giovedì 29 novembre 2012

Ġieli jiġrilkom bħali?


Dan l-aħħar, f’ temp ta’ tlitt ijiem għaddejna minn żewġ ċelebrazzjonijiet li dwarhom tkellmet id-dinja kollha. Il-Ġimgħa 29 ta’ April aktar minn żewġ biljun ruħ segwew minn madwar id-dinja kollha it-tieġ irjali bejn il-Prinċep William u Kate Middleton. Forsi il-monarkija Brittanika hija l-aktar waħda magħrufa mad-dinja u b’hekk min b’ kurżità u min b’ simpatija, in-numru ta’ żewġ biljun riħ malajr intlaħaq. Jumejn wara, l-ewwel ta’ Mejju erġajna assistejna għal ċelebrazzjoni oħra tal-massa. Il-beatifikazzjoni ta’ Papa Ġwanni Pawlu II. Skont il-kwestura ta’ Ruma il-folla miġbura f’ Ruma għal din l-okkażjoni kienet ta’ miljun u nofs. In-numru ta’ dawk li segwew dan l-avveniment minn fuq il-mezzi tax-xandir u tal-komunikazzjoni soċjali ma kienx inqas minn dak ta’ jumejn qabel. Kienu jumejn fejn id-dinja kienet mitlufa fuq dawn iż-żewġ manifestazzjonijet mhux tas-soltu. Il-ġurnali, l-aħbarijiet, stazjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju, internet, kollha jitkellmu dwar iż-żwieġ irjali u l-beatifikazzjoni.


Ġieli jiġrilkom bħali? Naħseb li aktar iva milli le għax aħna lkoll magħmulin l-istess. Qiegħed ngħid għal dawk id-drabi fejn ġisimna jibqa’ fejn ikun imma moħħna jkun  il-bogħod. Kultant waqt xi taħdita, persunti tkun fis-sala, imma moħħi jkun f’ xi ġnien! Kultant waqt xi lecture, jien inkun Bologna, imma moħħi jkun Ħal Qormi! Kultant inkun qiegħed nitkellem ma’ xi ħadd u moħħi jibda jaħseb fuq xi ħaġa oħra u ġieli nwieġeb b’ iva dak li suppost weġibt b’ le. U xi ngħidu waqt xi omelija twila twila, fejn il-predikatur ikun jaf minn fejn beda imma jkun donnu tilef it-triq! Widnejja jisimgħu imma l-moħħ ma jkunx qiegħed jifhem u jixtarr dak li jkun qed jaħbat mat-tnabar tal-widnejn. Din il-ħaġa nafu li hija l-aljenazzjoni.

F’ dawk il-jumejn ftit kienu dawk li ħasbu f’ dak li qiegħed jiġri fl-Afrika ta’ fuq. Id-dinja kienet mehdija b’ dawk l-avvenimenti straordinarji u ftit li xejn kellha ħin taħseb f’ dak li kien ilu jiġri bosta ġimgħat. Aljenazzjoni! Minkejja l-ilbies u ċ-ċerimonji kollha tat-tieġ irjali f’ Londra, minkejja l-funzjoni li ġibdet miljun u nofs persuna lejn Ruma, l-inkwiet u l ġlied fi Tripli u f’ Misurata baqgħu sejrin. Imma d-dinja kienet aljenata għal ftit jiem. Mhux għax fiha xi ħaġa ħażina! Anzi li tbiddel ftit jagħmel tajjeb. Nafu x’ jgħid il-Malti dwar min ma jbiddilx!

Fil-ħajja tagħna l-bnedmin ukoll kultant jiġu waqtiet li nibdew ngħixu illużjoni, fantażija. Moħħna jmur il-bogħod minn ġisimna. Noħolmu b’ dinja aħjar. Noħolmu b’ dinja tal-prinċep u l-prinċipessa tal-istejjer li konna nisimgħu meta konna għadna tfal. Noħolmu bil-Ġnien tal-Eden, fil-Ġenna tal-Art li tant kienu jaffaxxinawna fil-klassijiet tad-duttrina qabel għamilna il-preċett! Għal ftit ninsew id-dinja tal-lum u moħħna jġorrna f’ art tal-fantażija. Il-ħażin mhux li wieħed jaljina ftit rasu imma meta wieħed jibqa’ jgħix fl-aljenazzjoni.

Bosta programmi telviżivi, bosta reklami jpinġulna ħajja ideali. Imma ħajja ideali ma teżistix. Jeżisti ideal ta’ ħajja, imma mhux ħajja ideali. Sfortunatament bosta jaljenaw rashom b’ dak li jaraw u jisimgħu. Jimlew moħħom li b’ xi mod il-ħajja tista’ tkun bħal dik tal-films jew bħal dik tar-reklam. Imma din hija biss aljenazzjoni, din hija biss ħarba mir-realtà. Il-gwaj huwa meta l-bniedem jibqa’ aljenat u ma jiġix f’ tiegħu u jinduna li ma jistax jgħix dinja tal-ħolm kif inhi proposta mid-dinja tal-pubbliċità. L-istess bħal meta naljena ruħi waqt xi lecture. Gwaj għalija jekk moħħi ma jerġax lura lejn l-attwalità u nibqa’ fid-dinja tal-illużjoni. Sfortunatament bosta minna hekk jiġrilna – noħolmu u naljenaw ruħna bla ma nżommu saqajna mal-art!

© Fr. Reno Muscat OP

Nessun commento:

Posta un commento