Ninsabu fl-eqqel tar-rebbiegħa. Damet ftit ma daħlet dis-sena imma issa
nistgħu ngħidu li qegħdin ingawdu dan l-istaġun sabiħ. Ix-xemx tistedinna
noħorġu fil-kampanja. Noħorġu fil-kampanja u minbarra l-ħdura tal-ħaxix nisimgħu
wkoll l-għana tal-għasafar. Il-ħoss tal-ilma ġieri u ż-żaqżieq tar-raddiena li
qed ittellgħu minn taħt l-art sabiex twaddbu fil-kanali li jserrpu matul
ir-raba'. Naraw il-fjuri u nilmħu l-friefet jiġġerrew minn fuq fjura għall-oħra.
Il-farfett li ftit ilu kien fosqa u qabel kien dudu u aktar qabel kien bajda
illum qiegħed idur fuq rasna, jitgħaxxaq u
jgħaxxaq in-natura.
Nistħajjilkom tgħidu: “Imma dan Bro Reno tas-soltu?- dan mhux l-istil ta’
kitba tiegħu!’ U għandhom raġun dawk li jaħsbu hekk. Imma ngħidilkom mill-ewwel
li jien hu! Il-ħsieb tal-metamorfosi ġie f’ moħħi l-bieraħ u rrid li naqsmu
magħkom.
Ilni snin nikteb fuq dan il-ġurnal u bis-saħħa tal-artikli li kultant
nikteb żidt il-ħbieb. Spiss nirċievi xi e mail wara xi artiklu li jkun deher u
ma’ xi wħud bqajt ħbieb. Nistqarr li kull artiklu li ktibt ktibtu daqslikieku
kont qiegħed nitkellem magħkom ras imb’ ras. Ma ddejjaq qatt nikxef ħsibijieti
magħkom. Dejjem kont sinċier f’dak li ktibt, u li ktibt ktibtu daqslikieku kont
qed nikteb ittra lil ħabib. U hekk se nikteb illum.
L-erba' Dumnikani li se nkunu ordnati djakni nhar it 8 ta' Mejju 2010 |
Is-Sibt 8 ta’ Mejju, 2010 huwa jum speċjali għalija. Illum ser inkun ordnat
djaknu – l-ewwel grad fil-ġerarkija tal-Knisja Kattolika. Minn kemm ilni
Bologna, jiġifieri kważi sentejn, wettaqt ħidma f’parroċċa ddedikata lil
Sant’Antonio Maria Pucci. Qatt ma smajtu bih? Tibżgħux, jien sa sentejn ilu ma
kontx smajt bih lanqas! Intant din hija parroċċa ta’ xi 7,000 ruħ,
bil-kappillan waħdu bla viċi jew assistent. Il-ftit parruċċani li jifrekwentaw
il-parroċċa huma attivi u jgħinu f’kull ħtieġa li jkun hemm – minn tindif sa
organnizzar jew tagħlim tad-duttrina. Kull nhar ta’ Ħadd immur il-quddiesa
tal-11.00 u ngħin lill-Kappillan fil-quddiesa. Il-Ħadd li għadda wara
l-quddiesa dħalna fis-sagristija u waqt li kont qed ninża l-ispellizza daħlu xi
ħbieb ħdejna. Wieħed minhom qalli “Issa llum l-aħħar darba li rajniek
bl-ispellizza”. Ieħor qalli “Mela l-Ħadd li ġej b’uniformi differenti narawk”.
Ieħor qalli li nhar s-Sibt ma jistax jiġi l-quddiesa tal-ordinazzjoni tiegħi
għax ser ikun imsiefer. Meta staqsejtu fejn sejjer qalli biex naqta’ – boqq
fejn naf? Id-dinja kbira tant fejn naf fejn sejjer? “Se nkun Malta” qalli. Xtaqtu
kieku jista’ jkun miegħi llum, imma fl-istes ħin ħadt gost li se jżur pajjiżi.
Xejn ma ftaħart magħhom dwar Malta meta kien hemm il-Papa! Issa jmiss li xi
wħud minnhom jaraw b’għajnejhom dak li dejjem għidtilhom.
