venerdì 30 novembre 2012

Minn Joseph Ratzinger sa Benedittu XVI



Kien is-16 ta’ April, 1927. Kien Sibt il-Għid. Filwaqt li fil-Knisja ta’ Marktl am Inn, fil-Bavarja, il-Ġermanja, kienet qegħda tiġi ċċelebrata il-funzjoni ta’ Sibt il-Għid flimkien mad-dinja Kattolika kollha, Marija, imwielda Peintner, mart Joseph Ratzinger welldet lit-tielet iben tagħha. Kienu t-8.30 ta’ filgħodu. It-tifel il-kbir kien jismu Georg, it-tifla l-fustanija Marija u issa bix-xieraq li dan it-tifel jissemma għal missieru, Joseph. Kien mgħammed dak inhar stess u tawh l-isem ta’ Joseph Alois.

Ta’ ħames snin iċ-ċkejken Joseph kien meħud ma’ sħabu tal-iskola sabiex jilqgħu bit-tfiegħ tal-fjuri lil Kardinal Michael von Faulhaber, Arċisqof ta’ Munich li kien qiegħed jagħmel żjara fil-parroċċi tad-djoċesi tiegħu, li minnha kienet tagħmel ukoll il-parroċċa ta’ Marktl am Inn, jiġifieri l-parroċċa tal-familja Ratzinger. Iċ-ċkejken Joseph baqa’ miblugħ bid-dehra tal-Kardinal u dakinhar stess stqarr li la jikber ried isir Kardinal. X’ fantażija dawn it-tfal ukoll!

Meta għalaq l-erbatax-il sena bħal sħabu l-oħra kollha ingħaqad mal-Hitler-Jugend, iż-żgħażagħ ta’ Hitler. Ma kienx membru akkanit u spiss kien ifalli l-laqgħat ta’ dan il-moviment Nażista. It-tisħib tiegħu ma’ dan il-moviment kien obbligatorju bħalma kien għaż-żgħażagħ Ġermaniżi kollha bejn l-1939 u l-1945. Ta’ min jgħid li t-twemmin politiku tal-familja Ratzinger kien anti-nażista. Il-missier kien iqis il-politika Nażista bħala politika li tmur kontra it-twemmin Nisrani.

Ta’ sittax-il sena beda l-istudji tiegħu fis-seminarju, imma ma rridux ninsew li qegħdin fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Bil-Ġermanja titlef il-gwerra f'April 1945, Ratzinger kien maqbud bħala priġunier tal-gwerra għal bosta ġimgħat f’kamp tal-Allejati, ħdejn Ulm. Huwa nħeles fid-19 ta’ Ġunju, 1945. Spiċċaw l-ewwel studji filosofiċi tiegħu fl-Università ta’ Munich u aktar tard kompla jistudja l-filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Freising. Kien ordnat qassis nhar il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, 1951, fl-età ta’ erbgħa u għoxrin sena. Miegħu kien ordnat saċerdot ukoll ħuh Georg. Għal għaxar snin, 1959-1969 kien għalliem f'Bonn, Münster u Tübingen. Fl-1969 huwa sar professur tat-teoloġija dommatika u l-istorja tad-dogma fl-Università ta' Regensburg. Fl-24 ta’ Marzu, 1977 il Papa Pawlu VI ħatru Arċisqof ta’ Munich u Frisinga. Fit-28 ta’ Mejju tal-istess sena kien ikkonsagrat isqof. Fis-27 ta’ Ġunju l-istess Papa ħatru Kardinal. Is-sena ta’ wara huwa ħa sehem fil-konklavi li tella’ lill-Papa Ġwanni Pawlu I kif ukoll f’ dak li għażel lil Ġwanni Pawlu II. Fil-25 ta’ Novembru, 1981 il-Papa nnominah Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Fidi. Fil-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara huwa ħalla l-kariga ta’ Arċisqof ta’ Munich u Frisinga sabiex ikun jista’ jokkupa ruħu fil-ħidmiet afdati lilu mill-Vatikan. Fit-30 ta’ Novembru, 2002 sar id-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali.


Minbarra l-għadd ta’ karigi, il-Kardinal Ratzinger kiteb għadd ta’ kotba. Mhux l-iskop tagħna li nġibu lista sħiħa tal-kotba li ħarġu minn idejn il-Kardinal Ratzinger imma tajjeb ngħidu li n-natura ta’ kitbietu tvarja minn dik morali għal dik dogmatika u antropoliġika.

Ilkoll niftakru l-jum tat-2 ta’ April, 2005. Ilkoll tbikkimna bit-tħabbira tal-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Minkejja l-agunija twila tiegħu, minkejja li konna qed nistennew it-tmiem tiegħu minn mument għall-ieħor, bkejna t-telfa ta’ dan il-Papa kbir li mexxa d-dgħajsa ta’ Pietru għal 26 sena, 5 xhur u 17-il jum.  Bħala Dekan tal-Kardinali, Ratzinger mexxa iċ-ċerimonja tal-funeral tal-Papa Wojtyla.

Fit-18 ta’ April, dejjem tas-sena 2005, il-115-il Kardinal eleġibbli għall-għażla tal-papa ġdid iċċelebraw il-quddiesa Pro Eligendo Romano Pontifice flimkien ġewwa l-bażilika ta’ San Pietru.  Waranofsihar waqt il-kant tal-Veni Creator, ilkoll lebsin l-ilbies korali, ingħalqu ġewwa l-Kappella Sistina sabiex tibda l-votazzjoni għall-mexxej tal-Knisja Kattolika. Il-kardinali kollha ħadu l-ġuramnet solenni li jżommu s-sigriet tal-votazzjoni. Wara iċ-ċerimonjier, l-isqof Piero Marini għajjat l-għajta tradizzjonali Extra Omnes u għalaq il-bieb tal-kappella Sisitina. Fl-ewwel jum tal-konklavi ma taw l-ebda frott u fit-8.05 ta’ filgħaxija dehret daħna sewda ħierġa miċ-ċumnija tal-kappella Sistina. Id-dinja marret torqod bit-tama li l-għada jintagħażel is-suċċessur ta’ Wojtyla. L-għada, 19 ta’ April, sewwasew fis-5.56 ta’ filgħaxija dehret daħna miċ-ċumnija li kellha għajnejn id-dinja kollha fuqha. Dehret bħal daħna bajda, imma konna għadna maħniex ċerti. Ħdax-il minuta wara, il-qniepen tal-bażilika tal-Vatikan bdew isemmgħu leħinhom, leħen li ħabbar li l-Knisja ta’ Kristu kellha il-265 Papa. Daqs nofs siegħa wara infetaħ il-bieb tal-gallarija ta’ fuq il-bieb ċentrali tal-bażilika ta’ San Pietru. Minnu ħareġ il-protodjaknu, il-prefett tal-kongregazjoni tal-Kult Divin, il-Kardinal Jorge Medina Estévez, li ħabbar bil-kliem tradizzjonali ‘Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam!’ Ratzinger kien magħżul il-papa l-ġdid. Huwa għażel l-isem ta’ Benedittu XVI, isem li l-aħħar papa li kien għażlu kien fl-1914, żmien l-ewwel gwerra dinjija.

               

Fl-ewwel diskors ta’ Benedittu XVI, segwit mill-barka Urbi et Orbi, ma naqsitx it-tifkira tal-predeċessur u ħabib tiegħu Ġwanni Pawlu II:

“Wara l-kbir Papa Ġwanni Pawlu II il-Kardinali għażlu lili, ħaddiem sempliċi u umli fl-għalqa tal-Mulej. Iqawwili qalbi l-fatt li l-Mulej jaf jaħdem u jaġixxi anke bi strumenti insuffiċjenti, u fuq kollox  nafda fit-talb tagħkom. Fil-ferħ tal-Mulej Irxoxt, fiduċjużi fl-għajnuna dejjiema tiegħu, aħna nimxu ‘l quddiem. Il-Mulej jgħinna u Marija, l-Omm Imqaddsa tiegħu, se tkun fuq in-naħa tagħna. Grazzi.”


L-għażla tiegħu bħala Papa ġabet reazzjonijiet favur u kontra. Dan ma kienx il-każ li wieħed jiġġudika bla ma jħalli ftit żmien jgħaddi. Il-figura tal-Kardinal Ratzinger ma kienet xejn ġdida u b’ hekk setgħu jsiru xi kummenti jew ġudizzji mingħajr il-ħtieġa li wieħed jistenna ħafna snin. Forsi kien hemm ukoll xi ftit nuqqas ta’ prudenza minn xi wħud. Forsi llum wara ftit snin tal-Papat tiegħu il-ġudizzju dwaru jista’ jsir aħjar.

Il-Ħadd, 24 ta’ April, fi Pjazza San Pietru saret il-quddiesa tal-bidu tal-pontifikal, bit-tqegħid tal-Palju u ­ċ-ċurkett bħala sinjal tal-bidu tal-Ministeru Petrin. Din il-quddiesa kienet imsejħa bħala l-quddiesa tal-inkurunazzjoni sal-Papa Pawlu VI. Fit-tmiem taċ­ċerimonja il-Papa dar mal-pjazza fuq il-popemobile. Huwa kalkulat li dakinhar fil-pjazza tal-Vatikan u fit-toroq tal-madwar kien hemm madwar il-ħamesmittelf ruħ. Wara ġew milqugħin id-delegazzjonijiet intenazzjonali fil-Bażilika.
 
Tajjeb ngħidu li l-Papa huwa wkoll l-isqof tal-belt ta’ Ruma. Għalhekk fis-7 ta’ Mejju, 2005, fil-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran, il-katidral tad-djoċesi ta’ Ruma, saret il-quddiesa tal-ħatra tal-isqof ta’ Ruma.

Dan il-Papa għandu rabtiet speċjali magħna l-Maltin. Minbarra li sew l-ekx President tar-Repubblika, Dr. Edward Fenech Adami kif ukoll il-President attwali, Dr George Abela, iltqgħu personalment miegħu, għadd ta’ personalitajiet oħra kellhom ix-xorti li jiltaqgħu miegħu. Tajjeb ngħidu wkoll li wieħed mis-segretarji personali tiegħu huwa Malti bħalna, Dun Alfred Xuereb. Imma forsi l-akbar avveniment li jfakkarna f’ dan il-Papa huwa l-beatifikazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca, il-Ħadd 3 ta' Ġunju 2007. Bħalma nistennew l-awguri tal-Milied bl-ilsiem Malti minn fomm il-Papa, hekk dakinhar stennejna tislima persoanli lilna l-Maltin mingħandu. U ma bqajniex b’ xejn: “Maħbubin ħuti fi Kristu, Maltin u Għawdxin. Il-paċi magħkom. San Ġorġ Preca huwa l-ewwel iben kanonizzat tal-art ħelwa tagħkom. Huwa t-tieni missier tagħkom fil-fidi wara l-Appostlu San Pawl. Huwa jitlob dejjem għalikom biex tkunu tassew ħbieb tal-Evanġelju. San Ġorġ Preca itlob għalina.” Dan kien il-messaġ li lkoll nibqgħu niftakru u ngħożżu f’ qalbna – kemm dawk preżenti fi Pjazza San Pietru – taħt xita qliel, kif ukoll kull Malti ieħor li segwa l-kanonizzazjoni fuq il-mezzi tax-xandir.

Bħala enċikliki Benedittu XVI sa issa ħareġ tlieta: Deus caritas est (25 ta’ Dicembru 2005), Spe salvi (30 ta’ Novembru, 2007) u Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju, 2009). Bħala kotba kompla jikteb mhux ħażin imma tajjeb insemmu l-ktieb Ġesù ta’ Nazaret u l-ieħor xejn inqas sabiħ L-Appostli. Il-katekeżi li jagħmel fil-laqgħat ta’ nhar ta’ Erbgħa huma miġburin f’ kotba oħrajn.


Jekk il-predeċessur tiegħu kien Papa pellegrin, dan qiegħed jimxi fuq il-passi tiegħu. Forsi mhux fil-kwantità ta’ vjaġġi imma lanqas nistgħu ngħidu li ma ħariġx mill-belt eterna. L-ewwel vjaġġ appostoliku tiegħu sar f’ art twelidu, il-Ġermanja, f’ Awwissu 2005. Is-sena ta’ wara, f’ Mejju huwa żar il-Polonja. F’ Lulju tal-istess sena huwa mar Spanja u f’ Setembru reġa żar il-Ġermanja. F’ Novembru mar it-Turkija. Fl-2007 qasam l-oċejan u f’ Mejju insibuh fil-Brażil filwaqt li f’ Settembru huwa mar l-Awstrija. Fl-2008 reġa’ qasam l-Atlantiku sabiex iżur l-Istati Uniti f’ April filwaqt li f’ Ġunju qasam l-Oċejan Indjan sabiex imexxi il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fl-Awstralja. F’ Settembru mar Franza. Fl-2009 żar il-kontinent Afrikan bi żjara fil-Kamerun u l-Angola f’ Marzu. F’ Mejju mbagħad insibuh fil-vjaġġ appostoliku tiegħu fil-Gordanja, Iżrael u l-Palestina filwaqt li f’ Settembru mar ir-Repubblika Ċeka. Għal din is-sena il-Papa Benedittu XVI għandu mħejji li jżur pajjiżna f’ April. F’ Mejju għandu jżur il-Portugall u f’ Ġunju Ċipru. Imbagħad f’ Settembru hemm imħejji vjagg fil-Gran Brittanja. Huwa għamel bosta żjarat oħra f’ diversi bliet Taljani u għandu mħejjija aktar żjajjar kemm din is-sena kif ukoll f’ dik li ġejja.

Iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu f’ pajjiżna sejra ssir biex jitfakakr l-1950 tal-miġja ta’ San Pawl fostna, liema miġja nistgħu ngħidu kienet il-magħmudija ta’ art twelidna. Il-Papa Benedittu XVI ikkonferma ż-żara tiegħu f’Malta għas-17 u 18 ta' April li ġej. Din iż-żjara tal-Papa f’Malta se ssir propju f’April, ix-xahar li fih inkunu qed niċċelebraw l-Għid tal-Mulej, l-akbar festa tal-Knisja li tagħha San Pawl għamilna membri madwar 1950 sena ilu. Jekk il-Maltin “ġiebu rwieħom [...] bi ħlewwa li ma bħala” (Atti 28, 2) fil-miġja ta’ Pawlu, ma jistax jonqos li ma jilqgħux bi kbir il-suċċessur ta’ Pietru.

 © Fr. Reno Muscat O.P.

Nessun commento:

Posta un commento