L-10 ta’ Frar
għalina l-Maltin huwa jum speċjali u nkunu fejn inkunu ma jistax jonqos li ma
niftakrux kemm hu għażiz għalina dan il-jum. Bħal snin oħra il-Komunità Maltija
f’Ruma ċċelebrat il-festa tan-Nawfragju ta’ San Pawl f’Malta. Il-qofol
taċ-ċelebrazzjoni kienet Quddiesa Solenni iċċelebrata mill-Arċisqof Prospero
Greċh u minn 22 saċerdot Maltin jew Għawdxi li bħalissa jinsabu jistudjaw jew
jaħdmu ġewwa Ruma. Din il-quddiesa saret fil-Bażilika ta’ San Lorenzo in
Damaso. F’komunikat maħruġ lill-Maltin li jinsabu ġewwa Ruma, Monsinjur Charles
Scicluna qal li L-Eċċellenza Tiegħu Rev.ma Mons Prospero Grech OSA ġentilment
aċċetta li jippresiedi l-Quddiesa, ftit jiem wara li ser ikun ikkonsagrat Isqof
u gimgħa qabel jinħatar Kardinal mill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI. Għal bosta
minna li attendejna kienet l-ewwel okkażjoni li jaraw lil dak il-Malti li
l-Papa kien sejjer jaħtru kardinal. L-Arċisqof Grech beda l-omelija tiegħu billi
semma li t-temp f’Ruma dakinhar xejn ma kien iħajrek biex toħroġ, imma fakkar
ukoll li mill-maltemp jista’ joħroġ il-ġid ukoll. Kien propju b’ maltempata li
Pawlu wasal Malta sostna l-Arċisqof Prospero Grech. Dlonk indunajna
bil-karattru ċajtier ta’ dak li sa dakinhar kien għadu l-Arċisqof Grech.
Fil-jum tas-6 ta'
Jannar il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-Epifanija tal-Mulej. Din is-sena f'dan
il-jum kont Ruma. Kienet l-ewwel darba għalija li ngħaddi t-Tre Re Ruma.
Lejliet l-Epifanija, waqt l-ikel ta' filgħaxija, id-diskors fuq il-mejda waqa'
dwar l-attivitajiet li jkun hemm f' Via della Conciliazione u fi Piazza San Pietro l-għada. L-għada
xi l-10.00 mort nara dak li tkellimna fuqu il-jum ta’ qabel.
X' hawn? Raħal
mill-Puglia kien qiegħed jippreżenta
din il-festa-sfilata tul it-Triq sal-pjazza tal-Vatikan. Baned, skejjel, għaqdiet
sportivi u oħrajn kulturali,
suldati, vigili del fuoco,
sbandiatori, u ma nafx min iżjed
kienu kollha qegħdin jieħdu
sehem f' din l-isfilata. Kienet kesha xxoqq il-għadam. Imnalla kien hemm folla
kbira għax b'hekk wieħed
seta' jitgeddes ftit u jtaffi minn dak il-ksieħ li tħossu jidħollok sa qalbek. Kelli
t-tentazzjoni li mmur f' xi bar nieħu whiskey doppju biex intaffi ftit minn dik
il-kefrija li offritina n-natura dakinhar. Imma libes it-tonka bajda u l-kappa
sewda fuqha ma ħassejtx li kelli naqa' għal dik it-tentazzjoni. Bqajt fejn kont
kwazi nterter bil-bard minkejja l-ilbies kollu li kelli fuqi. Aħjar hekk milli jkun hemm min jaħseb li jiena
alkoħoliku!
Fl-10 ta' Frar mal-Ambaxxatur Malti u għadd ta' Saċerdoti Maltin |
F' istess waqt li
barra l-Vatikan kienet qed issir din il-festa, fil-Bazilika ta' San Pietru,
kienet qegħda ssir ordinazzjoni ta' żewġ isqfijiet mill-Papa Benedittu XVI. Dawn l-isqfijiet inħatru nunzji
tal-Irlanda u tal-Georgia.
Sa
nofsinhar l-isfilata kienet spiċċat u dawk kollha li bħali kienu f' Via della Conciliazione
resqu lejn il-pjazza sabiex jieħdu sehem fl-Angelus irreċitat mill-Papa. Fuq
l-iscreens enormi li jkun hemm fil-pjazza kienu għadhom jidhru xeni
tal-ordinazzjoni li kienet qegħda ssir fil-Vatikan. Dakinhar l-Angelus dam
aktar mis-soltu ma beda. Ittardja b'madwar 20 minuta. Qabel l-Angelus il-Papa
talab skuża għal dan id-dewmien. Imbagħad hawn min jgħid li l-Ġermaniżi kollha
suppervi! Wara r-reċita tal-Angelus il-Papa għamel il-messaġġ tiegħu mit-tieqa
tal-appartament papali, bħalma jagħmel kull meta jirreċita l-Angelus.
F' dan id-diskors tiegħu l-Papa ħabbar konċistorju. 22
kardinal ġdid. Huwa beda jsemmi l-kardinali ġodda wieħed wieħed. Ngħid id-dritt
ftaħt widnejja beraħ. Qalbi bdiet teħbirni li f' xi ħin minnhom ser nisma'
l-isem Pawlu Cremona, jew Ġużeppi Mercieca. Għadda minn moħħi isem ta' Malti ieħor,
anzi tnejn ohra, le le, għandu mnejn anke tlieta! Xuereb jew Scicluna, jew
forsi Agius? Imma xejn minn dak li ħsibt jien. Imma isem Patri Prospero u li
huwa membri tal-Ordni Agostinjan smajtu jitlissen minn fomm il-Papa, imma
nistqarr is-sewwa li l-kunjom ma fhimtux sewwa. Il-mobile fil-but ħassejtu jivvibra – issa mhux waqt
li noħroġ il-mobile biex nara min kitibi.
Il-ftit mijiet
ta' metri li jifirdu l-pjazza tal-Vatikan mill-kunvent tiegħi xtaqt intirhom.
Ftakart fl-sms, daħħalt idi fil-but, ħriġt il mobile u nsib messaġġ qasir. Sms
ta' żewġ kelmiet biss – Kardinal Malti. Żewġ kelmiet li jistgħu jfissru ħafna.
X' ried jgħid sewwa dak il-messaġġ? Kien nominat xi Malti bħala kardinal jew
kienet mistoqsija mingħajr il-punt interrogattiv? Fil-bieb tal-kunvent insib lil Patri Joseph
Thang, Dumnikan mill-Vietman li jaħdem fid-dekasteru vatikana tal-ħajja kkonsagrata. «Il-Papa ħabbar konċistorju
patri Thang» għidtlu bil-għaġla sabiex infittex nitla' f'kamarti, nixgħel
il-laptop u nidħol fl-internet infittex il-lista tal-kardinali li kien għadu
kif ħabbar il-Papa. «Iva,» qalli patri Thang, «hemm ukoll dak
tal-Agostinianum!» Tlajt f’ kamarti, xegħelt il-laptop. Ufff kemm idum biex jixgħel
meta tkun mgħaġġel! Dħalt fuq is-siti Maltin li jwasslu l-aħbarijiet.
<<Il-Papa jħabbar Kardinal Malti!>> Mela l-sms ma kienx jonqsu punt
interrogattiv u patri Thang għall-Malti qalli dak tal- Agostinianum.
Stanley Grech
twieled fl-1925 fil-Birgu. Wara l-iskola primarja huwa daħal il-liċeo. FL-1943
ingħaqad mal-ordni Agostinjan u ħa l-isem ta’ Prospero. Għamel l-istudji
tal-filosofija ġewwa l-kunvent tal-Agostinjani tar-Rabat ta’ Malta u kompla
l-istudji tat-teoloġija ġewwa Ruma. Kien ordnat saċerdot ġewwa l-kattidral ta’
Ruma fl-1950. Wara l-ordinazzjoni baqa’ jistudja u kiseb bosta titli. Għallem
f’ bosta universitajiet pontifiċji. Mhux biss iżda kien jgħallem f’
universitajiet oħrajn. Għal xi snin kein lecturer ġewwa l-università LUMSA,
imwaqqfa mis-soriijet Dumnikani, missjunarji tal-Iskola. Nistgħu ngħidu li
l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddiha Ruma, imma minn żmien għal żmien kien jinżel
Malta għall-vaganzi u kien joqgħod għand qraba tiegħu f’ Tas-Sliema. Fit-13 ta’
Diċembru 2011, Jum ir-Repubblika, Patri Prospero Grech kien onorat
mill-President ta’ Malta, Dr George Abela, bħala Kumpann tal-Ordni Nazzjonali
tal-Meritu.
Patri Prospero
jgħix ġewwa l-kunvent tal-Agostinianum, Ruma. Biex jaqbad il-metro, irid
bilfors jgħaddi minn ħdejn il-kunvent li fih qiegħed jien. Kemm-il darba kien
jgħaddi jinvista fil-knisja tagħna. Qalli wkoll li huwa devot tal-istatwa
tad-Duluri li għandna kif tidħol fil-knisja tagħna.
L-Erbgħa 8 ta’
Frar, ġewwa l-konkattidral ta’ San Ġwann, Mons. Grech kien ordnat isqof u
ngħata t-titlu ta’ Arċisqof Titulari ta’ San Leone. L-isqfijiet li ordnaw
lill-Monsinjur Grech kienu Monsinjur Giuseppe Versaldi, Monsinjur Arċisqof
Pawlu Cremona u l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech. Forsi huwa każ uniku dan tal-Kardinal
Grech li l-Isqof Versladi li ordnah isqof inħatar kardinal miegħu fl-istess
konċistorju.
Bosta Maltin
approfittaw ruħhom u telgħu sa Ruma għall-konċistorju li sar fit-18 ta’ Frar.
Lejliet dan il-jum speċjali għalina l-Maltin, ħriġt indur ftit fit-toroq ta’
Ruma. Min jaf forsi niltaqa’ ma xi ħadd li naf! Ma tantx iltqajt ma’ Maltin,
imma iltqajt ma’ l-aktar Malti li kellu għajnejn fuqu! Quddiem il-bieb
tal-Agostinianum niltaqa’ ma’ Monsinjur Grech u żewġ qraba tiegħu. Ma stajtx ma
nieqafx inkellmu. “Kif tħossok lejliet il-grande giorno?” abbużajt niċċajta
miegħu għax naf bil-karattru ċajtier tiegħu. Irrispondieni b’ ċajta oħra.
L-għada filgħodu
kien il-jum mistenni. Sa minn kmieni filgħodu in-nies inġabret barra l-pjazza
san Pietru sabiex kif tiftaħ il-bażilika tidħol u ssib post tajjeb. Ingħad li
tqassmu madwar għoxrin elf biljett għal dan il-konċistorju. Il-bażilika
tal-Vatikan tesa’ sebat elef ruħ. Ħafna baqgħu barra. It-22 kardinal nominati
ħarġu mis-sagristija tnejn tnejn sabiex telgħu lejn in-naħa tal-altar. Kienu
l-10.15 a.m.. Kwarta wara mil-loġġa ta’ fuq il-bieb prinċipali instemgħu
t-trombi jdoqqu fanfarra sabiex iħabbru d-daħla tal-Papa. Beda l-konċistorju.
Is-sitt wieħed ta’ dan is-seklu, ir-raba’ wieħed ta’ Papa benedittu XVI.
Preżenti għal dan il-konċistorju, kif kien jixraq, kien hemm il-President ta’
Malta, l-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Għawdex kif ukoll il-Viċi Prim
Ministru. Wara t-talba tal-bidu u l-qari tal-Evanġelju mid-djaknu, il-Papa
għamel diskors fejn qal li l-kulur aħmar li jilbsu l-kardinali jissimbolizza
l-imħabba lejn il-Knisja, imma jissimbolizza wkoll il-martirju. Il-Papa qal lil
l-loġika tal-Evanġelju ma hijiex il-loġika tal-poter u tal-glorja. Imbagħad
it-22 kardinal ġdid ħadu l-ġurament u bdew wieħed wieħed telgħin quddiem
il-Papa sabiex jirċieċu l-karlotta, il-berittin u ċ-ċurkett. Il-Kardinal Grech
kien il-wieħed u għoxrin wieħed. Il-kardinali ġodda ingħataw ukoll knisja titolari
jew djakonija. Il-Kardinal Malti ingħata d-djakonija tal-knisja ta’ Santa
Marija Goretti, f’ Ruma. Is-sibt
waranofsinhar saru iż-zjajjar ta’ koretsija lill-kardinali l-ġodda. L-Eminenza
Tiegħu, il-Kardinal Prospero Grech, kien qiegħed jiltaqa’ ma dawk li jmorru jsellmulu
f’ Atrium tas-sala Pawlu VI. Fost oħrajn marru jifirħulu l-President
tar-Repubblika kif ukoll l-Isqfijiet Maltin. Imma din il-laqgħa ma kienitx
għall-kbarat biss, il-bibien kienu miftuħin għal kulħadd, u allura mort jien
ukoll. Liebes il-kappa s-sewda tagħna d-Dumnikani, x’ħin ersaqt fuq il-Kardinal
Grech biex nifraħlu u nkellmu, ċlikk, ċlikk ċlikk..... għadd ta’ fotografi jiġbdulna
r-ritratti. Min jaf min ħasbu li jien? Min jaf? Mur għidilhom! Jiddispjaċini li
ma nafx ta’ liema agenzija kienu dawk il-fotografi għax nixtieq nakwista
ritratt minnhom! Il-jum ta’ qabel kont staqsejtu kif kien u weġibni b’ ċajta.
Illum erġajt staqsejtu kif kien qiegħed iħossu, imma weġibni bis-serjetà.
“Għajjejt!” qalli.
L-għada l-Ħadd,
il-Papa qaddes flimkien mal-kardinali l-ġodda. Nies l-istess bħall-jum ta’
qabel! Saru d-9.30 a.m.. F’ras il-puċissjoni għad-dħul tal-quddiesa deher
il-kardinal Grech, Alla jbierku donnu mhux hu! Wara li l-Kardinal ġdid,
Fernanado Filoni, f’ isem il-21 kardinal ġdid l-ieħor sellem lill-Papa, bdiet
il-quddiesa. L-għada t-Tnejn il-Papa kellu udjenza mal-kardinali l-ġodda
fis-sala Pawlu VI.
Kienu jum
impenjattivi għal dawk li riedu jieħdu sehem f’ din l-okkażjoni. Għalina
l-Maltin aktar minn ħaddieħor għax aktarx li ma jkollniex okkażjoni oħra li
naraw wieħed minna jinħatar Prinċep tal-Knisja. Kienu jiem li ħassejna li Alla
għadu magħna u ma’ pajjiżna, ħassejna li din hija grazzja speċjali għall-Knisja
ta’ Malta. Fil-jiem tal-ħatra fraħnielu, bix-xieraq hux, imma issa li li dawk
il-jiem għaddew ngħidulu: Ad Multos Annos Eminenza u nitolbu għalik!
© Fr. Reno Muscat op
Nessun commento:
Posta un commento