L-aħħar li ktibtilkom semmejt il-bidla li
kienet sejra sseħħ f’ ħajti – l-ordinazzjoni djakonali. Issa li din
l-okkazzjoni għaddiet ħassejt li jixraq li naqsam magħkom dak li ġara nhar it-8
ta’ Mejju fil-bażilika ta’ San Duminku f’ Bologna .
Minn xi jiem qabel bdew jaslu xi qraba u ħbieb minn
Malta .
Xi ħbieb Maltin li jgħixu Ruma telgħu Bologna
wkoll biex b’ kollox għal din l-okkazzjoni iltqajna madwar għoxrin Malti. Ma
setax jonqox li jkun miegħi f’ din l-okkazzjoni il-Provinċjal Dumnikan Malti,
P. Pawl Gatt O.P. Bix-xieraq għax jiena kont l-ewwel student li bdejt nistudja
wara l-ħatra tiegħu ta’ Provinċjal. Miegħu wasal ukoll P. Charles Fenech O.P.
li kien huwa flimkien ma’ Fr. Llewellyn Muscat O.P. li libbsuni d-dalmatika l-ewwel darba. Ma
naqasx ukoll is-surmast tal-Istudenti Dumnikani Maltin, P. Chris Caruana O.P.
Nixtieq insemmi lil kulħadd imma ma rridx intawwal. Mill-familja kienu miegħi
il-ġenituri u z-zija Tonina- (Min hu midħla tal-Knisja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi
jafha żgur!!). La semmejna l-parroċċa li fiha tgħammidt, ħadt l-ewwel tqarbina,
għamilt il-griżma tal-Isqof kif ukoll il-Professjoni Solenni, tajjeb ngħidu li
għall-ordinazzjoni kien hawn ukoll grupp ta’ Qriema mill-parroċċa San Ġorġ. Minkejja
li ma kienux miegħi, irċevejt bosta ittri ta’ awguri minn ħbieb tal-parroċċa San Sebastjan.
P. Charles u P. Llewellyn ilibbsuni t-tuniċella |
Fil-kunvent fejn ngħix qegħdin ftit inqas minn erbgħin ruħ. Fi tmiem il-ġimgħa li fiha kellna l-ordinazzjoni
aktar milli irduppjajna. Qbiżna id-disgħin persuna – min fil-kunvent min
fil-lukandi u min ġie s-sibt filgħodu u telaq wara nofsinhar.
It-8 ta’ Mejju, 2010. X’ ħin
bdew jersqu l-ħdax ta’ filgħodu inżilna fis-sagristija l-erbgħa li konna sejrin
nordnaw – Eċitament u taħbit qawwi tal-qalb. L-Isqof Tommaso Ghirelli neħħilna
ħafna mit-tenzjoni bit-tbissima dħulija tiegħu u b’ xi kelma ta’ kuraġġ li beda
jgħidilna. Bdejna ħerġin. Il-kor beda jkanta – ngħidilkom id-dritt ma nafx x’
kanta għax moħħi ma nafx fejn kien. Li naf hu li l-innijiet li kantaw kienu ta’
Monsinjur Marco Frisina. Kienet esegwita
il-quddiesa ta’ Mozart, il-kor għamel biċċa xogħol tassew tajba.
Wasal ħin il-litanija
tal-qaddisin u aħna l-erbgħa li konna ser nordnaw inżilna minn tulna fl-art.
Kien dan l-aktar mument kommoventi. Ħassejtni nitriegħed, ma nafx jekk kontx
ferħan jew imbazza’. Il-ħsieb waħdieni li kien għaddej minn moħħi kien wieħed –
Imma dan tassew li qiegħed iseħħ jew qed noħlom? U jekk huwa tassew għalfejn
jien? U jekk jien, jistħoqqli? Dawwart wiċċi lejn dak ta’ ħdejja. Naħeb li hu
wkoll kien emozzjonat.
Imbagħad it-tqegħid
tal-idejn, il-talba tal-ordinazzjoni u l-għotja tal-Evanġelju u minn taħt
l-altar tlajna fuq l-altar sabiex nippreparaw għall-kumplament tal-quddiesa.
Stħajjitlni f’ teatru li mill-platea tlajt fuq il-palk, fejn minn spettatur
sirt l-attur. Billi konna erbgħa kulħadd kellu parti ċkejkna x’ jagħmel.
