq l-injam u mdendlin fil-knejjes. Xi kattidrali kienu jiġu mogħtija slaleb tal-fidda mill-isfijiet tagħhom. Tajjeb insemmu xi eżempji minn dawn.  L-isqof Aribertu ta’ Milan kien ta salib tal-fidda lid-Duomo ta’ din il-belt fl-1018 u l-Isqof Iljun offra salib tal-fidda lid-Duomo ta’ Vercelli aktarx fl-1026. Mhux isqfijiet biss kienu jagħmlu offerti bħal dawn. Il-badessa Raingarda kienet tat is-salib tal-fidda tagħha lill-kattidral ta’ Pavia madwar is-sena 996.


Il-kurċifiss magħruf ta’ Giunta Pisano 
Wasal imbgħad iż-żmien fejn bdew jitpittru bosta kurċifissi u nistgħu ngħidu li l-Italja hija mimlija b’ dawn il-kurċifissi mpittrin fuq l injam. Xi wħud minnhom huma xogħol ta’ artisti magħrufin.  Aktarx wieħed mill-aktar kurċifissi magħrufin ta’ dan it-tip huwa dak li nsibu fil-Bażilika ta’ San Duminku ġewwa Bologna. Dan huwa xogħol ta’ Giunta Pisano. Huwa xogħol li tpitter bejn l-1250 u l-1254 u llum għadu jinstab fl-istess bażilika. Fuq il-passi ta’ Pisano imxew artisti oħrajn sabiex ħolqu kurċifissi fuq l-istess linja, xejn inqas famużi minn dak ta’ Bologna.  Madwar is-sena 1275, Cimabue pitter kurċifiss simili għall-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze. Illum il-kurċifiss ta’ Cimabue jinstab fil-mużew ta’ Santa Croce ġewwa l-istess belt. L-istess artist pitter kopja tal-kurċifiss ta’ Pisano għall-knisja ta’ San Duminku  ta’ Arezzo bejn l-1268 u l-1271. Lejn tmiem is-seklu tlettax, Giotto pitter il-kurċifiss li nsibu fil-Knisja ta’ Santa Maria Novella f’Firenze. Din il-knisja huwa knisja oħra tad-Dumnikani, dan ifisser kemm dawn il-patrijiet kienu devoti ta’ din ix-xbieha u kemm ħadmu biex ixerdu l-kult lejn il-Kurċifiss.


