Kien it-Tlieta, 18 ta’ Mejju
tas-sena 1920, Emilia Kaczorowska, mart Karol Wojtyla, sottouffiċjal fl-armata
Awstrijaka u aktar il quddiem f’ dik Pollakka,
għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar sejħet lill-majjistra ta’
Wadowice, ir-raħal fejn kienu joqgħodu. Dan kien raħal pjuttost ċkejken u fih kienu
joqgħodu madwar 7,000 ruħ. Kien madwar 50 kilometru bogħod minn Krakovja. Kienu
għadhom lanqas daqqew is-sitta li Emilia welldet it-tielet iben tagħha. L-ewwel
wild ta’ din il-koppja kien fl-1906,
tifel, Edmund. It-tieni wild tifla li semmewha Olga twieldet fl-1914 u mietet
tat-twelid. Issa tweldilhom iż-żgħir li
semmewh Karol għall-missieru u Joseph għall-missier putattiv ta’ Ġesù. Jumejn
wara kien mgħammed mill-kappillan militari Dun Franciszek Zak.
Issa li mill-familja ma kien
fadallu lil ħadd seta’ jwettaq dak li kien ilu jberren f’ moħħu. Ried jidħol
is-seminarju, imma s-seminarju kien magħluq minħabba l-gwerra. Kellem
lill-Arċisqof ta’ Krakovja u fl-1942 beda’ jiffrekwenta bil-moħbi xi korsijiet
fil-Fokultà tat-Teoloġija. Sentejn wara s-seminaristi klandestini kienu
trasferiti għal ġewwa l-palazz arċiveskovili u hemmhekk bqagħu sa’ tmiem
il-gwerra. Fid-9 ta’ Settembru, 1944 irċieva it-tonsura u fis-17 ta’ Diċembru
tal-istess sena ingħata l-ewwel ordnijiet minuri. Ix-xahar ta’ wara, fit-18 ta’
Jannar, 1945 Krakovja kisbet il-ħelsien mill-Armata l-Ħamra u t-truppi Nażisti
ħallew il-belt. F’ Dicembru ta’ wara ingħata il-lettorat u l-akkolitat u fit-13
ta’ Ottubru tal-1946 ingħata is-sudjakonat u ġimgħa wara id-djakonat. Nhar
il-qaddisin kollha tal-1946 kien ordnat saċerdot mill-Arċisqof Metropolita Adam
Sapieha fil-kappella privata tiegħu. L-għada il-qassis novell qaddes l-ewwel
quddiesa tiegħu fil-kripta tal-kattidral ta’ Wavel b’ suffraġju għal ommu u
missieru.
Wara s-saċerdozzju huwa
intbagħat Ruma sabiex ikompli jistudja. Kien jistudja ġewwa l-Pontificia Università San Tommaso,
magħrufha aħjar bħala l-Angelicum,
l-università immexxijja mill-patrijiet Dumnikani. F’ dawn is-snin li kien Ruma
huwa kien joqgħod fil-Kulleġġ Pontifiċju Belġjan f’ Via Quirinale. Fl-1948 reġa lura l-Polonja u kien jaqdi
x-xogħol ta’ Viċi Kappillan fil-paroċċa
ta’ Niegowic f’ Bochnia, madwar 50 kilometru bogħod minn Krakovja. Qeda wkoll
postijiet oħra f’ xi parroċċi oħra. Fl-1958 meta Dun Karol kellu biss 38 sena
inħatar isqof awżiljarju tal-Arċisqof ta’ Krakovja. Nhar it-30 ta’ Diċembru,
1963, l-Isqof Wojtyla kien nominat Arċisqof ta’ Krakovja mill-Papa Pawlu VI.
Fit-13 ta’ Jannar ta’ wara inħarġet il-bolla papali bin-nomina tiegħu bħala
Arċisqof Metropolita ta’ Krakovja. L-insedjament uffiċċjali għamlu
fil-kattidral ta’ Wavel nhar it-8 ta’ Marzu, 1964.
