giovedì 29 novembre 2012

San Giorgio degli Schiavoni f’ Venezja


Kulħadd jaf kemm il-kult lejn l-imqaddes Ġorġi ta’ Lidda huwa kbir fil-belt ta’ Venezja. Bla dubju l-aktar post magħruf li huwa ddedikat lil San Ġorġ f’ din il-belt hija l-Knisja San Giorgio Maggiore li tinsab fuq il-gżira msejħa wkoll għall-istess qaddis. Imma f’ Venezja hemm xejn inqas minn tliet knejjes oħra li għandhom lil martri Ġorġi bħala qaddis patrun u titular. Dawn huma San Giogio degli Schiavoni, San Giorgio dei Greci, knisja tal-Griegi Ortodossi u s-Saint George’s Anglican Church li kif juri isimha stess hija knisja tal-Anglikani.

Il-Knisja ta' San Giorgio degli Schiavoni
Il-ħsieb tiegħu huwa li ngħid xi ħaġa dwar l-iskola u l-knisja tagħha magħrufa bħala degli Schiavoni. Din il-knisja tagħmel parti mill-bini ta’ dik li kienet magħrufa bħala La Scuola di San Giorgio degli Schiavoni, imsejħa wkoll bħala Scuola Dalmata di San Giorgio e Trifone. Dan il-bini jinsab fis-sestier bl-isem Castello. Venezja hija maqsuma f’ sitt sestieri, jew inkella zoni u dan is-sestier kien ħa ismu minn kastell li biż-żmien kien ċeda postu għall-bini li nsibu llum. Din l-iskola kienet waħda minn bosta li kienu jinstabu f’ Venezja u dmirha kien li teduka u tħarreġ liż-żgħar f’ għadd ta’ snajja u fl-istess waqt tnissel fihom id-devozzjoni lejn xi qaddis partikolari. Fost l-aktar skejjel magħrufa konna nsibu dik tal-Albaniżi, tal-Bergamaski, tal-Griegi u din li qegħdin insemmu, tal-iSchiavoni taht il-patroċinju ta’ San Ġorġ.

Sa mill-bidu tar-Repubblika Venzjana ir-relazzjoni u l-kummerċ mad-Dalmazja, li tiġi sewwa sew faċċata ta’ Venezja fuq ix-xatt l-ieħor tal-baħar Adrijatiku, kienu tajbin ħafna. Fis-seklu XV id-Dalmazja għaddiet taħt idejn ir-Repubblika Venezjana u bosta nies bdew jemegraw lejn Venezja. Id-dalmazji kienu jissejħu wkoll Schiavoni. Għall-bidu dawn it-talin kienu jiltaqgħu fil-kunvent tal-kavallieri Ġerosolamitani jew fil-knisja ta’ San Ġwann tal-kavallieri ta’ Malta. Inħolqot bħal fratellanza li nsibu bosta minnhom f’ pajjiżna u bħala mistier kellhom il-kummerċjanti u baħrin. Il-qaddisin protteturi tagħhom kienu San Ġorġ, San Trifone u San Girolmu. Fl-24 ta’ April 1502 din il-konfraternità, irċieviet relikwija ta’ San Mattew u minn dakinhar dan il-qaddis żdied mat-tliet qaddisin protteturi l-oħra.

In-numru ta’ Dalamzji li bdew jitfgħu l-ankri f’ Venezja beda kull ma jmur jikber u għalhekk ħasbu biex jibnu din l-iskola li tikkonsisti fi knisja isfel u f’ sala kbira fuq il-knisja. Din li tissejjaħ skola tinsab bejn sqaq, li f’ venezja jissejħu Calle, li fih hemm il-Knisja ta’ San Ġwann tal-kavallieri ta’ Malta u kanal tal-ilma. Il-faċċata sabiħa tal-knisja fiha bieb kbir fin-nofs u tieqa maqsuma fi tnejn fuq kull naħa tal-bieb. Fuq il-bieb prinċipali hemm skultura ta’ San Ġorġ fuq iż-żienel jitqabad mad-dragun u sewwa sew fuq din l-iskultura insibu skultura oħra tal-Madona ma’ San Ġwann l-Għammiedi u Santa Katerina ta’ Lixxandra. Fuq iż-żewġ naħat tal-iskultura hemm żewġ twieqi sewwa sew bħal dawk ta’ isfel.

Meta tidħol ġewwa issib impittra il-ħajja ta’ San Ġorġ u San Trifone fost oħrajn. Dawn huma xogħol l-artist ċelebri Vittore Carpaccio. Waħda mil-isbaħ tili hija dik ta’ San Ġorġ joqtol id-dragun. Hija pittura tas-sena 1502 u l-qjies tagħha huwa ta’ 140 cm b’ 360 cm. Jiddomina l-qalba tat-tila nsibu lil Ġorġi fuq iż-żiemel aħmar. Warajh naraw lill-prinċipessa li tidħer qegħda titlob, filwaqt li n-naħa l-oħra naraw lid-dragun digà minfud mil-lanza twila tal-qalbieni kavallier. Ma huwiex xi kwadru b’ b’ kuluri jgħajtu imma huwa kwadru monokromu, fejn jispikkaw il-kuluri safranin. Fl-art jidhru bċejjeċ ta’ vittmi tad-dragun filwaqt li fl-isfont tidher belt fortifikata. Jidher ukoll il-baħar f’ xini nkaljat mal-blat. Il-posta Taljana fl-1976 ħarġet żewġ bolli ta’ 150 lira Taljana kull waħda li meta tpoġġiehom flimkien jiffurmaw dan il-kwadru tant sabiħ.
San Ġorġ xogħol l-artist ċelebri Vittore Carpaccio


Rajna post ieħor fejn il-kult u l-imħabba lejn San Ġorġ ta lid-dinja lok ta’ devozzjoni u arti. Tajjeb li nimitaw lil dawk ta qabilna u nsebbħu l-postijiet tal-kult tagħna b’ opri artistiċi ta’ kwalità bħalma għamlu l-antenati tagħna. Jekk illum aħna qegħdin ingawdu dan il-patrimonju huwa grazzi għal dawk ta’ qabilna imma tajjeb li niftakru wkoll f’ dawk ta warajna.

© Fr. Reno Muscat OP.

Nessun commento:

Posta un commento