Forsi meta jkun għadda
ż-żmien tal-Milied, wieħed ftit li xejn jaħseb biex isiefer. Għal min iħobb
l-iskiing dan huwa ż-zmien l-aktar adattat, imma mhux kulħadd huwa midħla ta’
dan l-isports. Għandu mnejn ikun hawn min jaqta’ qalbu mill-kesħa jew jibża’
mill-maltemp. Imma jekk wieħed jagħraf iżur postijiet adatti jista’ wkoll
igawdi vaganza sabiħa u trankwilla f’ dan iż-żmien tas-sena. Vaganza li wieħed
jista’ jagħmel bħalissa mingħajr diffikultà hija fiċ-ċentru tal-Italja, Lazio,
Umbria u għaliex le, tista’ anke tmiss it-Toscana. Minkejja li t-temp bħalissa
jkun kiesaħ, u din is-sena b’ mod speċjali, xorta ma jkunx daqtant kiesaħ li
jimpedik milli tgawdi bliet mill-isbaħ u xenarju spettakolari.
Ruma, mhux biss
għalina l-Maltin imma għal kull bniedem li jgħożż il-kutura, l-arti u
l-ispettaklu hija belt li xi darba f’ ħajjitna għandna nżuruha. Imma Ruma mhux
biss il-Vatikan u Fontana di Trevi u l-Colosseo, Ruma toffri bosta aktar! Min
iħobb ifittex is-sales, bħalissa Ruma toffri prezzijiet vantaġġjużi ħafna,
prezzijiet imnaqqsa sa 70%. X’ ma tixtrix! Bħalissa wieħed jista’ jgawdi l-belt
ta’ Ruma b’ aktar kwiet. Jista’ jżur il-ġonna sbieħ li toffri dil-belt. La passeggiata del Giannicolo hija
passiġġata li wieħed jista’ japprofitta ruħu u jagħmilha issa. Il-Giannicolo
huwa ġnien li jiġi bejn wieħed u ieħor wara l-Belt tal-Vatikan, u wieħed jista’
jmur bil-mixi jew jaqbad karozza. Fih hemm bosta monumenti, u ma jistax jonqos
li f’ nofs dal-ġnien hemm pjazza b’ monument lil Giuseppe Garibaldi. Jekk tagħmel
f’ moħħok li żżur il-Giannicolo qis li tibqa’ hemm f’ nofsinhar. Hija
tradizzjoni li ta’ kuljum, f’ nofsinhar jaslu s-suldati Taljani, joħorġu kanun
minn remissa li hemm u jisparaw tir. Hija attrazzjoni li mhux ta’ min jitlef.
Ġnien ieħor li wieħed għandu jżur huwa dak magħruf bħala il Giardino degli Aranci. Dan il-ġnien darba kien jagħmel parti
mill-kunvent ta’ Santa Sabina, il-kurja tal-patrijiet Dumnikani. Kienu partu
dal-ġnien mal-bini tal-Università Angelicum, f’ Ruma stess. F’ dan il-ġnien, li
jinsab fuq l-għolja Avventino, wieħed
jista’ jgawdi veduta mill-isbaħ ta’ Ruma bil-koppla tal-Vatikan fuq l-isfont.
Żgur li jekk tmorru issibu xi koppja għadha tiżżewweġ qegħda tieħu r-ritratti
għax huwa l-aktar post adattat f’ Ruma għal dan l-iskop. Jekk tinzertaw tkunu
hemm ibqgħu mexjin ftit metri oħra ’l gewwa u agħtu titwila lit-toqba li hemm
fil-bieb tal-Kwartieri tal-Kavallieri ta’ Malta. Dan il-bieb fih toqba li meta
tpoġġi għajnejk magħha tara vjal sabiħ bis-siġar u l-koppla tal-Vatikan
fiċ-ċentru, attrazzjoni turistika li ftit jafu biha. Jekk tkunu bil-mixi, issa inżlu lejn iċ-Circo Massimo u tinsewx iżżuru la bocca della verità!
il-kanun tal-Giannicolo Ruma |
Attrazzjoni oħra
li wieħed jista’ jżur f’ Ruma dawn iż-żminijiet huwa z-zoo tal-Belt li jinsab
f’ Villa Borghese. Dan iz-zoo għandu
aktar minn mitt sena u fih għadd ta’ annimali. Jekk il-ġonna l-oħra li semmejt
huma pubbliċi u jibqgħu miftuħin, iz-zoo huwa differenti u hemm ħinijiet li
fihom ikun magħluq, għalhekk tajjeb wieħed jinforma ftit ruħu dwar dan.
Minbarra l-ġonna,
Ruma tibqa’ dejjem belt b’ għadd ta’ mużewijiet u knejjes sbieħ li wieħed
jista’ jżur f’ dan iż-żmien tas-sena.
Meta wieħed ikun
Ruma jista’ japrofitta ruħu u jaqbad ferrovija u jmur iżur xi belt qrib. Anke
jekk ikun temp kiesaħ, qrib il-Kapitali Taljana hemm bosta bliet sbieħ li ta’
min iżurhom. Waħda minn dawn il-bliet, li hija magħrufa mad-dinja kollha minkejja
ċ-ċokon tagħha, hija l-belt ta’ Assisi. Qabel ma San Franġisk sar magħruf ħadd
qatt ma kien joħlom li jmur iżur dil-belt. Minn Ruma tista’ tasal Assisi f’
sagħatejn bil-ferrovija. Ftit passi bogħod mill-istazzjon insibu l-bażilika
sabiħa u kbira ta’ santa Maria degli
Angeli. Fiha hemm il-kappella li kien irrestawra il-fqajjar ta’ Assisi,
Franġisku. Fil-qrib hemm bosta ħwienet minn fejn wieħed jista’ jixtri ħwejjeġ
jew xi tifkira tal-post jew xi flixkun inbid tajjeb u jista’ wkoll jiekol xi ikla tajba wkoll.
Madwar 3 kilometri bogħod hemm il-belt ta’ Assisi, tista’ taqbad il-karozza
tal-linja, jew taxi biex titla’ hemmhekk, imma jekk tkun avventuruż u ma jkunx
hemm ħafna silġ fit-triq, tagħmel tajjeb jekk timxiha. Tinsiex inti u miexi, li
din it-triq min jaf kemm-il darba kien mexiha San Franġisk, min jaf kemm-il
darba mxietha Santa Kjara! Fuq ix-xefaq tara bini enormi, huwa l-kunvent fejn
hemm żewġ knejjes kbar fuq xulxin u fil-kripta hemm il-qabar tal-qaddis
Franġisku. Tasal fil-belt, bil-mixi, b’
tal-linja jew b’ taxi, u ssib is-swar tal-belt jistednuk tidħol f’ din il-belt
meraviljuża tal-medju evu. Tħossok qiegħed tagħmel vjaġġ lura fiż-żmien.
Ħwienet li jbiegħu affarijiet artiġjanali u r-riħa ta’ ikel tfuħ fl-arja,
flimkien mal-karatteristika tal-belt iġiegħeluk tħossok li qed tgħix fil-medju
evu. L-ewwel żjara żgur li tkun fil-knisja ta’ San Franġisk. Il-Bażilika ta’ fuq.
Din il-bażilika kienet soffriet ħsarat kbar, foshom parti mis-saqaf li kien
waqa’ fit-terrimot tas-26 ta’ Settembru, 1997. Illum il-bażilika hija
rrestawrata. Minn din il-bażilika nistgħu ninżlu għall-bażilika ta’ taħt u minn
din il-bażilika nistgħu nibqgħu nieżlin fuq il-qabar tal-qaddis. Sempliċità
hija l-kelma li tista’ tfisser il-qabar ta’ San Franġisk, imma sempliċità li li
tkaxkrek il bogħod minn din id-dinja u terfagħlek moħħok u qalbek il fuq! Ftit
mumenti ta’ skiet hawnhekk huma mumenti li ma jintesew qatt.
Il-Bażilika ta' San Franġisk f' Assisi |
Assisi toffri
wkoll pjazzez u knejjes sbieħ. Santa Chiara, San Damjan, San Pietru, kollha
knejjes li wieħed għandu jżur u kollha jinsabu tefa’ ta’ ġebla bogħod minn xulxin. Jekk wieħed ikollu l-ħin jista’ jippjana li
ma’ Assisi jżur xi belt oħra li tinsab qrib. Gubbio, Spoleto, Foligno, Orvieto
u fuq kollox Perugia. Din il-belt hija l-capoluogo tal-Umbria u bla dubju fiha
bosta x’ wieħed iżur. Għadd ta mużewijiet jinstabu mxerrda mal-belt kollha kif
ukoll ta’ min iżur il-ġonna Villa Aureti
u l-ġnien medjevali botaniku tal-Università ta’ Perugia. Għexieren ta’ knejjes, waħda isbaħ mill-oħra.
Ta’ min iżur il-kattidral tal-Belt, iddedikat lil San Lawrenz. Il-Bażilika ta’
San Duminku, il-Bażilika ta’ San Pietru, il-knisja ta’ San Kostanzo u bosta
oħrajn. Peruġia toffri wkoll għadd ta’ pjazzez li fihom ħwienet ta’ kull xorta.
Wieħed jista’ jgawdi wkoll minn ikel tipiku tal-Umbria f’ xi wieħed mill-bosta
ristoranti li hemm fil-belt.
il-Campo ta' Siena |
Siena |
Belt oħra li
tajjeb wieħed iżur hija Siena. Siena tinsab fit-Toscana. Minn Ruma wieħed jista’ jasal Siena jew
bil-ferrovija jew bil-bus. Il-vjaġġ idum madwar 3 siegħat imma huwa wieħed sabiħ
mimli xeni pittoreski. Forsi l-aktar ħaġa famuża fi Siena hija t-tiġrija
taż-żwiemel li ssir ta’ kull sena sabiex jintrebaħ il-palju. Siena ma hijiex
belt kbira imma hija belt b’ karattru ħelu li jisirqek u jġiegħelek tinġibed
lejn din il-belt. Hija belt medjevali mdawra bis-swar. Bla dubju kif wieħed
jasal fil-belt ifittex il-pjazza l-aktar magħrufa, imsjħa il campo. F' din il-pjazza issir it-tellieqa taż-żwiemel
magħrufa mad-dinja kollha. Jiddomina f’ din il-pjazza insibu l-palazz pubbliku
bit-torri Mangia miegħu. Jekk wieħed
ikun sejjer jagħmel ġurnata hawnhekk għandu jħaffef għax minkejja li l-belt ma
hijiex kbira wisq, hemm bosta x’wieħed jara. Il-kattidral tal-belt huwa
munument ta’ arti kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa. B’ biljett wieħed
tista’ tidħol fil-kattidral, fil-battisterju tal-kattidral kif ukoll fil-mużew
tal-kattidral. Jekk ma tmur imkien iżjed, din iż-zjara wkoll tkun biżżejjed
għax hemm tassew x’wieħed jara. Imma jekk wieħed ikun irid jara aktar hemm x’jara
wkoll.
Santa Katerina
ta’ Siena hija l-aktar persuna magħrufa tal-post. Flimkien ma’ San Franġisk ta’
Assisi hija l-patruna tal-Italja. Sal-lum għanda nsibu d dar fejn kienet
toqgħod din il-qaddisa u ftit bogħod mid-dar, li lllum hija monasteru
tas-sorijiet insibu l-bażilika ta’ San Duminku fejn hemm ir-relikwija ta’ ras
din il-qaddisa. Siena fiha wkoll għadd
ta’ mużewijiet x’wieħed iżur, u bla dubju bosta ħwienet li jbigħu tifkiriet
tal-post u ħwienet li jservu ikel tradizjonali, fosthom il-panforte di Siena, li
oriġinarjament kien ħelu tal-Milied li llum issibu tul is-sena kollha.
Dawn huma ftit
lokalitajiet Taljani li jistgħu faċilment jintlaħqu minn Ruma. Il-vantaġġ ta’
dawn il-bliet huwa li anke fix-xitwa, it-temp minkejja l-qilla tiegħu, qatt ma
jkun daqstant krudil li jżomm lil dak li jkun milli jżurhom. Meta tkun xitwa
bħal din li qegħdin fiha, is-silġ jiksi lil dawn il-bliet, imma ma jkunx hemm
kwantità daqshekk kbira li ma tħallix lit-turist igawdi. Huma bliet b’
karatteristiċi uniċi, huma bliet li jsaħħruk, huma bliet li fix-xitwa joffru
ġmiel partikolari.
© Fr. Reno Muscat
OP
Nessun commento:
Posta un commento