Huma bosta dawk li jikkritikaw lill-Knisja
u jakkużawha b’esegerazzjonijiet fir-rakkonti tal-qaddisin, speċjalment
il-qaddisin martri tal-ewwel sekli tal-Knisja ta’ Kristu. Jekk wieħed ma jkunx
jaf sewwa l-istorja ta’ din il-letteratura martirjali bla dubju jintebaħ li dak
li jkun qiegħed jaqra huwa esegerat, imma jekk wieħed jindaga l-għax u
l-għaliex ta’ dawn l-istejjer jifhem l-iskop tagħhom bla ma jibqa’ jsostni li
dawn huma kollha esegerazzjonijiet u nvenzjonijiet.
San Bastjan ta' Gerrit van Honthorst |
L-epoka tal-martri ħallietilna erba’ ġeneri ta’ kitbiet martirjali:
1.
Atti
2.
Passjonijiet
3.
Leġġendi
4.
Eżortazzjonijiet
Ma jidhirx li fl-orjent il-Ħaġġiografija, jew
l-istudju u l-kitba ta’ ħajjet il-qaddisin, żviluppat fil-liturġija
tal-quddiesa. Kuntrarjament fil-Knisja Latina, u fuq kollxo fil-Knisja Afrikana
ta’ żmien Santu Wistin, kien isisr il-qari tal-passjonijiet tal-martri
fil-velja li kienet issir lejlet il-jum tal-festa tal-martri.[1]
Din l-użanza insibuha aktar tard fil-lezzjonarji ta’ Spanja, tal-Gallja u ta’
Milan. [2]
L-Atti tal-martri huma fil-verità ir-rendikont
uffiċjali tal-proċessi fil-qrati tal-ewwel martri Nsara. F’ sens usa,
danit-terminu jintuza sabiex jiddeskrivi il-proċess u l-mewt tal-martri.
Jekk irridu nagħmlu klassifikazzjoni aktar
attenta għal dawn l-Atti tal-Matri, nistgħu naqsmu dawn l-Acta fi tliet kategoriji prinċipali.
Martirju ta San Ġorġ ta' Luca Cambiaso |
1. Rapporti uffiċjali mill-interrogaturi (bil-Llatino
acta, gesta). Dawk l-aktar importanti huma ftit fin-numru u dawn
saru sabiex jedifikaw il-fidili. L-Acta Martyrum Scillitanorum (“Atti tal-martri
xillitani”) huma eżempju tipiku ta’ din
il-klassi.[3]
2. Rapporti mhux uffiċjali miktuba minn
xhieda li raw b’ għajnejhom il-martirji jew min xi wħud li semgħu r-rakkonti
mingħand xhieda li raw b’ għajnejhom. F’ din il-kategorija insibu il- Martyrium
Polycarpi (il-martirju ta’ San
Polikarpu), fejn ikollna nammettu li l-immaġinazzjoni tax xhieda hija waħda
kbira ħafna. L-Acta Perpetuae et Felicitatis (“Atti ta’ Santa
Perpetwa u Santa Feliċita”) forsi huma
l-isbaħ u l-aktar magħrufin fost l-Acta kollha li waslu f’ idejna,
għaliex jinkludu noti awtografiċi ta’ Perpetwa u ta’ Saturus u relazzjoni
tal-martirju mogħtija minn xhud li ra kollox iseħħ quddiem għajnejh. Irridu
mbagħad inżidu l-Epistola Ecclesiarum
Viennensis et Lugdunensis (“Ittra mill-Knejjes ta’ Vienne u Lione”), li jirrakkontaw l-istorja
tal-martri ta’ Lione u anke xi Acta oħrajn daqstantieħor famużi.[4]
3. Dokumenti aktar tardivi mid-data
tal-martirju li nkitbu fuq kitbiet oħra minn dawk tal-ewwel jew it-tieni
kategorija u għalhekk huma suġetti għal diversi tibdiliet. Dak li jiddistingwi
dawn l-Atti minn l-Atti tal-kategoriji preċedenti huwa l-aspett letterarju
tagħhom. Il-kittieb ma keinx qiegħed jikteb xi ħaġa li ried jibqa’ fidil lejn
il-fonti jew lejn it-tradizzjoni orali. Aktarx li dawn il-kittieba kienu jiktbu
mill-ġdid xi Atti tal-martri b’ mod li jogħġob lilhom u għall-iskop tagħhom u
xejn aktar. [5]
It-tielet kategorija hija dik li l-aktr
toffrilna Atti. Fuq bażi tal-kontenut tal-kitba wieħed jista’ jiddiskuti
fit-tul dwar l-appartenenza ta’ xi Acta
f’liema kategorija titpoġġa. Studji approfonditi jistgħu jtellgħu xi Atti minn
kategorija ghall-oħra, iżda kai bħal dawn aktarx huma improbabbli. [6]
Il-Passjonijiet huma rakkonti ta’ persuni
jew grupi ta’ persuni li ħadu il-martirju. Xi drabi il-martirji kollha li
soffrew il-membri tal-grupp kienu jitpoġġew fuq persuna waħda u b’ hekk bilfors
tidher l-eseġerazzjoni. [7] Eempju ta’ dan it-tip ta’ Passjonijiet
hija il-Passjoni ta’ San Ġorġ Martri. Il-Papa Ġelasju fis-sena 494 waqt
il-Konċilju ta’ Ruma ikkundanna l-ħolqien tal-fantasija li nsibu f’ dawn
il-Passsjonijiet. [8] Dawn il-Passjonijiet ma baqgħux ikunu
maqrugħin fil-knejjes.
