Fil-jiem
tal-festi li kemm il-Qriema kif ukoll l-Ghawdxin tal-Belt Victoria lil San Ġorġ
naraw statwa b’ figura ta’ Papa. FIl-belt Pinto din l-istatwa tintrama fi Triq
Anici, filwaqt li fir-Rabat Għawdex narawha fi Pjazza Indipendenza, magħrufa
aktar bħala it-Tokk, sewwa sew quddiem il-Banca Giuratale. Min huwa dan il-Papa
li jigi rrapprezentat b’ ras ta’ bniedem f’ idejh? Huwa il-Papa Żakkarija. Ima
x’ konnessjoni hemm bejn dan il-Papa u San Ġorġ?
Statwa ta' S. Żakkarija xogħol ta W. Camilleri |
Imma
ejjew naraw ftit min kien dan il-Papa
biex hekk meta ngħaddu minn quddiem dawn l-istatwi fil-bliet Ġorġjani tagħna
jkollna idea ta’ min hu. Żakkarija kien
ġej minn familja Griega li keinet toqgħod fil-Kalabrija, imsejjħa anke il-Magna Grecia. Wara l-mewt ta’ Papa
Gregorju III, li seħħet fit-28 ta’ Novembru tas-sena 741, Żakkarija intgħażel
Papa tal-Knisja Kattolika ftit jiem wara. Fl-10 ta’ Diċembru tal-istess sena
huwa kien ikkonsagrat isqof ta’ Ruma u mexxej tad-dgħajsa ta’ Pietru. HUwa kien il 91 suċessur ta’ Pietru.[2]
Statwa ta' Renzo Cauchi li turi lil S. Żakkarija |
Żakkarija
kien diplomatiku ta’ għerf kbir li għaraf imexxi l-istati pontifiċi bl-akbar
għaqal. Kien imexxi sewwa ħafna il-qawwa militari papali. Ma ninsewx li f’ dan
iż-żmien li qegħdin insemmu, il-Papa barra li kien mexxej spiritwali tal-Insara
kien ukoll mexxex tal-istati Pontifiċji. Il-Knisja kellha l-istati tagħha li
kienu jitmexxew mill-Papa.
Fis-sena
745 huwa laqqa’ ġewwa l-Belt Eterna sinodu provinċjali fejn ikkonferma il
kundanna ta’ San Bonifaċju fuq l-Arċisqof Adalbertu ta’ Magdeburgu u ssospendih mill-episkopat tiegħu. Dan Adalbertu
jingħad li kien imdaħħal f’ għaqda ta’ sħaħar li kienu jitolbu lill-anġli
sabiex jag]mlu meravilji u għeġubijiet, ħaġa li tmur kontra il-Knisja ta’
Kristu.
Bħala kien jieħu interess
f’ dak kollu li kien qiegħed jiġri fi Franza u fil-Ġermanja. Kien favur
id-deportazzjoni tar-Re Kilderiku III ta’ Franza. Dan kien l-aħħar re Franċiż
sakemm Napuljun Bonaparti iddikkjara lilu nnifsu Re tal-Franċiżi. Kien fuq
struzzjonijiet tiegħu li Bonifaċju inkuruna lil Pippinu il-qsajjar (missier
Karlu Manju) bħala sultan.
Minbarra il-bosta knejjes
u Bażiliċi li ħa ħsieb jirrestawra, il-Papa Żakkarija irrestawra u sebbaħ
il-Palazz tal-lateran fejn wara saret ir-residenza tal-Papa sakemm ir-residenza
papali saret fil-Vatikan. Fil-knisja ta’ Santa
Marija Antiqua, fil-Palatino ta’ Ruma hemm pittura ta’ dan il-Papa.[3] Din il-pittura saret meta
l-Papa kien għadu ħaj u għadna nsibuha hemmhekk.
Minbarra li kein
diplomatiku għaref, huwa kien ukoll Papa li mexxa lill-Knisja ta’ Kristu
bl-akbar għaqal u prudenza. Żamm kemmjista’ jkun sewwa ir-relazzjonijiet
mal-Knejjes tal-Orjent. Aktrax li dan il-Papa baqa’ djaknu u ma sarx saċerdot.
Kien l-aħħar Papa Grieg. Aktarx li l-kitbiet magħrufin bħala “id-Djalogi”
attribwiti lil San Girgor il-Kbir huma tiegħu. Miet f’ Ruma fil-15 ta’ Marzu
tas-sena 752 u indifen f’ San Pietru.
Is-suċċessur tiegħu kien il-Papa Stiefnu II. Il-festa ta’ San Zakkarija
Papa issir nhar il-15 ta’ Marzu.
Għalina dan il-Papa għandu sinifikat kbir għax kien hu li daħħal il-kult
ta’ San Ġorġ martri fl-Ewropa. Bħala Grieg żgur li kellu mħabba lejn dan
il-qaddis tant popolari fil-greċja u grazzi għalih il-kult Ġorġjan infirx
fl-oċċident kollu, fosthom fil-parroċċa tagħna.
© Fr. Reno Muscat OP
- Biagia Catanzaro, Francesco
Gligora, Breve Storia dei papi, da San Pietro a Paolo VI, Padova
1975, p. 83.
- John N.D. Kelly, Gran Dizionario Illustrato dei Papi, Casale Monferrato (AL), Edizioni Piemme S.p.A., 1989, p. 249
- Webb Matilda, Santa Maria Antiqua, The Churches and Catacombs of Early Christian Rome. Brighton: Sussex Academic Press. 2001pp. 112–122.
Nessun commento:
Posta un commento