Bħala l-primat tal-Polonja huwa
żamm kuntatt ma’ niesu. Bħala kardinal ta’ età żgħira kien imfittex minn bosta
biex jagħti diskorsi f’ pajjiżhom. Bejn
l-1967 u l-1978 huwa kien mistieden iżur u jagħmel konferenzi f’ bosta pajjiżi:
L-Italja, Franza, l-Iżvizzera, il-Kanada u l-Istati Uniti, il-Lussimburgu , il-Bleġju
l-Awstralja, New Zealand, Papua New Guinea u l-Filippini.
Il-ħerba li ħalla l-attakk fuq l-istazzjon ta' Bologna |
Biex
nagħtu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni insemmu fuq fuq l-attentati prinċipali
li seħħew f’ dan id-deċenju li qed insemmu. Kien hemm bomba nhar it-12 ta’
Diċembru, 1969 fi Piazza Fontana, f’ Milan, li ħalliet 16 mejta. Bomba oħra
tpoġġiet fuq ferrovija f’ Gioia Tauro fit-22 ta’ Lulju, 1970. Ħalliet 6 mejtin.
Fil-31 ta’ Mejju, 1972 f’ Peteano di Sagrado inqatlu 3 carabinieri. Fis-17 ta’
Mejju tas-sena ta’ wara saret bomba fil-Questura
ta’ Milan li qatlet 4 u ħalliet 52 feruti. Fit 28 ta’ Mejju, 1974 ġewwa Piazza
della Loggia fi Brescia splodiet bomba li qatlet 8 min nies. Tliet ġimgħat wara
il-Brigate Rosse qatlet żewġ suldati f’ Padova. Fl-istess sena, fil-lejl tal-4
ta’ Awwissu tisplodi bomba fuq ferrovija f’ San Benedetto Val di Sambro, qrib
Bologna, liema attentat kien ħalla 12 mejta u 48 feruti. Fit-28 ta’ Mejju, 1979
inqatel it-Trejdunjonista Guido Rossa. Biex insemmu l-aħħar każ li għalaq dawn
is-snin imdemmija, fit 2 ta’ Awwissu, 1980, splodiet bomba fl-istazzjoni
ċentrali tal-ferrovija ta’ Bologna. Dan l-attentat terroristiku ħalla 85 persuna
mejta u aktar minn 200 feruti.[10]
F’ din il-klima u pressjoni terroristika għex l-aħħar snin ta’ ħajtu
il-Papa Pawlu VI. Bħal ma kien jagħmel ta’ kull sena, huwa kien imur
għall-vaganzi sajfin ġewwa Castel Gandolfo. Fis-sajf tal-1978 saħħtu kienet
qegħda tbatti u nhar il-festa tas-Salvatur, għall-ħabta tal-9.40 il-Papa
Montini mar jiltaqa’ mal-Mulej. Fil-11 ta’ Awwissu sar il-funeral tal-Papa u għalih
kien preżenti wkoll il-Prelat Pollakk Wojtyla. Il-kardinali iltaqgħu
għall-konklavi aktar tard dak ix-xahar. Beda fil-25 tax-xahar u l-għada
il-Knisja ta’ Kristu kellha mexxej ġdid: il-Kardinal Albino Luciani, li ħa
l-isem ta’ Ġwanni Pawlu I. Ir-renju fuq il-Katedra ta’ Pietru għal dan il-papa
kien biss ta’ 33 jum. F’ dawn il-ftit jiem huwa kellu l-ħin jiltaqa’ mal-kardinali
u ltaqa’ ma’ Wojtyla f’ udjenza privata fit-30 ta’ Awwissu. Jumejn wara,
il-Kardinal Pollakk żar il-Liżar ta’ Kristu ġewwa l-Belt ta’ Turin. Dik is-sena
kienet qegħda ssir espożizzjoni ta’ din ir-relikwa fl-okkażjoni tar-raba’ ċentinarju
minn meta dan il-Liżar inġieb Turin minn Chambrey. Intant il-Papa Luciani miet
fil-lejl ta’ bejn it 28 u d-29 ta’ Settembru. Hemm bosta għejdud dwar il-mewt
ta’ dan il-Papa iżda xejn ma huwa ċert. Li nafu fi żgur huwa li kellu problemi
ta’ saħħa. 33 jum li taw lid-dinja Kattolika il-Papa tat-tbissima. Fl-4 ta’
Otubru sar il-funeral ta’ dan il-papa u għal dabra oħra nerġgħu nsibu
lill-kardinali miġburin ġewwa l-Belt Eterna sabiex jagħtu l-aħħar tislima
lis-suċċessur ta’ Pietru u l-ewwel tislima li suċċessur li kellu jintgħażel.
