sabato 9 dicembre 2023

Kollezzjoni

 

Kulħadd għandu xi passjoni, kulħadd għandu xi passatemp, min ħaġa u min oħra, imma naħseb li wieħed mill-akbar passatempi huwa il-kollezzjoniżmu. Tiskanta kemm hawn min iġemma’ ħwejjeġ differenti. Il-kollezzjoniżmu jinkludi t-tfittxija tal-ħaġa, il-lokalizzazzjoni u l-akkwist tagħha, l-organizzazzjoni tal-kollezzjoni, il-katalogar tal-oġġetti fil-kollezzjoni, aktar iva  illi le jinkludi wkoll il-wiri tal-kollezzjoni, l-irfiegħ u ż-żamma ta’ oġġetti li jkunu ta’ interess għal kollettur individwali. Dan kollu huwa xogħol ta’ kollezzjonist li jġemma’ jkun xi jkun.

Passjoni

Fid-dinja hawn min iġemma’ minn kollox, minn basktijiet tal-plastik, jew srievet tal-karti li jkollhom stampat fuqhom l-isem tar-restaurant jew xi reklam sa opri tal-arti li jiswew eluf jekk mhux miljuni ta’ ewro. Niftakar wieħed professur tiegħi, Naplitan, kellu passjoni għall-kotba. Ma jistax jonqos li l-materja li kien jgħallem dan il-professur kienet il-metodoloġija, kif tagħmel teżi għal lawra kif suppost, kif tikwota ktieb jew film jew gazzetta. Darba kellna laqgħa soċjali l-Università u dan il-professur kien ser jattendi għaliha flimkien ma’ martu. Qalilna, anzi talabna, biex ma’ martu ma nitkellmux fuq kotba. Qalilna wkoll li d-dar kien neħħa mejda u bena mejda bil-kotba għax ma kellux aktar fejn iqiegħed. Sal-kamra tal-banju kien fiha l-ixkafef għall-kotba! Staqsejnieh jekk kienx qara dawk l-eluf ta’ kotba kollha u qalilna li kieku kellu jerġa’ jitwieled mill-ġdid u jibda jaqra l-kotba li għad jonsu jaqra mill-kollezzjoni tiegħu lanqas ilestihom kollha. Imma l-passjoni hija passjoni u kull fejn jara ktieb ikun irid jixtrieh. Min jaf kemm hawn minnkom li qed jgħidu: “Bħali – dak bil-kotba u jien b’xi ħaġa oħra!”

Rekord

Hawn min jgħaddi għomru kollu jfittex u jżid mal-kollezzjoni tiegħu u għalhekk issir kollezzjoni kbira li tikser kull rekord mondjali. Naraw xi wħud minnhom.

Bettina Dorfmann minn Düsseldorf, il-Ġermanja għandha l-akbar kollezzjoni fid-dinja ta’ pupi Barbie. Huwa stmat li l-kollezzjoni tagħha sa Diċembru li għadda kien fiha ’l fuq minn 18,500 biċċa, iva, iva, tmintax-il elf u ħames mitt pupa! Il-manifatturi ta’ din il-pupa jgħidu li hawn madwar mitt elf kollettur ta’ dawn il-pupi. Biex nibqgħu fuq il-ġugarelli ngħidu wkoll li Istvánné Arnóczki li toqgħod Harsány, l-Ungerija għandha kollezzjoni ta’ Teddy Bears li fiha aktar minn 20,000 wieħed. Meta din il-mara kienet għadha żgħira dejjem ħolmot li jkollha Teddy Bear, imma minħabba l-faqar li trabbiet fih, ma ninsewx li l-Ungerija sa ftit għexieren ta’ snin ilu kienet pajjiż Komunist, qatt ma kellha wieħed. Illum xtrat u ddubbat tant li darha biddlitha f’mużew ta’ dan l-ors simpatiku.

Il-koppja Rich u Flo Newman minn Massachusetts għandhom kollezzjoni li ma nafx hawnx min iġemma’ bħalhom. Dawn iġemmgħu t-toliet paper. Huma qalu: “Bdejna niġbru toilet paper fl-1978 bħala ċajta divertenti, xi ħaġa differenti minn kollezzjonijiet oħra. Spiċċajna kompletament sorpriżi bil-varjetà ta’ toilet paper differenti li nsibu madwar id-dinja. Huma għandhom biċċiet ta’ toilet paper minn madwar id-dinja kollha, xi wħud minnhom iffirmati minn nies famużi. Heqq dan hu d-delizzju tagħhom, min ilumhom?

Bolli u muniti

L-aktar żewġ kollezzjonijiet popolari madwar id-dinja aktarx li huma dawk tal-bolli u dawk tal-muniti. Il-passatemp tal-kollezzjoni tal-bolli jissejjeħ Filatelija li tinkludi it-tfaddil u l-istudju tal-bolol postali u bolol oħrajn. Il-passjoni għat-tifdal tal-muniti differetni tissejjaħ Numismatika. Jeżistu saħansitra għaqdiet dinjija għal dawn il-kollezzjonisti. Philipp von Ferrary, Franċiż, kien magħruf fejn tidħol il-filatelija. Probabbilment kellu l-akbar kollezzjoni ta’ bolli madwar id-dinja li qatt eżistiet u huwa meqjus bħala l-akbar kollettur tal-bolli ta’ kull żmien. Ix-xewqa ta’ dan il-kollezzjonist kienet li l-kollezzjoni tiegħu tkun esebita f’mużew f’Berlin, imma minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija din ix-xewqa tiegħu qatt ma seħħet. Il-kollezzjoni tiegħu inbiegħet wara mewtu lil 14-il kollezzjonist differenti u b’hekk spiċċat maqsuma. Il-Kollezzjoni Numismatika Nazzjonali li nsibu fi Smithsonian Institution f'Washington, DC,  hija magħmula minn madwar 1.6 miljun munita u hija maħsuba li hija l-akbar ġabra ta’ flus fid-dinja. Din il-kollezzjoni kienet mibdija f’nofs is-seklu 19 u llum tiġbor fiha muniti minn madwar id-dinja kollha li xi wħud minnhom imorru lura sa tlett elef sena.

Ħabib tiegħi

Kont imsiefer u ħabib tiegħi li kien mal-grupp qalli li xtara xi ftit kalamiti li jeħlu mal-fridge. Illum sar hawn ħafna min iġemma’ dawn il-kalamiti. Mela dal-ħabib qalli: “Xtrajt dawn għal ommi, għax jien inġemma’ l-kalamiti!” Għidtlu li lil ommu ma kien xtralha xejn għax dawk kienu għalih. Wara qalli li l-kollezzjoni kienet tagħhom it-tnejn!

Illum rajna ftit ħafna dwar xi jġemmgħu n-nies. Kemm hawn aktar!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 9 ta' Diċembru 2023



Nessun commento:

Posta un commento