L-imħabba u l-passjoni li Carol
Wojtyla kellu għan-natura u l-ambjent jirrapreżentaw waħda mit-temi mportanti
tal-pontifikat ta’ Ġwanni Pawlu II. Forsi ftit huma dawk li jintebħu kemm dan
il-Papa ħallielna tagħlim – ħafna drabi b’mod indirett, dwar l-ekoloġija. “Ħarsu lejn il-futur mimlijin
tama, imxu bil-ħsieb li dan il-millenju nagħmluh żmien ta’ solidarjeta’ u paċi,
ta’ mħabba għall-ħajja u ta’rispett lejn il-ħolqien ta’ Alla.” Dan il-kliem ma
ntqalx li xi grupp ta’ xjenzjati jew ekoloġisti, imma huwa parti mid-diskors li
l-Papa Ġwanni Pawlu II għamel lilna lkoll nhar it-8 ta’ Mejju, 2001, waqt li
kien fuq żjara f’ Malta tagħna.
Nemmen li l-Papa Wojtyla kien
jara l-ekoloġija b’lenti teoloġika. Kien jaf sewwa li qabel ma l-ħobż fil-patena
jinbidel fil-Ġisem ta’ Kristu, qabel ma l-inbid fil-kalċi jinbidel fid-Demm ta’
Kristu, kien hemm katina ta’ elementi marbuta flimkien – elementi tad-dinja
ekonomika, finanzjara u teknika. Biex sar il ħobż ried ikun hemm il-qamħ, il
qamħ ried lil min jidħnu biex isir tqieq, imma qabel ried li jinżera u jiġi
kkurat mill-bidwi. L-istess l-inbid – id-dielja riedet lil min jikkuraha, lil
min isaqqiha sabiex tagħti l-għenieqed tal-għeneb biex dan jintgħasar u jsir
inbid. Imma dana kollu jaf il-bidu tiegħu mill-art, mill-ħamrija. Mingħajr
ħamrija il-qamħa ma ssirx żbula, mingħajr il-ħamrija id-dielja ma tagħtix
frott. Mhux ta’ b’xejn li l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-udejnza ġenerali tas-26 ta’
Jannar, 2000 jgħidilna “Għalhekk in-natura ssir Evanġelju li jkellimna dwar
Alla.” U fl-istess udjenza jkompli jgħidilna: “In-natura hija oħtna, [...] jekk
in-natura ma tkunx vjolentata u umiljata, terġa’ ssir oħt l-umanita’.” Żewġ
elementi sempliċi li jibdew mingħand oħtna n-natura – il-qamħ u l-għeneb, imma
li jinbidlu fl-aktar ħaġa għażiża u qaddisa tal-Fidi Nisranija.
Konxju mill-problema ambjentali,
fl-enċiklika Redemptor Hominis, fil-bidu tal-ministeru papali
tiegħu, fl-1979 jiktbilna: “Il-bniedem tal-lum donnu jinsab mhedded minn dak li
jipproduċi huwa stess, biex ngħid hekk mix-xogħol ta’ idejh stess u aktar u aktar
mill-ħidma tal-intellet tiegħu. [...] Spiss il-bniedem fl-ambjent naturali ma
jarax ħlief dik ix-xi ħaġa li taqdih, dik ix-xi ħaġa li qegħda hemm għall-użu
tiegħu u xejn aktar. Imma r-rieda tal-Ħallieq hija li l-bniedem jaħdem id f’ id
man-natura bħala s-sid u l-għassies intelliġenti u nobbli tagħha, u mhux bħala
dak li jesplojtaha u jeqridha bla ħsieb ta’ xejn. [...] Ma aħna ngħidu xejn
ġdid imma qegħdin insemmu l-ewwel messaġġ tal-Ħallieq lill-bniedem meta tah
id-dinja biex jaħkimha.”
Forsi l-iżball kbir li sar
mill-bniedem kien li ħakem lid-dinja b’ mod żbaljat. Nesa li d-dinja ma hijiex
tiegħu iżda huwa biss użufruttwarju. Il-Papa Wojtyla kien tabilħaqq konxju ta’
dan u kien jaf sewwa r-riżultat ta’ xogħol il-bniedem. Fl-enċiklika li għadna
kif semmejna iżid: “Biżżejjed insemmu ċerti fenomeni bħat-tniġġiż tal-ambjent
naturali f’żoni li qegħdin jiġu industrijalizzati b’mod mgħaġġel. Il-gwerer li
spiss jinqalgħu – gwerer bi prospettiva qerrieda minħabba l-użu ta’ armi
atomiċi, idroniċi u oħrajn.”