Kurċifiss impitter mill-Beatu Angelico 
Minn issa ’l quddiem nistgħu nibdew insemmu lista ta’ artisti li pittru l-kurċifiss, imma nsemmu biss dawk l-aktar famużi. Bejn l-1304 u l-1306, Giotto pitter il-kappella mgħarufa bħala Cappella degli Scrovegni, ġewwa Padova u fost pittura oħra nsibu l-Kristu msallab. Il beatu Angelico wkoll ħallielna xbiehat ta’ Kristu fuq is-salib. Fil-mużew San Marco ta’ Firenza dan id-dumnikan għandu l-pittura tal-kurċifiss u pittura oħra ta’ Kristu fuq is-salib qiegħed jiġi minfud bil-lanza, li saru bejn l-1337 u l-1346. Fis-sekli ħmistax u sittax insibu bosta artisti minn madwar l-ewropa li ħadmu fuq din ix-xena u ħallewlna opri kbar li juru l-kurċifiss. Mathias Grünewald, Paolo Uccello,  Maestro von Sigmaringen, Quentin Massys, Andrea Mantegna, Rembrandt, Robert Campin, Van Eyck, Hans Pleydenwurff,  Johann Koerbecke, Hans von Tübingen, Albrecht Dürer,  Albrecht Altdorfer, Mathias Grünewald, Francesco del Cossa, Luca Signorelli u oħrajn. 
Aktar tard komplejna ngawdu opri oħrajn dwar din ix-xena bħal Kristu fuq is-salib ta’ Francisco de Goya tas-sena 1780 u li llum insibuha ġewwa l-mużew del Prado f’ Madrid. Opra famuża ta’ żmienna hija l-kurċifiss ta’ Salvador Dali tal-1951 u li tinsab fil-gallerija tal-arti fi Glasgow.
Is-salib ta’ San Damjan ġewwa Assisi
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-kurċifissi u ma nsemmux is-salib magħruf bħala ta’ San Damjan. Dan il-kurċifiss li nsibu ġewwa l-knisja ta’ Santa Kjara f’Assisi huwa dak il-kurċifiss li quddiemu kien qiegħed jitlob San Franġisk meta semgħu jgħidlu biex jibni mill-ġdid il-Knisja. Huwa salib li l-istil tiegħu kien komuni ħafna ġewwa l-Umbrija fis-seklu XII. Il-kurċifiss li llum insibu fil-knisja ta’ San Damjan f’ Assisi huwa replika ta’ dan il-kurċifiss tant għażiż mal-franġiskani. Tajjeb li insemmu wkoll kurċifiss ieħor li għandu rabta ma’ qaddis kbir ieħor. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Domenico Maggiore fil-belt ta’ Napli nsibu l-kappella tal-Kuċifiss. Il-kurċifiss li hemm fiha llum huwa riproduzzjoni tal-kurċifiss antik tas-seklu XIII li skont it-tradizzjoni jingħad li waqt li San Tumas ta’ Akwinu kien qiegħed jitlob quddiemu tkellem u qallu: Tumas, ktibt tajjeb ħafna dwari. Xi trid nagħtik? Il-qaddis dlonk wieġbu: Xejn ħliefek, Mulej!
Semmejna hawnhekk kurċifissi mpittrin u għalhekk jixraq nagħtu ħarsa lejn xi kurċifissi skolpiti li huma famużi. Fil-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze insibu l-kurċifiss imnaqqax fl-injam maħdum minn Donatello. Aktarx li nħadem bejn l-1406 u l-1408. Ġewwa l-istess belt, fil-Knisja ta’ Santa Maria Novella insibu kurċifiss tal-injam minqux bejn l-1410 u l-1415 minn Brunelleschi. Ta’ min jgħid li din hija l-opra waħdanija ta’ dan l-artit li nafu biha li hija minquxha fl-injam. Nerġgħu nsemmu lil Donatello. Bejn l-1444 u l-1447 dan l-artist għamel il-kurċifiss ta’ fuq l-altar maġġur li hemm fil-bażilika ta’ Sant’ Antnin ġewwa Padova. Dan huwa xogħol fil-bronż. Miżmum fis-sagristija tal-bażilka tal-Ispirtu s-Santu mill-ġdid f’ Firenze insibu kurċifiss tal-injam maħdum mimm Michelangelo Buonarroti li sar għall-ħabta tal-1493. Dan huwa xogħol rari għax dan l-artist kien jippreferi jiskolpi l-irħam milli l-injam. Xogħol ieħor ta’ dan l-artist kbir huwa l-kurċifiss imsejjaħ ta’ Tiglio. Dan huwa kurċifiss żgħir tal-injam għad-devozzjoni privata. Illum jinstab fl-ammbaxxata Taljana għas-Santa Sede f’ Ruma sewwa sew fil-kamra tad-deputati.

Il-kuċifiss ġewwa l-knisja ta’ Ġieżu l-belt Valletta
Minkejja li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kurċifissi li semmejna jnsabu l-Italja, ma jfissirx li ma nsibux kurċifissi oħrajn magħrufin u devoti. Ma hemmx għalfejn immorru bogħod minn xtutna, f’ Malta għandna l-kurċifiss ta’ Ġieżu. Dan huwa xogħol fl-injam attribwit lil Frate Umile minn Palermo u li nġieb Malta għall-ħabta tal-1630. Sa minn dak iż-żmien dan il-kurċifiss qajjem devozzjoni kbira lejh, liema devozzjoni għadha teżisti sal-lum. Dan il-kurċifiss nistgħu ngħidu li huwa l-kurċifiss l-aktar magħruf f’ art twelidna. Ma nistgħux inħallu barra il bosta kurċifissi tal-Vara l-kbira ta’ xi wħud mill-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, liema kurċifissi huma tabilħaqq devozzjonali.
Dak li kien saħta, dak li kien bluha, dak li kien tkexkix, dak li kien mistmerr illum sar simbolu mill-aktar mifrux madwar id-dinja kollha. Salib, sempliċi salib li kien il-ħsieb ta’ bosta opri tal-arti mill-aqwa artisti mondjali. Kristu msammar ma’ salib sar is-simbolu tas-salvazzjoni rigward il-fidi u sar tema popolari u devozzjonali fejn tidħol l-arti. Mhux ta’ b’xejn l-akbar artisti inkludew il-kurċifiss fix-xogħol tagħhom.

© Fr. Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' April, 2012

Nessun commento:

Posta un commento