Kull min għandu għal qalbu l-presepju żgur li xi darba jew oħra sema’ jew tkellem dwar il-presepju Naplitan, jew forsi għandu xi wieħed ukoll. L-arti tax-xena tan-natività Naplitana baqgħet ma nbidlitx għal sekli sħaħ, u saret parti mill-aktar tradizzjonijiet popolari u segwiti tal-Milied ta’ din il-belt. Famuża f’Napli, fil-fatt, hija t-triq magħrufa għall-presepji. Tant hu hekk li minkejja li isimha huwa Via San Gregorio Armeno, mad-dinja kollha hija magħrufa bħala t-triq tal-presepji. Din it-triq hija vetrina tas-sengħa tal-bini tal-presepji. Barra minn hekk, f’Napli hemm bosta mużewijiet li fihom hemm esebiti biċċiet storiċi jew xeni sħaħ ambjentati waqt it-twelid ta’ Ġesù.
Storja
L-ewwel darba li nsibu kitba li
fiha tissemma x-xena tat-twelid ta’ Ġesù f’Napli nsibuha f’att notarili
tas-sena 1021. Hawn tissemma l-knisja ta’ Santa Marija ad praesepe. F’kitba tal-1324 insibu referenza għall-kappella tal-presepju
ta' Casa d'Alagni f'Amalfi. It-tradizzjoni tgħid li fl-1340 ir-Reġina Sancia
ta' Aragona li kienet il-mara ta' Robertu ta' Anjou, tat lis-Sorijiet Klarissi
xena tat-twelid ta’ Ġesù għall-knisja l-ġdida tagħhom. Fl-1507 Pietro Belverte
minn Bergamo skolpa 28 statwa għall-patrijiet Dumnikani għall-knisja li
għandhom mal-kunvent ta’ San Domenico Maggiore fil-qalba ta’ Napli. Sa hawn għadna qed nitkellmu dwar presepji fi
knejjes u figuri tal-injam. Aktarx li fl-1532 kien hemm żvilupp kbir fl-istorja
ta’ dan il-presepju għax ċertu Domenico Impicciati ħoloq figurini
tat-terrakotta għall-użu tal-presepji. Issa li l-pasturi ma baqgħux aktar
tal-injam, bdew ikunu akar aċċessibbli għall-poplu u dan għen mhux ftit
fit-tixrid tad-drawwa u tal-arti tal-presepju. Dan ma jfissirx li dawn
il-presepji bdew jinsabu fid-dajr tal-poplu komuni.
Aktar tard
Partikolari
Il-presepju Naplitan fih partikolarità. Illum naraw fih personaġġi magħrufin, bħal politiċi, nies tal-ispettaklu jew plejers tal-futbol. Imma hemm xi persuni li kienu marbutin mal-presepju sa minn żmien twil ilu. Benino huwa r-ragħaj li normalment jitqiegħed fuq l-ogħla għolja tax-xena tal-presepju. Huwa jkun b’rasu tistrieħ fuq ġebla taħt siġra. Madwaru jitqiegħdu xi nagħaġ bojod. Il-mara bit-tifel hija personaġġ komuni ħafna fix-xena li qed insemmu u din titqiegħed ħdejn l-għar. It-tradizzjoni popolari tgħid li verġni żagħżugħa jisimha Stefanja, wara li saret taf bit-twelid ta’ Ġesù, marret lejn l-għar biex tadurah imma l-anġli ma ħallewhiex tersaq lejn l-għar peress li nisa mhux miżżewġin ma tħallewx iżuru lill-Madonna. L-għada Stefanja ħadet ġebla, imgeżwrha fil-ħrieqi bħallikieku kienet tifel u qarraq bl-anġli, għax irnexxielha tasal sal-għar. Fil-preżenza tal-Madonna, b’mod mirakoluż, il-ġebla nbidlet f’tifel li tawh l-isem ta’ Stiefnu u għalhekk minn dakinhar, fis-26 ta’ Diċembru, bdiet tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Stiefnu. Karattru ieħor preżenti fix-xena tal-presepju Naplitana huwa s-Sajjied li huwa simbolikament is-sajjied tal-erwieħ. L-artiġjani jirrappreżentaw il-professjonijiet l-aktar klassiċi. L-aktar ħaddiema komuni li nsibu huma l-ħaddied, il-mastrudaxxa, il-ħassiela, dak li jsinn is-skieken, il-furnar u l-biċċier. Illum sar komuni wkoll dak li jagħmel il-pizza, għax tabilħaqq ma tistax tifred lil Napli mill-pizza! Iż-żingara hija mara żagħżugħa, bi ħwejjeġ mqattgħin. Iż-żingara huwa karattru tradizzjonalment marbut mat-tbassir tal-futur u s-superstizzjoni, ħwejjeġ li għandhom għeruq kbar fil-belt ta’ Napli. Ma’ dawn kollha ma jonqsux ir-ragħajja u s-Slaten Maġi.
Is-sinifikat veru u l-wirt
kulturali tax-xena tan-natività Naplitana tinsab fir-realiżmu ta’ kif din tkun
rapreżentata. Illum din m’għadhiex biss simbolu reliġjuż, imma xena
deskrittiva, ta’ identifikazzjoni tal-komunità Naplitana. Huwa għalhekk li
fil-presepju Napiltan jidhru personaġġi anke tal-lum. Illum il-ġurnata, ix-xena
tat-twelid "klassika" Naplitana evolviet. Illum insibu bosta artisti
ġodda u żgħażagħ li mmodernizzaw l-arti tax-xena tan-natività, ħolqu xeni differenti,
aktar ġodda u oriġinali. Dan hu l-presepju Napiltan.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Diċembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento