Visualizzazione post con etichetta prespju. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta prespju. Mostra tutti i post

venerdì 15 dicembre 2023

Il-Presepju Naplitan

 

Kull min għandu għal qalbu l-presepju żgur li xi darba jew oħra sema’ jew tkellem dwar il-presepju Naplitan, jew forsi għandu xi wieħed ukoll. L-arti tax-xena tan-natività Naplitana baqgħet ma nbidlitx għal sekli sħaħ, u saret parti mill-aktar tradizzjonijiet popolari u segwiti tal-Milied ta’ din il-belt. Famuża f’Napli, fil-fatt, hija t-triq magħrufa għall-presepji. Tant hu hekk li minkejja li isimha huwa Via San Gregorio Armeno, mad-dinja kollha hija magħrufa bħala t-triq tal-presepji. Din it-triq hija vetrina tas-sengħa tal-bini tal-presepji. Barra minn hekk, f’Napli hemm bosta mużewijiet li fihom hemm esebiti biċċiet storiċi jew xeni sħaħ ambjentati waqt it-twelid ta’ Ġesù.

Storja

L-ewwel darba li nsibu kitba li fiha tissemma x-xena tat-twelid ta’ Ġesù f’Napli nsibuha f’att notarili tas-sena 1021. Hawn tissemma l-knisja ta’ Santa Marija ad praesepe. F’kitba tal-1324 insibu referenza għall-kappella tal-presepju ta' Casa d'Alagni f'Amalfi. It-tradizzjoni tgħid li fl-1340 ir-Reġina Sancia ta' Aragona li kienet il-mara ta' Robertu ta' Anjou, tat lis-Sorijiet Klarissi xena tat-twelid ta’ Ġesù għall-knisja l-ġdida tagħhom. Fl-1507 Pietro Belverte minn Bergamo skolpa 28 statwa għall-patrijiet Dumnikani għall-knisja li għandhom mal-kunvent ta’ San Domenico Maggiore fil-qalba ta’ Napli.  Sa hawn għadna qed nitkellmu dwar presepji fi knejjes u figuri tal-injam. Aktarx li fl-1532 kien hemm żvilupp kbir fl-istorja ta’ dan il-presepju għax ċertu Domenico Impicciati ħoloq figurini tat-terrakotta għall-użu tal-presepji. Issa li l-pasturi ma baqgħux aktar tal-injam, bdew ikunu akar aċċessibbli għall-poplu u dan għen mhux ftit fit-tixrid tad-drawwa u tal-arti tal-presepju. Dan ma jfissirx li dawn il-presepji bdew jinsabu fid-dajr tal-poplu komuni.

Aktar tard

Fis-seklu sbatax ix-xena tan-natività bdiet tinbidel ftit ftit. Ma kienx għadu jidher biss l-għar tat-twelid iżda bdew jidħlu wkoll xeni mid-dinja profana, mid-dinja li fiha kienu jgħixu n-Naplitani. Hawn żdied l-istil Barokk u bdew jidhru rappreżentazzjonijiet bħal ngħidu aħna taverni tax-xorb, bankijiet tal-bejjiegħ tal-laħam, dawk li jbiegħu l-ħaxix  u l-frott bi qfief u mitt ħaġa oħra. Ix-xeni saru mill-isbaħ u dettaljati ħafna. Fis-seklu tmintax ix-xena tan-natività Naplitana għaddiet iż-żmien tad-deheb tagħha, u ħalliet il-knejjes fejn kienet oġġett ta’ devozzjoni reliġjuża biex tidħol fid-djar tal-aristokrazija. Nobbli u għonja bdew jikkompetu bejniethom biex jibnu xeni dejjem aktar sofistikati u elaborati. Giuseppe Sanmartino, forsi l-akbar skultur Naplitan tas-seklu tmintax, kien ta’ ħila kbira biex ifassal figuri tat-terrakotta u beda skola ta’ artisti tax-xena tat-twelid ta’ Kristu. Dan wassal biex iċ-ċentru ta’ kollox, jiġifieri Marija, Ġużeppi u l-Bambin Ġesù jitilfu miċ-ċentralità tagħhom billi fil-presepji bdew jidhru akar personaġġi bħal ragħajja u l-imrieħel tagħhom kif ukoll is-Slaten Maġi. Maż-żmien aktar artisti komplew iżidu max-xena bażika tat-twelid ta’ Kristu biex illum il-presepju Naplitan hu dak li hu.

Partikolari

Il-presepju Naplitan fih partikolarità. Illum naraw fih personaġġi magħrufin, bħal politiċi, nies tal-ispettaklu jew plejers tal-futbol. Imma hemm xi persuni li kienu marbutin mal-presepju sa minn żmien twil ilu. Benino huwa r-ragħaj li normalment jitqiegħed fuq l-ogħla għolja tax-xena tal-presepju. Huwa jkun b’rasu tistrieħ fuq ġebla taħt siġra. Madwaru jitqiegħdu xi nagħaġ bojod. Il-mara bit-tifel hija personaġġ komuni ħafna fix-xena li qed insemmu u din titqiegħed ħdejn l-għar. It-tradizzjoni popolari tgħid li verġni żagħżugħa jisimha Stefanja, wara li saret taf bit-twelid ta’ Ġesù, marret lejn l-għar biex tadurah imma l-anġli ma ħallewhiex tersaq lejn l-għar peress li nisa mhux miżżewġin ma tħallewx iżuru lill-Madonna. L-għada Stefanja ħadet ġebla, imgeżwrha fil-ħrieqi bħallikieku kienet tifel u qarraq bl-anġli, għax irnexxielha tasal sal-għar. Fil-preżenza tal-Madonna, b’mod mirakoluż, il-ġebla nbidlet f’tifel li tawh l-isem ta’ Stiefnu u għalhekk minn dakinhar, fis-26 ta’ Diċembru, bdiet tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Stiefnu. Karattru ieħor preżenti fix-xena tal-presepju Naplitana huwa s-Sajjied li huwa simbolikament is-sajjied tal-erwieħ. L-artiġjani jirrappreżentaw il-professjonijiet l-aktar klassiċi. L-aktar ħaddiema komuni li nsibu huma l-ħaddied, il-mastrudaxxa, il-ħassiela, dak li jsinn is-skieken, il-furnar u l-biċċier. Illum sar komuni wkoll dak li jagħmel il-pizza, għax tabilħaqq ma tistax tifred lil Napli mill-pizza! Iż-żingara hija mara żagħżugħa, bi ħwejjeġ mqattgħin. Iż-żingara huwa karattru tradizzjonalment marbut mat-tbassir tal-futur u s-superstizzjoni, ħwejjeġ li għandhom għeruq kbar fil-belt ta’ Napli. Ma’ dawn kollha ma jonqsux ir-ragħajja u s-Slaten Maġi.



Is-sinifikat veru u l-wirt kulturali tax-xena tan-natività Naplitana tinsab fir-realiżmu ta’ kif din tkun rapreżentata. Illum din m’għadhiex biss simbolu reliġjuż, imma xena deskrittiva, ta’ identifikazzjoni tal-komunità Naplitana. Huwa għalhekk li fil-presepju Napiltan jidhru personaġġi anke tal-lum. Illum il-ġurnata, ix-xena tat-twelid "klassika" Naplitana evolviet. Illum insibu bosta artisti ġodda u żgħażagħ li mmodernizzaw l-arti tax-xena tan-natività, ħolqu xeni differenti, aktar ġodda u oriġinali. Dan hu l-presepju Napiltan.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Diċembru 2023



sabato 14 dicembre 2019

Il-Presepju u Napli


Issa li bdejna żmien l-Avvent u kull ma jmur resqin lejn il-festa tal-Mileid, jixraq li ngħidu xi ħaġa dwar ix-xena tat-twelid ta’ Kristu kif tiġi rrapreżentata fil-presepju Napiltan. Insibu bosta presepji minn madwar id-dinja, imma dak ta’ Napli huwa xi ħaġa magħrufa minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Milied u t-tradizzjoni tal-presepju. Hemm bosta xi tgħid dwar dan is-suġġett. Din tiegħi hija biss ħarsa fuq fuq.

Differenzi
Tajjeb ngħidu li f’Napli niltaqgħu ma’ tipi ta’ presepji differenti. Aktarx li l-aktar komuni huma dawk li juru lill-Madonna, San Ġużepp u lil Ġesù Bambin biss. Dawn ikunu mlibbsa ilbies rikk u ħafna drabi nsibuhom fuq forma ta’ pedestall. Insibu wkoll il-presepju fil-bozza tal-ħġieġ. Dawn ikun fihom pasturi tat-tafal maħdumin f’Napli stess imdaħħlin f’xena tat-twelid ta’ Kristu. F’din ix-xena jitpoġġa d-dawl biex jidher aħjar id-dettall tal-presepju. Ovvjament, dan ikollu forma tonda li joqgħod f’bozza tal-ħġieġ. Imbagħad insibu l-presepju l-kbir b’ħafna persunaġġi u xeni mill-ħajja Napiltana. Il-pasturi ta’ dan il-presepju jkunu pupazzi bħal tal-ewwel presepju li semmejt. Dawn il-pupazzi, li tajjeb ngħid jistgħu jkuni ta’ qisien differenti, jkollhom ir-ras, l-idejn u s-saqajn tal-fuħħar u l-ġisem jissawwar fuq il-fildiferru imdawwar b’ħafna spag. B’dan il-mod il-ġisem tal-pastur ikun jista’ jingħata l-forma li jkun irid dak li jkun qed jaħdem il-presepju. Fl-aħħar nett il-pastur jitlibbes bi drapp skont dak il-persunaġġ li jkun qed jirrapreżenta.



Oriġini
Mhux faċli wieħed jgħid sewwa meta d-drawwa tal-presepju daħlet f’Napli. It-tradizzjoni tgħidilna li kien San Franġisk ta’ Assisi li għamel l-ewwel presepju, imma dak ma kienx fil-Campania, ir-reġjun li Napli hija l-kapitali tiegħu iżda fl-Umbria, mijiet ta’ kilometri bogħod.

Issa tajjeb ngħidu li San Franġisk għex bejn l-1182 u l-1229 iżda l-ewwel riferiment għal xi forma ta’ presepju hija qabel din id-data. F’att notarili tas-sena 1021 jissemma presepju fil-knisja ta’ Santa Marija msejħa “ad Praesepe” li tfisser tal-presepju. Tajjeb ngħidu li din il-knisja hija dik li llum nafuha bl-isem ta’ Santa Maria Maggiore fil-belt ta’ Ruma. Billi f’din il-knisja jingħad li hemm il-maxtura li kien hemm fl-għar ta’ Betlem, kien inbena presepju hemmhekk. Biss dak ta’ San Franġisk jibqa’ l-ewwel presepju ħaj, b’nies bħala pasturi.

Iżda ejjew nersqu lejn Napli. F’kitba tas-sena 1324 insibu riferiment għal presepju f’kappella ġewwa d-dar tal-familja Alagni f’Amalfi. Tabilħaqq li Amalfi ma huwiex Napli, anzi jinsab taħt il-golf Naplitan, iżda ma ninsewx li kien jagħmel parti mir-renju li Napli kien il-kapitali tiegħu. Fl-1340 mart is-Sultan ta’ Napli Robertu ta’ Angiò, is-Sutlana Sancia, tat presepju lis-sorijiet tal-Klarissi f’Napli biex jitpoġġa fil-knisja li kienu għadhom kemm bnew. Parti żgħira minn dan il-presepju għadha teżisti u tinsab fil-Mużaw Nazzjonali ta’ San Martin fil-belt ta’ Napli. Forsi dawn huma l-ewwel presepji tabilħaqq Naplitani.

Fis-seklu XV bdejna nsibu xi artisti Naplitani li bdew jaħdmu pasturi tassew artistiċi. Tajjeb ngħidu li fil-Mużew ta’ San Martin hemm sezzjoni ddedikata lill-presepju u hemm wieħed jista’ jara bosta eżempji minn dawn il-presepji li taw bidu għat-tradizzjoni tal-presepju Naplitan. Fis-sena 1532 wasal f’Napli saċerdot li meta kien Ruma kien diġà wera ġibda kbira lejn ix-xena tat-twelid ta’ Kristu. Dan is-saċerdot, li llum huwa qaddis, ma huwa ħadd għajr San Gejtanu ta’ Thiene, dak li fil-Ħamrun għandu parroċċa ddedikata għalih. Aktarx li kien hu li bena l-presepju fl-isptar magħruf bħala tal-inkurabbli, u kien hu wkoll li daħħal id-drawwa li fil-knejjes jibda’ jintrama presepju u li d-djar ukoll ikollhom ix-xena tat-twelid ta’ Kristu f’forma ta’ presepju.

Id-djar irjali mill-ewwel laqgħu din l-idea u għalhekk insibu bosta presepji li kienu ta’ palazzi rjali. Bosta familji nobbli minn Napli wkoll bdew jordnaw presepju għal darhom u għalhekk id-drawwa kompliet tinxtred. Dawk li ma kienux nobbli ma baqgħux lura u bdew jibnu xi presepju huma wkoll, sempliċi u fqir imma li xorta waħda jwassal ix-xena tal-Milied.

Fil-qalb
Illum ma ssibx dar Naplitana li ma għandiex prespju. Il-presepju daħal f’qalb in-Naplitani daqs kemm daħal San Ġennaru. Fih huma jdaħħlu karattri magħrufin bħal politiċi, atturi jew plejers tal-futbol mal-pasturi biex hekk iħossu li Kristu twieled fostom, sar wieħed minnhom. Il-presepju tant daħal fil-qalb tan-Napiltan li nsibu anke rappreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ dan is-suġġett. Il-Cantata di Natale hija rappreżentazzjoni fejn turi l-pasturi tal-presepju li jieħdu l-ħajja. Rappreżentazzjoni li fiha sitwazzjonijiet xi kultant anke komiċi li twassal biex turi t-twelid tal-Bambin. Rappreżentazzjoni oħra hija l-kummiedja Natale a casa Cupiello, fejn il-familja Cupiello, minkejja l-inkwiet li tkun għaddejja minnu, xorta jkollha l-kap li jrid jarma l-presepju u jistenna li kulħadd jgħidu kemm hu sabiħ.

Dan huwa biss ftit minn dak li wieħed jista’ jgħid fuq il-presepju u Napli, il-belt li minkejja kollox, tħoss l-ispirtu tal-Milied is-sena kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Diċembru 2019