Fl-enċiklika Evangelium Vitae tal-1995 insibu bosta riferimenti mill-kotba
tal-Bibbja fosthom mill-Ġenesi, il-Ktieb tal-Għerf u l-Ktieb tas-Salmi. B’ dawn
ir-riferimenti l-Papa Ġwanni Pawlu II ried jurina li l-bniedem għandu jmexxxi
lill-ħolqien biex jagħti ġieh, glorja u unur lill-Ħallieq u mhux biex jeqirdu.
Jgħidilna l-Papa li meta l-bniedem kien fil-Ġnien tal-Eden seta’ jiekol
mis-siġar kollha ħlief minn waħda. Dan ifisser li l-bniedem ma għandux
it-totalita’ tal-poter f’ idejh. Kollox minbarra waħda. It-totalita’ hija biss
f’ idejn Alla l-Ħallieq. “ Jidher car li fid-dinja naturali aħna jkollna nobdu
għal liġijiet bioloġiċi u morali, liema liġijiet ma għandhomx ikunu
vjolentati.”
Fl-enċiklika Centesimus Annus, tal-1991, l-istess Papa kien qalilna: “Fix-xewqa
tal-bniedem sabiex igawdi aktar milli biex jgħix u jikber, huwa jikkonsma
r-riżorsi tad-dinja b’ mod li jispiċċa jgħix b’ mod diżordinat. [...]
Il-bniedem ma jistax jagħmel użu arbitrarju tad-dinja mingħajr rażan ta’ xejn
daqs li kieku d-dinja ma teħtieġ xejn. Xogħol il-bniedem huwa li jobdi l-kmand
ta’ Alla, jiġifieri li jiżviluppa bla ma jitradixxi.”
Darba, wieħed ħabib tiegħi, patri
Dumnikan bħali, waqt li kien f’ nofs il-kjostri tal-Kunvent tal-Birgu, qalli:
“Ren, il-kattidral tal-Imdina huwa l-kattidral tal-Isqof – Il-ġonna huma
il-kattidral ta’ Alla.” Dak il-ħin ftakart fid-diskors tal Papa Ġwanni Pawlu II
meta kien qiegħed iżur lil pajjiżu f’ Mejju, 1989: “ Jiena u naqsam il-Polonja,
mill-Baltiku lejn il-Kbira Polonja, Mazovia, Warmina u Masuria, imbagħad
ir-reġjuni tal-Lvant, mir-reġjun ta’ Bialystock sa dak ta’ Zamosc,
ikkontemplajt il-ġmiel ta’ din l-art, art twelidi, u ftakart fil-missjoni
partikolari li fdalna l-Iben ta’ Alla. Hawnhekk, l-ikħal tas-sema, il-ħdura
tal-boskijiet u l-għelieqi, il-lewn fiddien tal-għadajjar u tax-xmajjar,
donnhom ilkoll jitkellmu b’ qawwa tal-għaġeb. Hawnhekk l-għana tal-għasafar
huwa familjari għalija, huwa Pollakk! U dan kollu jixhed l-imħabba tal-Ħallieq,
il-qawwa li jagħti l-Ispirtu u l-ħelsien li tana Bin il-Bniedem. [...] Il-qerda
tal-ambjent tħassar it-tajjeb li l-Ħallieq ta lill-bniedem bħala ħaġa
indispensabbli għal ħajtu u għall-iżvilupp tiegħu. Aħna obbligati nużaw sewwa
dan ir-rigal fi spirtu ta’ gratitudini. [...] Irridu nirrealiżżaw li dan jista’
jkun dnub gravi kontra l-ambjent naturali – dnub li jista’ jtaqqlilna l-kuxjenza
u li jitfa’ fuq spallejna responsabilita’ kbira lejn Alla l-Ħallieq.”
Fid-diskors tiegħu għall- Jum
Dinji tal-Paċi tal-1990, il-Papa kien għaqqad il-problema ekoloġika
mal-problema bioetika: “Kif jista’ jkun
toħodha kontra l-qerda tal-ambjent imbagħad f’ isem il-kumdita’ u l-konvenjenza
tħalli l-qerda ta’ dak li għadu ma twelidtx u tħejji l-mewt għax-xiħ u
għall-marid? [...] Meta l-ġid tax-xjenza u l-interess ekonomiku jirbaħ fuq
il-ġid tal-persuna biex imbagħad jispiċċa jirbaħ fuq is-soċjetajiet, il-qerda
tal-ambjent tkun tabilħaqq is-sinjal ta’ xogħol il-bniedem.”
