Visualizzazione post con etichetta maltin. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta maltin. Mostra tutti i post

venerdì 25 maggio 2018

L-għeruq tagħna


Ftit ilu iltqajt ma’ raġel anzjan li qalli li ilu snin isegwi l-kitbiet tiegħi. Ħadt gost u għalhekk poġġejt bilqegħda ħdejh u bdejna diskursata xi ftit twila. Il-kliem bħaċ-ċirasa ngħidu aħna l-Maltin, u tassew li hekk hu għax tibda titkellem fuq ħaġa u tispiċċa titkellem fuq xi ħaġa oħra li ma għandha x’taqsam xejn mas-suġġett. Nistħajjilni nibda mill-Mellieħa u nispiċċa Birżebbuġa. Ma’ dan l-anzjan spiċċajna nitkellmu dwar il-vjaġġi li għamel f’ħajtu. U tiskanta mill-kliem fuq is-safar fuq xiex spiċċajna nitkellmu!


Il-Brażil
Dan it-tali qalli li meta kien il-Brażil kien iltaqa’ ma bniedem Malti li fi ċkunitu kien ħalla pajjiżna u mar jgħix Londra. Hemmhekk iltaqa’ ma’ mara Brażiljana, ħadu grazzja ma’ xulxin u żżewwġu. Hi kaxkritu magħha lejn l-Amerika ta’ Isfel, sewwasew f’pajjiżha. Mhix  xi storja li qatt ma smajna bħalha din, iżda s-sabiħ tagħha hu li l-identità Maltija ta’ dan il-bniedem ma ntemmitx mal-bdil tal-kontinent. L-anzjan qalli li kien stiednu jmur id-dar tiegħu. Hemmhekk sab xi tliet statwi ta’ San Publiju għax dan il-Malti kien mill-Furjana u mal-ħitan kellu għadd ta’ nkwatri b’ritratti ta’ postijiet fil-Furjana jew persuni Furjaniżi.

Bdejna ngħidu li l-għeruq tagħna jibqgħu magħna jekk inżommuhom aħna. L-għeruq tagħna huma d-drawwiet li twelidna fihom, huma x-xeni li nafuhom sewwa għax għaddejna minnhom kemm-il darba, huma n-nies li jaqsmu l-istess post, l-istess ħajja, l-istess arja magħna. Jekk dawn inżommuhom qrib tagħna, anke jekk biss fil-ħsieb, għeruqna jibqgħu magħna, jekk inwarrbuhom jintemmu u jispiċċaw għal kollox u nkunu tlifna biċċa kbira mill-identità tagħna.

Il-ħsieb bħall-kliem
Jekk il-kliem huwa bħaċ-ċirasa, tiġbed waħda u tiġi oħra magħha, il-ħsieb mhux b’inqas minnu. Wara dan il-kliem moħħi ġera bija u ftakart f’fatt ieħor li huwa simili għal dan li rrakontali dan il-ħabib xiħ.
L-istorja bdiet meta oħt il-bużnanna tiegħi iżżewġet u emegrat lejn Tuneż.
Għandi xi qraba li lum jgħixu Marsilja fi Franza. Sirt nafhom snin ilu u llum sirna ħbieb kbar. L-istorja bdiet meta oħt il-bużnanna tiegħi iżżewġet u emegrat lejn Tuneż. Hemmhekk rabbiet familja u meta kibret baqgħet tgħix ma’ waħda minn uliedha li wkoll kellha t-tfal. Il-fatt kurjuż huwa li minkejja li dawn it-tfal qatt ma kienu ġew Malta, kienu jitkellmu bil-Malti daqsna għax nannithom dejjem bil-Malti kellmithom. Meta fis-snin ħamsin Tuneż ħa l-indipendenza minn Franza, billi dawn il-qraba tiegħi fil-bogħod, kellhom nazzjonalità Franċiża, ma baqgħux Tuneż imma telqu lejn Franza. Nannithom mietet u l-kuntatt tagħhom ma’ Malta kważi spiċċa għal kollox, sakemm koppja minnhom ġiet tqatta’ ġimgħa Malta u sabet lilna, l-familja mbiegħda tagħha. Illum għadna nżommu kuntatt ma xulxin u meta nitkellmu nużaw il-Malti. L-għeruq ta’ din il-familja għadhom ħajjin għaliex anke bejniethom jużaw il-Malti.