Preparajna l-altar, lili missni nnewwel il-ħobż lill-isqof u nitfa t-taqtir
tal-ilma fil-kalċi. Ħaddieħor kellu jinċensa, xi ħadd jagħti l-paċi u ieħor
iħabbar tmiem il-quddiesa. Fit-tqarbin inżilna nqarbu aħna, id-djakni l-ġodda.
Fost dawk li tqarbu mingħandi, minbarra tal-familja, kien hemm Valeria, dik li
sitt ijiem qabel kienet qaltli li l-ħajja tagħna tgħaddi minn metamorfosi. Kemm
ħadt gost li rajtha, kienet qaltli li ma setgħetx tiġi għax żewgha marid. Imma
ġiet. Ġew ukoll bosta nies mill-parroċċa fejn inwettaq l-appostolat –
il-parroċċa ta’ Sant’ Antonio Maria Pucci. Mal-konċelebranti kien hemm ukoll
il-Kappillan, Don Cleto Mazzanti.
Billi jum l-ordinazjoni
tagħna kien it-8 ta’ Mejju, jum il-Madonna ta’ Pompei, fi tmiem il-quddiesa
minflok dħalna fis-sagristija, imxejna purċissjoni lejn il-kappella tar-Rużarju
u hemm l-Isqof Ghirelli, imdawwar minna l-erba’ djakni friski, talab
is-supplika lill-Madonna ta’ Pompei. Lura fis-sagristija u bdew l-awguri. Wara
kellna daqxejn ta’ riċeviment fil-kjostru tal-Kunvent. Bosta jgħidu li fil-festa
tat-tieġ tagħhom lanqas kienu daqu xejn. Għalkemm dan tagħna ma kienx żwieġ imma
xorta waħda konna ċ-ċentru tal-attenzjoni. Imma jiena ma bqajtx lura – naqqart
xi ħaġa u ħadt tazza nbid ukoll.
Ommi waqt it-tqarbin |
Il-Ħadd għadda wkoll u
sebaħ it-Tnejn. Fil-kunvent ta’ Bologna inwettqu is-servizz fil-knisja, min
ikun imissu jaqra min ikanta (dawk li huma kapaċi), min iservi ta’ akkolitu u
ovvjament min jagħmel id-djakonija. Din il-ġimgħa jmiss lili. Mill-ewwel bdejt
bit-tajjeb, inqas minn 48 siegħa djaknu u sibt ruħi nqalleb fil-missal sabiex
naqdi bħala djaknu. Mort tajjeb, għax kont ilni nistudja xi jrid isir.
It-Tlieta filgħaxija qaluli li l-għada kellu jasal Bologna għal ftit sigħat,
il-Majjistru tal-Ordni, Fra Carlos Aspiros Costa, O.P. F’ Awwissu li ġej dan
il-Majjistru jispiċċa mill-kariga tiegħu u jiltaqa’ kapitlu sabiex jagħżel
persuna oħra sabiex tmexxini għad-disa’ snin li ġejjin. Għalhekk bħala tħejjija
għal dan il-kapitlu ġew il-kapitulari sabiex jitolbu fuq il-qabar ta’ San
Duminku. L-aħħar darba li kont iltqajt mal-Majjistru Ġenerali tal-Ordni kien xi
sentejn u nofs ilu. Kont wassaltu minn
Ruma sa Napli. U Napli kien talabni naqtalu xagħru. Mhux għax jien parrukkier,
imma għax għandi l-makna li taqta’ x-xagħar (jaħasra makna għandi, xagħar ma
għandi!!) Intant qaluli li l-għada kelli nagħmilha ta’ djaknu miegħu. Wasal u
għamilt djaknu miegħu. Bniedem li ma jfixklekx, anzi jikkalmak – Forsi minħabba
li huwa Argentin u jħares lejn il-ħajja mod ieħor minn kif inħarsu lejha aħna
l-Ewropej.
Wara l-metamorfosi, wara l-bidla.
Xi nbidel? Inbidel l-istat tiegħi. Inbdilt jien. Forsi l-aktar mument fejn
ħassejt din il-bidla kienet barra l-bieb tal-ajruport ta’ Bologna meta ġew biex
jitilqu lejn Malta ommi u missieri. Qabel telqu għidilhom ‘Kunu mberikin’ dawk
li berkuni għal tant snin, illum irċivew il-barka mingħandi f’ isem Kristu. Din
hija l-bidla: bħalma jgħid San Pawl – Mhux aktar jien, imma Kristu li jaħdem
fija.
© Fr. Reno Muscat O.P.
Nessun commento:
Posta un commento