Ix-xwejjaħ bid-daqna bajdanija, liebes ilbies ħamrani, li jidħol fi djarna kull 24 ta' Diċembru, huwa maħbub madwar id-dinja u magħruf b'ħafna ismijiet: Father Christmas, San Nikola jew Santa Klaws. Dan huwa karattru li nsibu f'ħafna kulturi fejn hemm it-tradizzjoni tal-Milied, l-aktar fil-Punent, kif ukoll fil-Ġappun u partijiet oħra tal-Asja tal-Lvant. Minn fejn ġie u xi storja għandu?
Il-verżjonijiet kollha ta’ Santa Klaws li niltaqgħu magħhom fil-pajjiżi
li jitkellmu bl-Ingliż, ġejjin prinċipalment mill-istess figura storika: San
Nikola, isqof ta’ Mira, illum Demre, belt li tinsab fit-Turkija. Illum dan
il-qaddis huwa aktar marbut mal-belt ta’ Bari u għalhekk insejħulu San Nikola
ta’ Bari. Il-laqam Santa Klaws ġej minn Sinterklaas, l-isem Olandiż għal San
Nikola.
San Nikola
L-istorja
Issa nimmaġina li dħaltu fil-kurżità biex tkunu tafu
l-istorja li qed insemmu. L-episodju jseħħ f’Mira, belt mal-baħar madwar mitt
kilometru bogħod minn Patara, fejn Nikola x’aktarx kien mar joqgħod
mal-ġenituri tiegħu. Darba wasallu tagħrif li familja kienet għaddejja minn
żminijiet diffiċli. Sinjur, li kien waqa' f'faqar kbir, iddisprat li ma jistax
joffri żwieġ deċenti lil uliedu bniet, kien issuġġerielhom li jipprostitwixxu
lilhom infushom sabiex jiġbru biżżejjed flus għat-tieġ.
Malli sema’ proposta bħal din, Nikola ddeċieda li
jintervjeni, u li jagħmel dan skont il-parir evanġeliku: ħalli idek
ix-xellugija ma tkunx taf x’qed tagħmel il-leminija. Fi kliem ieħor, ried
jagħmel att ta’ karità, mingħajr ma n-nies ikun jafu x’għamel. Il-virtù tiegħu
kellha tkun magħrufa biss minn Alla u mhux mill-bnedmin. Għalhekk iddeċieda li
jwettaq il-ħsieb tiegħu bil-lejl. Geżwer xi muniti tad-deheb f’borża tad-drapp,
telaq mid-dar u wasal id-dar ta’ missier dawn il-bniet. Meta resaq lejn
it-tieqa, għadda idu mill-gradilja u tefa’ l-borża ġewwa. Il-ħoss tagħhom
qajjem lill-missier it-tfajliet, li ġabar il-flus u bihom organizza ż-żwieġ ta’
bintu l-kbir. Meta Nikola ra li l-missier kien uża tajjeb il-flus li kien tah,
ried jirrepeti l-ġest. Għalhekk din l-istorja ġrat għat-tieni darba sabiex
iżżewġet ukoll it-tifla l-fustanija. Issa l-missier kellu kurżità kbira biex
isir jaf min kien dak il-benefattur u għalhekk meta waslet biex it-tifla
ż-żgħira tieħu l-istat tagħha, kien jibqa’ mqajjem. Meta Nikola mar jitfa’ t-tielet
borża bil-flus, il-missier ħareġ jiġri minn daru u ftit wara sab lil Nikola.
Il-qaddis talbu biex ma jgħid xejn lil ħadd dwar dawn l-għotjiet, biss ladarba
nafu b’dawn il-fatti aħna sinjal li l-missier xi darba jew oħra fetaħ ħalqu!
Din hija biss waħda mill-istejjer marbutin ma’ dan
il-qaddis, hemm oħrajn imma llum din biżżejjed biex nifhmu r-rabta ta’ San
Nikola u Father Christmas.
U Father Christmas?
San Nikola
kien, u għadu, figura ta’ ispirazzjoni kbira tant li minkejja li l-belt fejn
twieled issa hija fil-biċċa l-kbira Musulmana, u għalhekk ma jkunx iċċelebrat
il-Milied, xorta waħda jiċċelebraw il-figura ta’ Santa Klaws.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Diċembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento