giovedì 29 novembre 2012

Il-Kardinal għad-diskoteka!


Smajt li ċertu kardinal mar New York u kif niżel mill-ajruplan wieħed ġurnalist staqsieh jekk il-ħajja ta’ bil-lejn u d-diskoteki ta’ dik il-belt kienux jinkwetawh. Il-kardinal b’ mod ċajtier dar lejn il-ġurnalist u bħala risposta għamillu mistoqsija oħra: “Hawn diskoteki fi New York? Hawn fejn tmur bil-lejl?” L-għada filgħodu fl-ewwel paġna ta’ ġurnal popolari kien hemm miktub b’ ittri kbar: “Il-Kardinal jistaqsi għan-Night Life”. Il-ġurnal inbiegħ f’ħakka t’għajn għax kull min qara dan il-kliem intela’ bil-kurżità biex jara kif spiċċat l-istorja. Fil-verità il-ġurnal ma qal xejn ħażin, imma l-mod kif tpoġġa l-kliem qajjem il-kurżita f’ bosta nies u spiċċaw xtraw il-ġurnal.
Ngħiduha kif inhi, kieku dan il-ġurnal minflok kiteb li l-kardinal staqsa għad-diskoteki kien jikteb li wasal it-tali kardinal fi New York, min kien se jixtri l-ġurnal għal din l-aħbar? Mhux għax fija nfisha ma hijiex aħbar imma għax sa filgħodu, x ħin joħroġ għall-bejgħ il-ġurnal, l-aħbar tkun qdiemet, kulħadd ikun jaf li jkun wasal kardinal fil-pajjiż. Imma l-immaġinazzjoni li dan il-kardinal għadda l-lejl jiġri minn diskoteka għall-oħra qanqlet lil bosta eluf jixtru l-gazzetta.
Din hija l-evoluzzjoni tax-xandir. In-nanniet tagħna kienu jiksbu l-aħbarijiet minn fuq iz-zuntier jew minn xi ħanut tal-inbid. Nisma’ lil missieri jgħid li darba kien sejjer l-iskola, forsi kellu sitta jew seba’ snin u fil-pjazza, fuq barra ta’ ħanut tax-xorb fejn kien hemm tromba tar-Rediffusion, kien hemm ġemgħa nies miġbura. X’ kien ġara? Mussolini kien iddikkjara gwerra! Hekkkienu jinxterdu l-aħbarijiet dak iż-żmien.  Jidhirli li t-tromba tar-Rediffiusion għadha mwaħħla fi Pjazza San Franġisk, Ħal Qormi, jekk le sa ftit snin ilu hemm kienet għadha, imma llum ħarġet bil-pensjoni, ma għadiex toffri aħbarijiet lin-nies li jkunu fil-pjazza. U bħat-tromba ġralhom il-mezzi l-oħra kollha tax-xandir. Illum min se joqgħod jistenna l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija fuq it-televiżjoni biex ikun jaf x ġara fid-dinja? Min ikun ilu ġurnata quddiem l-internet ikun jaf x’ ġara n-naħa l-oħra tad-dinja wara ftit sekondi. U min ma jkunx ġurnata sħiħa quddiem il-kompjuter xorta jaslulu l-aħbarijiet. Illum bil-mowbajls li hawn wieħed jirċievi aħbarijiet kull x’ħin irid hu. U jekk allura l-aħbarijiet tat-tmienja ma għadhomx iwasslu aħbarijiet ġodda, kemm aktar u aktar tilfu xogħolhom il-gazzetti?
B’ din l-evoluzzjoni ma seħħitx biss fil-mezzi tax-xandir imma wkoll fil-mod ta’ kif tiġi mxandra aħbar. Min jixtri ġurnal filgħodu ma għadux ifittex aħbarijiet kbar imma jfittex biss il-mod kif jiġu interpretati l-aħbarijiet li jkun diġa sema’ bihom. L-istess ħaġa tgħodd għall-aħbarijiet tat-televiżjoni.  Illum anke l-ħin tat-tmienja ma għadux marbut mal-aħbarijiet għax diversi stazzjonijiet ixandu l-aħbarijeit tagħhom jew qabel jew wara. U dan huwa vantaġġ għax tista’ tara l-istess aħbar kif tiġi mwassla b’ modi differenti! Jekk ikun hemm aħbar fuq ħmar, ġazzetta, jew stazzjon telviżiv jgħid li huwa annimal li għandu erba’ saqajn, denb u ras. Gazzetta jew stazzjon ieħor jgħid li huwa annimal b’ widnejn kbar u għoli metru u nofs. Gazzetta oħra jew stazzjon ieħor għandu mnejn isib karatteristiċi differenti għall-istess ħmar.
Modi differenti ta’ kif jitpoġġa l-kliem li fl-aħħar mill-aħħar iwassal l-istess aħbar bħal ħaddieħor. Mhux gideb, għalkemm fil-media mh u xkollox verità, imma modi diversi ta’ kif wieħed jipprova jibraħ l-attenzjoni tal-pubbliku. Min jaf dak il-ġurnalist li ġietu f’moħħu jikteb li l-Kardinal staqsa għad-diskoteki kemm ħassu kburi bis-suċċess li għamel il-ġurnal tiegħu. Min jaf kemm dam ifittex kliem mirqum sewwa biex jiddeskrivi l-miġja tal-kardinal u għalfejn staqsa għad-diskoteki! U sakemm il-ġurnalist kien qed jikteb l-artiklu tiegħu, il-kardinal min jaf x’ raqda kien rieqed!
© Fr. Reno Muscat OP 

Nessun commento:

Posta un commento