Dawn ir-rakkonti ma huma xejn għajr
amplifikazzjoni tal-leġġendi fi stil ta’ rumanz. L-oriġini ta’ dan il-ġeneru
letterarju kien li jkabbar il-kult jew il-glorifikazzjoni ta’ xi qaddis martri
partikolari jew ta’ post marbut ma’ xi qaddis martri. Fl-istess żmien bdew
jinkitbu il-Martirjoloġji li flimkien mal-Passjonijiet żviluppa il-qima u
l-kommemorazzjonijiet tal-qaddisin martri fil-liturġija. [9]
Santa Katerina martri pittura ta' Caravaggio |
Leġġendi huma kitbiet li għandhom l-iskop
li jkunu maqrugħin. Anke l-isem tagħhom jindika l-iskop, leġġenda hi terminu
derivat mill-verb leggere (taqra). Dawn il-leġġendi inkitbu bħala qari
tal-mogħdija taż-żmien. F’ dawk iż-żminijiet bosta kulturi kellhom il-leġġendi
tagħom, ħafna drabi minmlijin esegerazzjonijiet u bombastiċitajiet. L-Insara
wkoll bħala poplu li kull ma jmur kien qiegħed jikber ħassew il-ħtieġa li jkollhom
huma wkoll il-leġġendi tagħhom. Dan il-ġeneru letterarju għadu popolari
sal-lum, imma mhux f’ambjent reliġjuż. [10]
Eżoratazzjonijiet huma kitbiet bl-iskop li
jqawwu l-fidi fin-Nisrani li jkun fil-periklu tal-martirju, l-aktar dawk li
kienu jinstabu fil-ħabsijiet sabiex jingħatw fit kuraġġ bili jaqraw x’ għaddew
minnu il-martri Nsara ta’ qabilhom. L’eżortazzjonijet twieldu fil-kuntest
tal-persekuzzjoni. Nafu li xi Isqfijiet kif ukoll xi Nsara kif ukoll xi
komunitajiet kienu jibgħatu eżortazzjonijiet lill-membri fil-ħabs sabiex
iqawwuwlhom qalbhom u jagħmlulhom kuraġġ spiritwali. [11] dwar dawn il-kitbiet, Eusebio ta’ Ċesarea
jikteb << Il-Knejjes ilustri tagħhom (ta’ Vienne u ta’ Lione) bgħatu
ittra lill-Knisja tal-Asja u lill-Knisja tal-Frigja sabiex juruhom minn xiex
għaddew il-martri tagħhom u l-fatti kollha kif graw.>> [12]
Il-karattru komuni f’ dawn id-dokumenti
huwa l-fatt li fihom narrazzjoni li nistgħu ngħidu jirrappurtaw fedalment dak
li seħħ, dak li ġarrbu l-martri. Jirrakkontawlna l-fatti minn meta dehru
quddiem it-tribunal sakemm waslu għall-martirju. Insibu l-esekuzzjoni
tas-sentenza mogħtija fil-konfront tal-martri Nsara. Nistgħu ngħidu wkoll li
l-kitbiet martirjali kellhom dominju vast daqs il-kamp vast tal-letteratura
profana. [13] Meta wieħed jifhem u jipprova jidħol
fid-dinja ta’ dawk li kitbu dawn l-Atti, Passjonijiet, Leġġendi u
Eżortazzjonijiet ma jibqax jgħid li dawn huma kollha eseġerazzjonijiet.
© Fr Reno Muscat OP
[1] S. Saxer, Dead, martyrs, relics in
Africa in the early Christian centuries, Beauchesne,
Paris , 1980.
[2]
Ibid., p. 224.
[6] A.
Di Berardino, Nuovo Dizionario Patristico
e di Antichità Cristiane, 2a edizione, Roma, Marietti, 2007, p 3083.
[7] Ibid., p 3084.
[8] A.
Agius (ed) , San Ġorġ Megalomartri,
Qormi – Malta, Pubblikazzjoni Aniċi , 2000.
[9] A.
Di Berardino, Nuovo Dizionario Patristico
e di Antichità Cristiane, p 3087.
[10] E.
Cattaneo (ed). G. De Simone, La
letteratura martiriale, in Patres
Ecclesiae, Il Pozzo di Giacobbe, Trapani, 2008, p 247.
[11] Ibid., p. 248.
[12] Eusebio di Cesarea, Storia
Ecclesiastica/1, Libro V,1,2, Traduzione e note a cura di Franco Miglione e
Giovanni Lo Castro, Città Nuova, Roma, 2001, p 245.
[13] A.
Di Berardino, Nuovo Dizionario Patristico
e di Antichità Cristiane, p 3091.
Nessun commento:
Posta un commento