Il-kelmiet ‘massa’
u ‘folla’ huma żewġ kelmiet Taljani li nużawhom aħna l-Maltin ukoll. U spiss,
bħat-Taljani, ma nagħmlux differnza bejn iż-żewġ termini. Fil-verità massa u
folla huma żewġ realtajiet differenti. Massa huwa grupp ta’ nies b’ interess
wieħed. Folla huwa grupp ta’ nies b’ għadd ta’ interessi differenti. Inkunu
massa ta’ nies meta mmorru l-grawnd nissapportjaw ilkoll kemm aħna lill-istess
tim. Inkunu folla meta wara l-logħba noħorġu barra l-grawnd u nfittxu l-karozza
biex immorru lura lejn id-dar. Minkejja li f’ dawn iż-żewġ każi il-grupp ta’
nies huwa l-istess wieħed, imma waqt il-partita l-membri kollha tal-grupp
kellhom l-għan li jaraw il-logħba, filwaqt li wara l-logħba kien hemm min kellu
l-għan li jfittex il-karozza tiegħu, kien hemm min mar ifittex tal-linja u kien
hemm min pprova jsib lift lura d-dar. Minn dawn hemm differnza oħra, min ried
imur f’ raħal u min ried imur f’ raħal ieħor. Meta nkunu f’ sitwazzjoni bħal
din tal-aħħar niffurmaw folla.
Anke l-gruppi stess
jiddistingwu ruħhom minn xulxin. Hemm gruppi li nidħol fihom bla ma rrid u hemm
oħrajn li nidħol fihom għax hemm xi ħaġa li tiġbidni lejhom u tħajjarni
ningħaqad ma’ dak il-grupp partikulari u mhux ma’ ieħor. Il-familja hija
l-ewwel grupp li nsib ruħi fiha. Ma kienitx għażla tiegħi li nifforma parti
minn dan il-grupp. Li nifforma parti mill-massa tas-sess maskil hija frott
tan-natura. Imma li nidħol patri Dumnikan u mhux Franġiskan jew Ġiżwita jew
Agostinjan kienet għażla tiegħi. Li nissimpatizza mal-Juventus u mhux mal-Milan
jew mar-Roma jew mal-Inter, jew inkella mat-Torin minkejja li huwa tim
mill-istess belt tal-Juve kienet għażla tiegħi. Dawn huma l-gruppi li jiffurmaw
il-massa, gruppi li jnisslu fik sens ta’appartenenza. Il-folla ma tagħtikx
is-sens ta’ appartenenza li ttik il-massa.
Daqs kemm hija
ħaġa sabiħa mument fil-massa li taqbel miegħek, daqstant ieħor huwa ikraħ meta
ssib ruħek f’ massa kontrik. Darba mort nara logħba bejn il-Juve u n-Napli u
l-uniku biljett li sibt kien fil-kurva A, qalb l-Ultras Naplitani. Mhux għax jiena xi ffissat, imma tistgħu
timmaġinaw kif ħassejtni meta skurjaw il-Juve u kelli nibqa’ mwaħħal mas-siġġu
ta’ taħti. Min kien ser jażżarda jqum dak il-waqt, qalb massa ta’ Naplitani li
jekk taqtagħlhom rashom ma kienitx toħroġ qattra demm?U tistgħu timmaġinaw ukoll
x’sar minni meta n-Napli ġabu d-draw! Mhux faċli tkun f’ nofs massa li ma tkunx
tappartjeni għaliha. Ġibt eżempju b’din il-partita futbol, imma fil-ħajja ta’
kuljum hemm bosta każi fejn bniedem isib ruħu ’l barra mill-massa li tkun iddur
miegħu. Każi fi skejjel bejn studenti żgħażagħ, fuq il-postijiet tax-xogħol u
kull fejn hemm il-bniedem.
Jiġri wkoll li
kultant ngħixu ħajjitna f’ folla. Ngħixu f’ folla meta ma nkunux irridu rabta
mal-massa. Ngħix f’ folla meta nirrispetta l-opinjoni tiegħek imma daqshekk, ma
ntikx għajnuna. Kulħadd f’ dinja għalih, ħadd ma jinteressah minn ħadd! Kull ma
jmur aktar qegħdin nersqu lejn dan l-istil ta’ ħajja, bonġu u bonswa u xejn
aktar. Folla ta’ nies li taf lil xulxin minn barra imma ma tridx taf aktar.
Ningħaqad mal-grupp sakemm jaqbilli, sakemm tispiċċa l-logħba u wara kulħadd
għal triqtu. Illum spiċċa ż-żmien tal-appartenenza, ma għadux żmien li dak li
ngħożż illum nibqa’ ngħożżu għada wkoll. Qegħdin ngħix fi żmien li l-massa
qegħda tagħti l-wisgħa għall-folla. Illum anke il-valuri tal-ewwel gruppi, dawk
li ninsab fihom bla ma għażilthom jien, qegħdin imajnaw u għalhekk ma rridux
nistagħġbu meta ngħidu li qegħdin ngħixu f’folla ta’ nies li naħbtu ma’ xulxin
il-ħin kollu imma ma nafux lil xulxin, ma niffurmax massa biżżejjed. Ngħixu f’
massa superfiċċjali.
© Fr. Reno Muscat
OP
Nessun commento:
Posta un commento