U daħlet mara tkellimni. Qaltli li meta kienet iżgħar kienet dejjem il-Knisja ta’ San Duminku imma kemm ilha li żżewwġet saret tagħmel parti minn din il-parroċċa. Kienet tmur San Duminku imma kemm ilu li mardilha r-raġel tiġi l-quddiesa tal-Ħadd il-parroċċa – waħedha għax żewġha ma għadux joħroġ. Qaltli kemm taf Dumnikani, ovvjament Taljani imma semietli wkoll patri Dumnikan Malti li studja, għex u għadu jgħix l-Italja għax minkejja li twieled Malta, jagħmel parti mill-provinċja Dumnikana ta’ Ruma. Valeria, għax hekk jisimha qalti li rat bosta jibdew il-ħajja fil-kunvent u rathom jimxu pass wara l-ieħor il-ħajja reliġjuża. Pass iħalli l-pass ta’ qablu u jlesti l-wisgħa għal ta’ warajh. “Metamorfosi” – qaltli Valeria, “ħajjitkom bħal tal-friefet, sal-lum għamiltha ta’ akkoltu fil-parroċċa tagħna, bħal-lum ġimgħa tkun id-djaknu tagħna u taqralna l-evanġelju.” Dan il-kliem semgħu Don Cleto – il-Kappillan li dlonk żied “U mhux jaqra l-evanġelju biss, il-Ħadd li ġej jaqgħmel l-omelija wkoll.” X’inhu? Jien nagħmel l-omelija? L-għada tal-ordinazzjoni? U bit-Taljan? Ħeqq bil-Malti mhux ha nagħmilha żgur għax ħadd ma jifhmu. Xokk!! Ftakart malajr li jien Dumnikan – id-Dumnikan huwa predikatur mhux semmiegħ.
Metamorfosi – tħalli l-qadim biex tibda mill-ġdid – meta tkun drajt ħaġa
titlaqha biex taqbad oħra. Hekk il-ħajja – metamorfosi.
Għeżież qarejja, nista’ ngħid li dawn l-aħħar ħames snin qsamt bosta
mill-esperjenzi tiegħi magħkom. Minn kemm ilni li bdejt l-istudji l-Italja
qsamt magħkom bosta ġrajjiet li rajt iseħħu quddiem għajnejja. Kont Napli
fil-bidu. L-ewwel artiklu li ktibt għan-Nazzjon minn din il-belt kien jismu
Matteo u Ċesari, kien jitratta wieħed student bħali li minkejja li kien qed
jgħix f’belt li l-kuntrabandu huwa n-normali, kien jippreferi jixtri sigaretti
mill-ħanut minflok jixtri sigaretti b’irħis tal-kuntrabandu. Minn din l-istess
belt ktibt ukoll meta kont ftit passi bogħod minn tiri ta’ arma tan-nar sparati
lejn kap ta’ grupp kriminali Naplitan. Tkellimt magħkom meta waqa’ il-gvern ta’
Prodi u meta tela’ il-gvern ta’ Berlusconi. Semmejtilkom il-problema tal-iskart
u ġew ħdejja wkoll crew ta’ Net TV f’dak iż-żmien ta’ dik il-kriżi.
Wara ż-żmien li għamilt Napli komplejt l-istudji Bologna, fejn għadni sa issa. Minn hawn ukoll qsamt magħkom l-esperjenzi tiegħi. Sa ftit ilu stess semmejt kemm il-poplu ta’ Bologna jħobb il-klieb. Insomma belt differenti b’ħajja differenti. Fi ftit kliem magħkom qsamt ħajti. Magħkom inbdilt, kbirt fiż-żmien u nispera li fl-esperjenza wkoll. Ikolli nistqarr li dak kollu li għamilt għamiltu għax kien hemm min kellu fiduċa fija. Kienu s-surmast u l-provinċjal Dumnikani li bagħtuni nistudja għax kellhom fiduċja fija. Ma kienx faċli tistudja b’ilsien barrani u wara li tkun ilek li tlaqt l-istudju għal xi għoxrin sena! Ngħid grazzi lill-Provinċjal u lis-Surmast, imma grazzi ikbar tmur għal Alla, li kien hu li żamm idu fuqi. Inrodd ħajr lilkom ukoll li segwejtu kitbieti tul dawn is-snin. Meta nkun Malta niltaqa’ ma’ ħafna li jgħiduli kemm jieħdu gost jaqraw l-artikli tiegħi. Modestament ngħidilkom dak li ngħid lil dawn in-nies li jgħiduli hekk: Xejn kbir. Il-Mulej biss jagħmel ħwejjeġ kbar, u jekk togħġbok il-kitba tiegħi nitolbok trodd ħajr lill-Mulej bħalma nagħmel jien għax Hu tani din il-ħila. Jien ma nagħmel xejn bil-ħila tiegħi, li kieku Alla ma tanix dan id-don, kieku m’iniex kapaċi nikteb artiklu! Dak li għandi kollox ta’ Alla. Kollox Hu tani.
