Sirt naf li
l-Kapitlu Ġenerali kien
sejjer isir Ruma minflok l-Indja ftit wara li Fra Carlos Aspiros Costa, dak
iż-żmien Majjistru Ġenerali tal-Ordni, minħabba diversi problemi u nkwiet
fil-pajjiż kien iddeċieda li jinbidel il-post ta' dan il- Kapitlu Ġenerali.
Kont Bologna, fejn qiegħed nistudja t-teoloġija meta smajt b' din l-aħbar. Xi
wħud qalu li għandu mnejn li l-organizzaturi jkunu jeħtieġu l-għajnuna ta' xi
studenti. Billi jiena nagħmel parti mill-Provinċja Dumnikana ta' Malta, lanqas
biss qatt għaddieli minn moħħi li nista' nkun jiena wkoll li nagħti daqqa ta'
id f' dan il-kapitlu. Ħsibt li kien sejjer ikun hemm biżżejjed studenti Taljani
biex jagħmlu dan ix-xogħol.
Mill-kurja tal-Ordni waslet it-talba għal tliet studenti sabiex jgħinu
fil-Kapitlu. Is-Surmast ta' Bologna talab tliet studenti li jkunu jafu jsuqu,
jitkellmu bl-Ingliż u jkunu professi solenni. Intgħażilt jien u tnejn oħra. L-Ordni jagħtina saqaf fuq rasna, jagħtina l-ħtiġijiet tagħna ta'
kuljum, iħallsilna l-istudji u dak kollu li nkunu neħtieġu, ikun jixraq li
nagħtih xahar mill-vaganzi tiegħi. Għalhekk għidt lis-surmast sabiex jgħoddni
ġewwa, kemm-il darba jaċċetta l-Provinċjal. Meta tkellimt mal-Provinċjal, mhux
talli aċċetta iżda ħa gost u ħeġġiġni sabiex ma nitlifx din l-okkażjoni,
okkażjoni ta' darba li mhux dejjem tkun possibbli. U hekk sibt ruħi fil-Kapitlu
Ġenerali ta' Ruma.
Immexxija mis-segretarju tal-Kapitlu, P. Francesco Ricci OP, xogħolna
kien li nkunu qribu għal dak li jista' jinqala'. Fra Matteo Montalcini OP ħa
ħsieb is-sewqan. Li jkollok 172 persuna f' laqgħa, bilfors tkun trid lil xi
ħadd isuq il-ħin kollu għax daqqa tonqos ħaġa u daqqa tonqos oħra u dejjem
sejrin. Ix-xogħol tiegħi kien ġewwa l-uffiċċju, ngħin fl-organizazzjoni ta'
kuljum, nieħu ħsieb id-dokumenti li minn ħin għall-ieħor kienu jidħlu
fl-uffiċċju. Fra. Domenico Spadafora kien jagħmel xi xogħol ieħor li jinqala'
matul il-jum. It-tlieta li aħna ppruvajna ngħinu biex il-kapitlu jimxi bla ebda
nkwiet. Konna kemm stajna flessibli, Kien hemm fejn kelli nħalli l-uffiċċju u
mmur insuq jien, filwaqt li Matteo gieli tana daqqa t' id fl-istampar tad-dokumenti
li kienu jippreżentaw il-kummissjonijiet fi ħdan il-kapitlu. Konna wkoll nieħdu
sehem fil-liturġija u fl-animazzjon tal-quddiesa ta' kuljum. Kien hemm jiem li
spiċċajna bla nifs u konna mmorru lura l-Kunvent ta' Santa Sabina b'ilsiena
barra, għejjenin imma kuntenti. Dan ma jfissirx li ma kellniex ukoll ħin
noħorgu u nduru ftit il-belt sabiħa ta' Ruma, anzi kellna l-opportunità naraw
ukoll il-periferija tal-Belt Eterna.
Ma nista' ninsa qatt din l-esperjenza unika. L-ewwel ħaġa minħabba li
rajt b' għajnejja kif isir Kapitlu, kif jitla' Majjistru ġdid. Għallmuna dan
kollu fin-novizzjat, imma meta tkun fil-post, tara b' għajnejk u tmiss b'
idejk, huwa għal kollox differenti. L-istess bħal logħba futbol meta taraha fuq
it televisjoni mhux bħal meta tkun il-grawnd. It-tieni ħaga għax stajt nara
il-wiċċ universali tal-Ordni tagħna. Aħwa minn madwar id-dinja kollha lkoll
taħt l-istess saqaf. Tant aħwa, tant ilsna, kulturi u etniċitajiet diversi,
imma kollha b' ideal wieħed. U fl-aħħar nett minħabba l-għadd ta' ħbieb li kont
naf u li iltqajna mill-ġdid u oħrajn ġodda li għamilt. Aħwa li għandna mnejn
qatt aktar ma nerġgħu naraw wiċċ xulxin imma għal tliet ġimgħat ħdimna, dħaqna
u għexna flimkien.
Hemm xi mumenti li jibqgħu żgur f moħħi. Il-liturġija sabiha. Il-quddiesa
ta' kull filgħodu kienet tkun animata minn xi grupp differenti. Kienu jintużaw
it-tliet ilsna uffiċċjali tal-Ordni, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol. Wieħed
mill-isbaħ mument kienl-adorazzjoni u l-att penitenzjali li sar lejlet
l-elezzjoni tal-Majjistru l-ġdid. Kienet xena kommoventi tara 172 Dumnikan,
ilkoll flimkien, fejn wara l-adorazzjoni, kulħadd mar isib Dumnikan ieħor
sabiex iqerr. Xena tassew kommoventi. Ftit bankijiet quddiemi kien hemm Fr.
Carlos Aspiros Costa, kien l-aħħar jum tiegħu bħala Majjistru Ġenerali. Kien
qiegħed iqerr għand patri Dumnikan żagħżugħ. Ħaġa oħra li ma ninsiex żgur huwa
l-kant tas-Salve Regina u ta' O Lumen, żewġ talbiet li nkantaw aħna d-Dumnikani
wara l-għasar. Kienet vera ħaga li kważi tqabbiżli d-dmugħ minn għajnejja x'
ħin kont nara daqstant aħwa Dumnikani, minn daqstant pajjiżi, daqstant ilsna
differenti, imma lkoll magħqudin f' talba waħda lil Sidtna Marija u lil
Missierna San Duminku. Ħaġa oħra li ma ninsa qatt hija li kont qed naħdem
daqshekk qrib il-Majjistru Ġenerali
l-ġdid. Fra Bruno Cadoré ġieli ġie ħdejja u kien jgħidli: 'Reno,
għajjejt?'
Bruno Cadoré Majjistru tal Ordni tal-Predikaturi |
Tassew inħossni kuntent li kelli din l-okkażjoni, din l-opportunità
unika, għax minkejja li ma kellix vot, ma kellix vuċi fil-kapitlu, fl-istess
ħin ma kontx barrani. Meta tkun fil-pożizzjoni li konna fija jien u sħabi tkun
tista' tara l-kapitlu minn lenti differenti, tara l-kapitlu minn wara l-kwinti.
Minn wara l-kwinti tkun tista' tara x' qed jiġri fuq il-palk kif ukoll x' ikun
għaddej wara l-palk.
© Fr. Reno Muscat OP
Nessun commento:
Posta un commento