Darba minnhom kont mort pellegrinaġġ ġewwa Lourdes u kont għedt lil waħda minn dawn il-kuġini mbegħdin u waħħalna f’rasna li niltaqgħu. Iltqajna Lourdes u l-membri tal-grupp li kont miegħu kollha stagħġbu kif din il-mara Fanċiża titkellem bil-Malti daqsna. Għaddiet xi jiem magħna u l-hena tagħha kien li titkellem mal-Maltin, bil-Malti u meta jistaqsuha kif titkellem hekk tajjeb il-Malti bla ma hi Maltija kienet dlonk tirrispondihom li hi Maltija minn Ħal Qormi minn ta’ Galluwa, imma ma twelditx Malta. Ħadd ma kien jifhem kif kienet Maltija imma ma twielditx Malta. Imma dan huwa s-sens meta wieħed iħaddan l-għeruq tiegħu.

Għeruqna
Dan kollu jwassalni biex naħseb aktar fil-fond u nara ftit kemm aħna l-poplu tat-tielet millenju aħna kburin bl-għeruq tagħna. Tassew li llum qegħdin ngħixu f’soċjetà likwida, kif jgħidilna s-soċjologu Zygmunt Bauman. Il-bniedem ma għadux aktar stabbli, jiċċaqlaq minn post għal ieħor bħalma likwidu jiċċaqlaq f’borża tal-plastik, ma hemmx stabilità. Iżda b’daqshekk ,ma jfissirx li wieħed għadnu jitlef l-identità tiegħu. Kieku dak ir-raġel mill-Furjana ma żammx l-identità tiegħu la kien ikun Brażiljan u lanqas Malti. Allura x’kien ikun? Kieku s-sekondi kuġini ta’ missieri ma baqgħux jgħidu li huma Maltin, la kienu jkun Franċiżi, għax ma twieldux Franza u lanqas Tuneżin għax l-oriġini jew aħjar l-għeruq tagħhom mhux Tuneżin. Kieku x’kienu jkunu? Nies ta’ bla pajjiż? Imma pajjiż dejjem kellhom!

Nies bħal dawn jgħallmuna napprezzaw lilna nfusna. Jekk nitilfu l-identità tagħna nispiċċaw  poplu mejjet, poplu li xi darba kien jeżisti imma li ntemm, indifen u spiċċa darba għal dejjem. Irridu nkunu aħna li nibżgħu għall-għeruq tagħna. Nibżgħu għall-kultura, għad-drawwiet, għall-ilsien tagħna u mhux kull ma jmur aktar qed nitilfu minn dak li jagħmilna Maltin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Mejju 2018




sabato 20 giugno 2015

Destinazzjoni Lourdes

Pellegrinaġġ – ġita popolari mal-Maltin


Ta’ kull sajf, eluf kbar ta’ Maltin saru jħallu gżiritna u jmorru jqattgħu xi ftit żmien f’ xi pajjiż barrani. Hemm minn dawn il-vaganzi li huma twal u mbegħda u hemm oħrajn iqsar u tista’ ssejħilhom ukoll qrib. Waħda mill-aktar destinazzjonijeit popolari magħna l-Maltin hija l-belt ta’ Lourdes fi Franza. F’ dan il-post jingħaqad l-ispiritwali mal-profan u hemmhekk wieħed jista’ jgawdi ftit jiem ta’ mistrieħ kif ukoll iqatta’ ħin ta’ meditazzjoni spiritwali f’ post mill-isbaħ.

Bernardette Soubirous
Sal-1858 ir-raħal fil-muntanju Pirinej imsejjaħ Lourdes ftit kienu jafu bih. Kienet iċ-ċkejkna Bernardette Soubirous li bla ma kienet taf kellha tbiddel dan ir-raħal minsi f’ post magħruf mad-dinja kollha. Din it-tifla marradija kellha dehriet ta’ Sinjura liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla ma’ ġenbejha. Billi t-tifla kienet marradija u moħħa ftit li xejn kien tajjeb għall-iskola u l-istudju, bosta ddubitaw minn dawn id-dehriet u minħabba f’ hekk kellha tgħaddi minn bosta umiljazzjonijet kif ukoll tbatija. Illum il-Knisja Kattolika tagħraf li f’ dawk id-dehriet kienet il-Madonna li dehret lit-tfajla. Id-devozzjoni lejn dan il-post imxtredet mad-dinja kollha u t-titlu tal-Madonna ta’ Lourdes żdied mal-bosta titli oħrajn li kellna qabel. Anke Malta insibu żewġ parroċċi ddedikati lil Marija taħt dan it-titlu, waħda f’ San Ġwann u oħra f’ Raħal Ġdid, u ma nistgħux ma nsemmux il-kapella ħelwa li nsibu ġewwa l-Furjana li hija wkoll iddedikata lil Madonna ta’ Lourdes.

Liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla
Il-kwadru titulari ta' Bormla 
L-istatwa tal-Madonna fil-grotta ta' Lourdes
Ħaġa interessanti u forsi ftit huma dawk minna li jafuha hija li l-ilbies li dehret liebsa l-Madonna ġewwa Lourdes, jiġifieri libsa bajda b’ faxxa kaħla madwar ġenbejha, huwa l-istess ilbies li l-Madonna tidher liebsa fil-kwadru titulari tal-Immakulta Kunċizzjoni ta’ Bormla. Forsi jkun hawn min min jaħseb li l-artist tal-kwadru kien sema’ kif dehret il-Madonna ġewwa Lourdes, imma dan ma jistax ikun għaliex il-kwadru tpitter qabel id-dehriet. Fl-1828, jiġifieri 30 sena qabel id-dehriet ta’ Lourdes, Dun Ludovik Mifsud Tommasi kien qabbad lill-artist Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru tal-Kunċizzjoni sabiex jirregalah lill-kolleġġjata ta’ Bormla. Wara dan il-kwadru kellu jieħu post il-kwadru titulari tal-artist Carlo Gimach u jsir il-kwadru titulari li għadnha nsibu llum. Sa dak iż-żmien il-Madonna dejjem konna narawha mpittra b’ libsa ħamra li tfisser l-umanità, b’mant ikħal li jfisser il-qdusija – Marija bniedma imma qaddisa. Forsi koinċidenza, forsi kumbinazzjoni jew forsi Dun Ludovik kellu xi sinjal mis-sema. Ma nafx!

Pellegrinaġġ – ġita
Biex wieħed imur ġimgħa Lourdes u jibqa’ hemmhekk 24 siegħa kuljum, il-pelleġrinaġġ isir xi ftit jew wisq tedjanti għaliex minkejja li l-parti tas-santwarju hija kbira, imma xorta waħda ddur kemm iddur dejjem fl-istess post tibqa’. Għalhekk l-organizzaturi tal-gruppi jaraw li f’dawk il-jiem li fihom isir dan il-pellegrinaġġ, matul il-jum il-pellegrini jittieħdu jżuru xi postijiet ta’ interess kemm marbutin mal-grajjiet ta’ Lourdes kif ukoll postijiet oħrajn. Filgħaxijiet dejjem isiru attivitajiet fis-santwarju, fil-grotta jew fil-madwar. B’ hekk min imur ma’ dawn il-gruppi jkun jista’ jgawdi l-ġmiel naturali ta’ dawn l-inħawi ta’ Franza kif ukoll iżur postijiet ta’ interess fil-qrib u fuq kollox isib ħin għall-meditazzjoni u spiritwalità.

Xi ħbieb tiegħi, Taljani marru Lourdes u qaluli li għamlu ħamest ijiem hemmhekk bla ma marru mkien aktar. Qaluli li ħamest ijiem huma ħafna għal il-post mhux wisq kbir u f’ ġurnata jew tnejn idduru kollu. Dan huwa żball li l-organizzaturi tal-gruppi Maltin ma jagħmlux. Biex wieħed ma jiddejjaqx dawn il-gruppi jmorru jżuru postijiet kulturali wkoll.

Ġewwa u barra
It-toroq ta' Lourdes barra s-santwarju
Lourdes tista’ titqies bħala belt li fiha żewġ realtajiet. L-ewwel realtà hija dik li hemm ’il ġewwa mill-kanċelli ta’ San Ġużepp u ta’ San Mikiel. Fis-santwarju u ż-żona tiegħu hemm sens profond ta’ qdusija. Hemm tara minn kollox, hemm tara lil kulħadd, hemm tara l-fqir, tara s-sinjur, tara l-bniedem b’ saħtu u tara l-marid, tara ż-żgħir u tara l-kbir. Hemm kulħadd l-istess hemmhekk kulħadd ikun għal għan wieħed. Is-santwarji, l-grotta, il-banjijiet, il-bażilika ta’ San Piju X, kollha huma postijiet sagri.

Barra mill-kanċelli tas-santwarju hemm dinja oħra; ħwienet tal-ikel, ħwienet li jbiegħu kull xorta ta’ tifkiriet, ħwienet mimlijin żgħażagħ u oħrajn mimlijin b’ nies adulti. Barra hemm ħajja oħra li anke matul il-lejl tibqa’ attiva daqs binhar. Forsi dan huwa s-sigriet ta’ Lourdes, forsi għalhekk bosta Maltin li jmorru darba jgħidulek li jerġgħu jmorru.
Lourdes tista’ tkun destinazzjoni għal vaganza qasira u li ma tiswiex wisq flus l-anqas, tista’ tkun vaganza b’ differenza fejn wieħed jista’ jieħu gost f’ ambjent nadif f’ kull sens.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Ġunju 2015


mercoledì 19 marzo 2014

Għexna l-Konklavi minuta b’ minuta

Konna nafu li bejn il-15 u l-20 ta’ Marzu kellu jibda l-konklavi biex jintgħażel is-suċċessur tal-Papa Benedettu XVI li ta’ dimissjoni tiegħu ix-xahar ta’ qabel. Konna nafu wkoll li kien ħareġ dokument li jgħid li l-konklavi seta’ jibda qabel. Bosta ħasbu li kellu jibda fil-5 tax-xahar imma kien impossibli li jibda għax xi wħud mill-kardinali kellhom jaslu Ruma fil-11 ta’ Marzu. Il-Ġimgħa 8 tax-xahar tħabbar li l-konklavi kellu jibda it-Tlieta ta’ wara, fit-12 ta’ Marzu.

Id-dinja kollha bdiet tistaqsi x’ ser isir issa li l-Knisja tinsab bla Papa. Fil-bidu tal-konklavi, il-kardinali ħadu sehem fil-quddiesa solenni msejħa ‘Pro eligendo Romano Pontifice’. Mexxa d-dekan tal-kulleġġ tal-kardinali Angelo Sodano. Huwa invoka l-Ispirtu s-Santu sabiex jillumina lill-eletturi fl-għażla tas-suċċessur ta’ Pietru. Waranofsinhar il-kardinali eletturi libsin l-ilbies aħmar imxew f’ purċissjoni waqt il-kant tal-‘Veni Creatur Spiritu’ lejn il-kappella Sistina.  Il-kapolavur ta’ Michelangelo laqa’ lill-kardinali eleġibbli għall-vot f’ din il-kappella famuża fejn wieħed wara l-ieħor b’ idejhom il-leminija fuq l-evanġelju, ħalfu solennament li jkunu fidili għas-sigriet tal-konklavi. Iċ-ċerimonjier, Monsinjur Guido Marini lissen l-‘Extra Omnes’, kulħadd barra, cioè, kulħadd joħrog ħlief dawk li għandhom jivvutaw, iċ-ċerimonjier u l-kardinal li kellu jmexxi l-meditazzjoni qabel il-votazzjoni. Kien il-kardinal Malti Prospero Grech li għamel din il-meditazzjoni. Il-kardinali rċievew il-vot li jkun fih il-kliem: ‘Eligo in summum pontificem’ u taħt spazju biex jinkiteb l-isem tal-preferut għall-Papat. Wara li  jinkiteb l-isem, il vot jiġi mitwi fi tnejn u kardinal wara l-ieħor jitla’ lejn l-artal tan-nofs, jitfa l-vot fuq patena u mill-patena jiżżerżaq għal ġewwa l-urna tal-voti.


Dan kollu jsir il bogħad mill-għajnejn tad-dinja. Il-konklavi hija istutuzzjoni antikissima li sa minn elf sena ilu tassigura l-għażla tal-Isqof ta’ Ruma u Kap tal-Knisja Kattolika. Ritwal antik jakkumpanja t-tħejjija tal-Kappella Sistina. Mastrudaxxi u ħaddiema oħra jibnu pjattaforma tal-injam fl-art kollha tal-kappella. Dan huwa simbolu li l-kardinali waqt il-konklavi għandhom jinqatgħu mill-ħwejjeġ tad-dinja u jaħsbu u jaġixxu biss kont l-ispirtu.  Jiġi mwaqqaf il-fuklar f’ rokna tal-kappella, l-istess wieħed tal-konklavi tas-sena 1939,  biċ-ċumnija tiegħu tagħti għall-barra.  F’ dan il-fuklar jiġu maħruqin il-voti u n-notamenti tal-elezzjoni. Fuq barra tal-kappella titwaqqaf iċ-ċumnija tal-fukar b’ mod li tkun tidher sewwa mill-pjazza tal-vatikan. Jekk minn diċ-ċumnija toħroġ daħna sewda jkun ifisser li l-Papa jkun għadu ma ntagħżilx, jekk tkun bajda jfisser li d-dinja jkollha suċċessur ġdid ta’ Pietru.

It-Tlieta 12 ta’ Marzu wara l-quddiesa ‘Pro eligendo Romano Pontifice’ kelli lecture. Mort u wara tlaqt b’ ġirja lejn il-kunvent, doċċa u mill-ġdid lejn il-pjazza tal-Vatikan nistenna d-daħna. Probabbli tkun sewda! Minkejja x-xita kien hemm folla mhux ħażin. Jien isseħibt magħhom u kull ma jmur aktar bdiet tikber il-folla. Quddiem wieħed mill-monitors emormi tal-pjazza dehret bandiera ta’ Malta. Ersaqna lejha u ingħaqadna grupp ta’ xi għoxrin Malti, bejn soċi tal-Museum, patrijiet, saċerdoti, ġurnalisti, studenti tal-Erasmus li jattendu l-università ta’ Tor Vergata u oħrajn. Fis-7.42 pm dehret l-ewwel daħna miċ-ċumnija. Bla dubju sewda. Kulħadd telaq lejn daru bit-tama li għada nerġgħu niltaqgħu. Ftehmna li min kellu bandiera ta’ Malta jġibha miegħu biex b’hekk malajr nintebħu fejn inkunu.

L-erbgħa filgħodu mal-10 kont fi Pjazza San Pietru. Ix-xita donnha ma riedet tieqaf b’ xejn. Fil-11.40 dehret daħna oħra. Sewda wkoll. Kelli lecture jibda fis-1.00 pm, għalhekk kelli ftit ħin indur il-pjazza. Waqfitni ġurnalista tal-BBC għal intervista. Ma kienx hemm qassis jew patri f Ruma li f’ dawn il-jiem ma kienx imwaqqaf u ntervistat. Bħallikieku l-Extra Omnes mhux għalina wkoll. Għandhom mnejn jaħsbu li aħna s-saċerdoti nkunu nafu xi ħaġa aktar milli jkunu jafu huma. Erġajt lura fil-pjazza għall-ħabta tal-4.30 pm. Irbatt il-bandiera ta’ Malta li għandi f’ kamarti ġewwa Ruma (u li ndendilha mat-tieqa fl-10 ta’ Frar) ma’ biċċa kanna. Ix-xita ma riedet taf b’xejn. Sibt ċorma Maltin, xi wħud bil-bnadar f’idejhom jew marbuta ma għonqhom u oħrajn bil-bandiera marbuta ma’ zokk. Minkejja x-xita il-folla li kien hemm tistenna kienet kbira ħafna. Għajnejn kulħadd kienu fuq post wieħed: iċ-ċumnija ta’ fuq il-bejt tal-kappella Sisitna. Kultant kienet tpoġġi xi gawwija fuqha u fost il-poplu kienet tinstema daħqa ħafifa Fis-7.06 preċiżi deher duħħan ħiereġ miċ-ċuminja. Għall-ewwel ftit sekondi wieħed ma jkunx għadu jista’ jagħraf id-daħna tkunx bajda jew sewda, imma ftit wara deher sewwa li din id-darba l-kardinali kienu għażlu mexxej għall-Knisja ta’ Kristu. Fl-isfont tas-sema mudlam dehert daħna bajda qoton tiela’ fis-sema. L-eluf ta’ nies miġbura fil-pjazza infexxet għajjat ta’ ferħ: “Viva l Papa” – “Evviva la Chiesa”. Dak il-ħin ma nafx kontx qiegħed hemmhekk tassew jew kontx qiegħed noħlom. Il-bandiera ta’ Malta waħħaltha mal-umbrella u bdejt inxerriha. Le ma kontx qed noħlom! Il-qniepen tal-Bażilika ta’ San Pietru bdew isemmgħu leħinhom biex huma wkoll iwasslu l-aħbar lid-dinja kollha – Habemus Papam.

Madwar siegħa wara infetħet il-loġġa prinċipali u minnha ħareġ il-Kardinal Protodjaknu Jean-Louis Pierre Tauran sabiex iwassal l-aħbar li l-Knisja għandha Papa u jgħati wkoll ismu u x’ isem se jieħu. Waqa’ skiet kbir. Għexieren kbar ta’ eluf ta’ nies u kien hemm skiet taqtgħu b’ sikkina. Dak li smajna aħna li konna fil-pjazza semgħetu d-dinja kollha. Mat-tħabbir tal-isem Ġorġ Marju Bergoglio donnu s-skiet kompla jikber. Min hu? Min hu midħla tal-kurja Rumana bla dubju kien sema’ bih. Membru fil-Kongrgazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, membru fil-kongragazzjoni għall-Kleru u fil-Kongragazzjoni tal-Ħajja Kkonsagrata, membru fil-Kunsill Pontifiċju għall-Familja u membru fil-Kunsill Post Sinodali. Imma l-poplu li mhux midħla ta’ dawn il-kunsilli u kongregazzjonijiet għandu mnejn qatt ma kien sema’ bih.

Huwa twieled fis-17 ta’ Diċembru, 1936 ġewwa l-Kapitali Arġentina, Buenos Aires minn familja ta’ nisel Taljan. Studja fl università ta’ Buenos Aires u fl-1958 ingħaqad mal-Kumpanija ta’ Ġesù, il-Ġiżwiti. Għadda xi snin fiċ-Ċili u wara reġa lura lejn art twelidu. Kien ordnat saċerdot fit 13 ta’ Diċembru, 1969. Bejn l-1973 u l-1979 kien il-Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Argentina. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ħatru isqof awżiljarju ta’ Buenos Aires fl-10 ta’ Mejju, 1992. Kien ikkonsagrat isqof fis-27 ta’ Ġunju tal-istess sena. Fit-28 ta’ Frar, 1998 sar Arċisqof ta’ Buenos Aires. Fil-Konċistorju tal-21 ta’ Frar, 2001 Bergoglio inħoloq Kardinal.

L-isem Franġisku wkoll kien sorpriża. Ftit minuti wara t-taħbira, deher fil-loġġa tal-Bażilika. Mill-ewwel kliem tiegħu seraq is-simpatija tal-Insara u tad-dinja kollha. Beda billi awgura il-lejl it-tajjeb. Fl-ewwel dehra tiegħu bħala Papa ta x’ wieħed jifhem li huwa Papa ragħaj. Lanqas kienu għaddew 12-il siegħa mill-għażla tiegħu li ma marx jitlob fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore, ġewwa Ruma stess. Il-Ħadd, 16 ta’ Marzu il-Papa qaddes fil-parroċċa ta’ Sant Anna fil-Belt tal-Vatikan. F’ nofsinhar għamel l-ewwel Angelus tiegħu. Huwa stmat li madwar 300,000 persuna kienu preżenti għal dan l-Angelus. Qatt ma kont sibt ruħi f’ folla hekk kbira. Dejjem hemm l-ewwel darba!
Kien jonqos il-quddiesa tal-bidu tal-pontifikat. Intgħażel jum San Ġużepp, 19 ta’ Marzu. Ħrigt mill-kunvent fil-5.00 am. Żammewni l-puluzija fi Piazza Risorgimento. Ridt immur in-naħa l-oħra tal-Vatikan. Via della Conciliazione magħluqa, Borgo Santo Spirito magħluq. Imma waħħalt f’ moħħi li min hemm jew minn hawn nasal fejn il-palazz tas-Sant Uffizzio fejn kont miftiehem ma’ Malti ieħor. Mixja li soltu nagħmilha f’10 minuti ħadilti madwar nofs siegħa biex nagħmilha! Imma wasalt.
Fis-6.30 infetħet il-pjazza għan-nies. Ftit ftit bdiet tintela l-pjazza u t-triq ta’ quddiemha. Sa siegħa wara kullimkien kien mimli. Dakinhar kienu qegħdn jistennew folla ta’ madar miljun ruħ. Fid-9.00 il-Papa deher ħiereġ fuq il-Jeep bajda biex idur mal-folla miġbura. Fid-9.30 bdiet il-quddiesa biċ-ċerimonja tal-għoti tal-palju u ċ-ċurkett.

Mal-11.30 il-quddiesa intemmet u mal-Ite Missa Est intemmet ukoll din l-avventura li għexna fil-konklavi u fil-bidu tal-pontifikat tal-Papa Franġisku – l-ewwel Papa Sud Amerikan, l-ewwel Papa Ġiżwita, il-266 suċċessur ta’ Pietru.

Fr Reno Muscat  OP
dan l-artiklu deher f' Xandar il-Kelma April 2013