Fl-1999 kien mill-ġdid ġewwa
pajjiżu u waqt ċelebrazzjoni liturġika f’ Zamosc kien qal: “Il-ġmiel ta’ din
l-art iġegħelni nappella biex nibżgħu għaliha għal dawk ta’ warajna. Jekk
tħobbu lill-art twelidna tħallux dan il-kliem jaqa’ fuq widnejn torox. [...]
Qiegħed ngħidilkom sabiex tirrispettaw l-art. [...] Naf li fi żmien ta’ bidla
soċjali u ekonomika jinqalgħu bosta problemi li ħafna drabi jaffettwaw ħażin
lill-kampanja Pollakka.”
Waqt iż-żjara tal-Papa Ġwanni
Pawlu II fl-Amerika, fl-1987, kien qal: “It-tniġġiż tal-arja u tal-ilma qiegħed
jgħedded il-bilanċ delikat tal-Biosfera, bilanċ li minnu jiddependu
l-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk ta’ għada. Din il-ħaġa iġġegħlna nintebbħu li
lkoll kemm aħna naqsmu bejnietna ambjent ekoloġiku wieħed.”
Nistgħu nibqgħu nsemmu
okkażjonijiet fejn dan il-Papa kbir tkellem kontra l-qerda tal-ambjent
naturali. Ma nistgħux ma nsemmux dak li kien kiteb fl-Eżoratazzjoni Appostolika
Christifideles Laici tal-1988 : “Illum
l-hekk imsejħa ‘Kwistjoni Ekoloġika’ issib ruħha f’ relazzjoni mal-ħajja
soċjo-ekonomika. Tassew li l-bniedem irċeva l-mandat mingħand Alla sabiex
jaħkem fuq l-art u biex jieħu ħsieb il-ġnien tad-dinja, imma din il-biċċa
xogħol il-bniedem għandu jagħmilha b’ rispett lejn ix-xbieha qaddisa li rċieva
mingħand Alla, allura jrid jaħdem b’ intelliġenza u mħabba, ikun responsabbli
tar-rigal li għaddielu Alla u jkompli jgħaddih lil ta’ warajh.”
L-imħabba li Ġwanni Pawlu II
kellu għan-natura kienet tidher ċar fil-mod ta’ ħajja li kien jgħix. Tassew li
l-ħajja ta’ Papa ma tippermettix dak li tippermetti l-ħajja ta’ bniedem
kwalunkwe. Jien nista’ mmur fejn irrid, x’ ħin irrid u meta rrid, imma l-Papa
ma jistax għax kull pass li jagħmel irid ikun dejjem ipprogrammat. Madanakollu,
il-Papa preċedenti dejjem fittex il-kuntatt man-natura kemm fil-jiem
tal-vaganzi, fuq is-silġ, kif ukoll fil-ħin tal-mistrieħ waqt il-jiem
tax-xogħol kien ifittex il-ġonna tal-Vatikan u bil-kuruna tar-rużarju f’ idejh
kien jehda jdur u jikkontempla lill-Ħallieq ġewwa l-kattidral ta’ Alla.
Hemm ħafna aktar x’ wieħed iżid
ma’ dan. Hemm bosta aktar diskorsi tal-Papa Ġwanni Pawlu II fejn insista dwar
il-ħarsien tal-ambjent bħall-indirizz lill-Ġnus Magħquda ġewwa Nairobi fl-1985,
l-indirizz lil 15-il konferenza tal-FAO fl-1989, l-indirizz lill-ħaddiema
tal-komunikazzjonijiet soċjali f’ Los Angeles fl-1987 jew il-messaġġ għall-Jum
il-Vokazzjonijiet fl-1995 u ħafna u ħafna oħrajn. Fin-natura Wojtyla kien jara
lil Alla l-Ħallieq, bħalma artist jintgħaraf minn xogħolu – hekk il-kobor ta’
Alla jidher fil-Ħolqien – xogħol idejH. L-imħabba lejn ommna n-natura tfisser
imħabba lejn Alla. Dan kien il-ħsieb li dejjem wasslilna il-Papa Ġwanni Pawlu
II kull meta tkellem jew semma’ l-ekoloġija. Ried jurina li l-kontemplazzjoni u
l-ħarsien ta’ dak li tana Alla huma modi li jwassluna għand Alla. Din hija
t-teoloġija tan-natura li tana Carol Wojtyla – il-Papa Ġwanni Pawlu II li llum
xtaqt insejjaħlu il-Papa tan-natura.
© Fr. Reno Muscat OP
Nessun commento:
Posta un commento