Dawn l-aħħar snin qsamt ħajti magħkom permezz tal-kitba. U issa f’dan
il-jum ma jistax jonqos li ma naqsamx dan il-ferħ tiegħi magħkom – Djaknu
Dumnikan. Għas-servizz tal-Knisja – Djakonija tfisser qadi. Iż-żmien
tad-djakonat ma huwiex biss iż-żmien ta’ qabel is-saċerdozju imma jfisser ukoll
il-bidu tal-bidla. Ma tagħmillix differenza jekk flok Brother nibda nissejjaħ Father.
Il-bidla trid issir fil-qalb, fil-moħħ, fir-ruħ. Irrid naqdi lill-Knisja ta’
Kristu. Xogħli hu li naqdi bl-akbar imħabba. Illum insir parti mill-gerarkija
tal-Knisja ta’ Kristu. Il-Knisja hija ta’ Kristu għalkemm immexxija
mill-bnedmin. Illum li l-Knisja ta’ Kristu hija l-mira ta’ bosta attakki
nitlobkom titolbu għaliha. Il-Knisja hija qaddisa għax hija ta’ Kristu. Id-dnub
huwa tal-membri tagħha. Ma rridx niġġudika u wisq inqas niġġustifika lil min
żbalja, imma lill-Knisja niġġudikaha bħala qaddisa u niġġustifikaha u niddifendiha
għax hija ta’ Kristu. Il-kap tal-Knisja huwa Kristu u fi Kristu ma hemm l-ebda
dnub. Il-bnedmin imexxu l-Knisja imma fl-aħħar mill-aħħar jikmanda Kristu. Ippermettuli
nitkellem magħkom hekk illum! Qisna qegħdin jien u int biss. Hekk tkellimt
miegħek tul dawn is-snin u hekk nitkellmu llum rasi u rasek!
Illum jien u tliet Dumnikani oħra sejrin insiru djakni. Fil-Bażilika ta’
San Duminku Bologna fil-11.00am tibda l-quddiesa mmexxija mill-isqof Tommaso
Ghirelli, isqof ta’ Imola. Matteo Montalcini – mill-Kalabrija imma msieħeb
mal-Provinċja ta’ fuq tal-Italja. Manolo Puppini, minn Terni u jagħmel parti
mill-provinċja Dumnikana ta’ Ruma. Francesco D’ Agostino, Kalabriż ukoll fil-provinċja
Dumnikana tan-nofsinhar tal-Italja. U jien – iben il-provinċja Dumnikana
Maltija. Erba’ Dumnikani li studjajna flimkien għal dawn l-aħħar ħames snin.
Mhux biss, imma hemm ħaġa oħra interessanti li tgħaqqadna. Minkejja li ma
għamilniex il-vestizzjoni flimkien, kien l-istess Provincjal li lkoll kemm aħna
ħadna minn idejh il-libsa Dumnikana. Kien il-Provinċjal Malti, dak iż-żmien
Patri Charles Fenech OP li fl-2003 libisni ta’ Dumnikan. Sena wara ġewwa Chieri
l-Italja kien huwa wkoll li libbes lit-tlieta l-oħra li llum ser jirċievu flimkien miegħi is-sagrament tal-Ordni
Sagri.
Bil-kitba qsamt magħkom il-ferħ u n-niket tiegħi. Illum sejjer nagħmel
wiċċi u nitlobkom titolbu għalija u għal dawn sħabi li miegħi ser jordnaw
djakni. Nitlobkom titolbu li Alla jżommna fit-triq li sejħilna fiha... u itolbu
għal aktar ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej.
© Fr. Reno Muscat OP
Nessun commento:
Posta un commento