Kellu 54 sena – età żgħira meta mqabbla mal-età ta’ papiet preċedenti. Kien
mimli enerġija u fuq kollox kellu ħeġġa kbira. Kien il-Papa li aktar minn dawk
ta’ qablu mar jiltaqa’ man-nies u mal-mexxejja tal-popli. Fis-27 sena ta’
pontifikat għamel 1,166 udjenza ġenerali
ta’ nhar ta’ Erbgħa li għalihom ipparteċipaw aktar minn 17-il miljun u nofs
persuna. Kellu mħabba speċjali għaż-żgħażagħ li wasslet għall-bidu tal-Jum
Dinji taż-Żgħażagħ fl-1985. Daqstant ieħor kien iħobb il-familja u sa mill-1994
bdiet issir il-laqgħa dinjija tal-familji. Kien ukoll mira ta’ attentat fuq
ħajtu mit-tork Mehmet Ali Ağca, fit-13 ta’ Mejju, 1981 ġewwa Piazza San Pietro. Mexxa l-Knisja ta’
Kristu lejn it-tielet millenju ta’ Kristjaneżmu. Ipproklama 1,338 beatu u 482
qaddis. Kiteb 14-il Enċiklika, 15-il Esortazzjoni Appostolika, 11-il
Kostituzzjoni Appostolika u 45 Ittra Appostolika. Ħareġ il-Katekiżmu tal-knisja
Kattolika u rriforma id-Dritt Kanoniku.[11]
Kiteb ukoll 5 kotba li xi wħud minnhom insibuhom ukoll maqlubin għall-Malti.
Għalina l-Maltin jibqa’ il-Papa speċjali li ġie jżurna dabtejn. L-ewwel
żjara tiegħu fostna kienet bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju, 1990. L-aħħar żjara
tiegħu f’ Malta kienet bejn it-8 u d-9
ta’ Mejju, 2001 fejn temm il-vjaġġ tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl wara żjara
fil-Greċja u s-Sirja. Waqt din iż-żjara huwa kien ibbeatifika lil Dun Ġorġ
Preca, lil Nazju Falzon u lil Adeodata Pisani. Biex inkun għidna kollox dan
il-Papa kien waqaf għal ftit ħin fl-ajruport ta’ Malta fl-1 ta’ Settembru, 1990
qabel ma beda l-vjaġġ tiegħu fit-Tanzanija, il-Burubi, Rwanda u l-Kosta
tal-Avorju.
Is-saħħa tal-Papa Wojtyla bdiet tnin bil-mod il-mod u kien hemm min ħaseb
li kien sejjer iħalli s-siġġu tiegħu imma kull meta kien mistoqsi din il-ħaġa
huwa dejjem wieġeb li Kristu ma warrabx minn fuq is-salib. Fl-2001 instab li
l-Papa kien qiegħed inħakem mill-marda tal-Parkinson. Din l-aħbar ingħatat lid-dinja
fl-2003. Minbarra r-rogħda f’ idejh beda jsibha bi tqila biex jitkellem. Beda
jonqsu wkoll is-smiegħ. Minkejja dan kolu moħħi baqa’ jaħdem tajjeb ħafna u kien
kapaċi jkompli jmexxi l-Knisja ta’ Kristu b’ mod perfett.[12]
Fl-1 ta’ Frar, 2005 iddaħħal l-isptar Gemelli ta’ Ruma fejn kien rikoverat sal-10
ta’ Frar. Kull ma jmur saħħtu bdiet tħallih u kien jidher ċar li ma kienx
fadallu wisq magħna. Nhar Ħadd il-Għid, 27 ta’ Marzu, 2005, huwa ttawwal
mit-tieqa tal-appartament tiegħu fil-Vatikan. Il-Kardinal Angelo Sodana qara
l-mesaġġ tal-Papa u Ġwanni Pawlu II ta l-barka Urbi et Orbi. Xtaq ilissen xi
ħaġa imma saħħtu ma ppermettietlux. L-Erbgħa ta’ wara deher mill-ġdid fit-tieqa
ta’ kamartu. Mill-ġdid pprova jlissen xi ħaġa imma kollu ta’ xejn. Il-Kardinal
Josef Ratzinger fisser dak li ried jgħid “Jiena ġejt narakom u issa ġejt taraw
lili.” Din kienet l-aħħar darba li d-dinja rat lil-Papa Ġwanni Pawlu II ħaj. Minn
issa ’l quddiem għajnejn id-dinja kollha kienu fuq it-tieqa tal-appartament
tal-Papa. Is-sibt 2 ta’ April, 2005, sibt fuq l-Għid, lejlet il-festa
tal-Ħniena Divina, il-ħin kien id-9.37 ta’ filgħaxija. Id-dawl tal-kamra tal-Papa
li kien ilu mixgħul jiem sħaħ intefa. Id-dinja żammet in-nifs! Minkejja li
konna ilna naraw saħħtu tnin ma ridniex li jinfired minn magħna. Il-Monsinjur
Loenardo Sandri ħabbar uffiċjalment lill-folla preżenti fil-pjazza u lid-dinja
kollha: “Il-Papa mar lura fid-dar tal-Missier.” Tkantat ir-Salve Regina u l-qniepen tal-Vatikan bdew idoqqu mota ta’ luttu.
Segwew din il-mota il-qniepen kollha tal-knejjes tad-dinja.
L-1 ta’ Mejju 2011 għandu sinifikat speċjali. 1 ta’ Mejju 2011 huwa l-Ħadd
fuq l-Għid il-Kbir, il-Ħadd tal-Ħniena Divina, il-festa mwaqqfa minn Papa
Ġwanni Pawlu II. 1 ta’ Mejju huwa l-ewwel jum tax-xahar iddedikat lil Marija
Santissima li tant kien iħobb Karol Wojtyla. Huwa l-ewwel jum tax-xahar li fih
twieled it-tifel iż-żgħir ta’ Emilia Kaczorowska u żewġha Karol Wojtyla. L-1
ta’ Mejju – festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem – Jum il-Ħaddiem. U dan il-Papa kien
ħaddiem fil-veru sens tal-kelma. Ħadem manwalment, intelletwalment,
politikament u fuq kollox spiritwalment. Mhux ta’ b’xejn id-dinja għajtet
“Santo Subito!”. Mhux ta’ b’ xejn id-dinja sejħitlu Ġwanni Pawlu l-Kbir.
© Fr. Reno Muscat O.P.
[3] Pope John Paul
II,. The
Robinson Library. 20 October 2008. http://www.robinsonlibrary.com/philosophy/denominations/catholic/history/johnpaul2.htm
[7] “Nous avons éprouvé une
grande joie en faisant entrer dans le sacré Collège des Cardinaux, lors du
récent Consistoire, un fils de votre glorieuse patrie.[...] Votre cher Pays, vous le savez, ne Nous est
pas inconnu.” Minn http://www.vatican.va/holy_father/paul_vi/speeches/1967/june/documents/hf_p-vi_spe_19670628_speciali-saluti_it.html
[8] Joseph Rothschild, Nancy Wingfield, Return to Diversity, A Political History of
East Central Europe Since World War II Oxford University Press, Oxford, 2000
[9]
Rita Di Giovacchino, Il libro nero della Prima Repubblica, Fazi Editore, 2003; Cap. II, pp. 141 +
[10] Informazzjoni miksuba minn: http://it.wikipedia.org/wiki/Terrorismo_in_Italia#Principali_attentati
[11] http://www.vatican.va/news_services/press/documentazione/documents/santopadre_biografie /giovanni_paolo_ii_biografia_breve_it.html
Nessun commento:
Posta un commento