venerdì 29 dicembre 2023

SENA ĠDIDA

 

Wasalna fi tmiem ta’ sena oħra u ninsabu fuq l-għatba ta’ sena ġdida. Is-sena 2023 issa ser issir passat u ħarsitna nitfgħuha fuq l-2024. Sena ġdida għandha mnejn se ġġib magħha bidliet għalina. Min jaf sa sena oħra kemm ġrajjiet tkun għaddiet minnhom id-dinja li forsi lanqas qatt ma nobsruhom. U mhux id-dinja biss, kull wieħed u waħda minna sa bħal daż-żmien sena min jaf xi jkun għadda mingħalina, dejjem jekk inkunu għadna ma temmejniex dan il-vjaġġ li jissejjaħ ħajja!

L-ewwel ta’ Jannar

Illum nistgħu ngħidu li d-dinja kollha tibda sena ġdida fl-ewwel ta’ Jannar, imma mhux minn dejjem kien hekk. L-għażla li l-1 ta’ Jannar jitqies bħala l-ewwel jum tas-sena kienet introdotta mill-kalendarju imsejjaħ Ġuljan imdaħħal fid-dinja Rumana minn Ġulju Ċesari fis-sena 46 qabel Kristu. Qabel, l-1 ta’ Marzu kien meqjus bħala l-ewwel jum tas-sena. Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena l-Ġdida toħroġ miċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ l-alla Ruman Janus li minnu wkoll ħa l-isem ix-xahar ta’ Jannar. Minn dak iż-żmien  il quddiem dan sar il-kalendarju uffiċjali ta’ Ruma u d-dominji tagħha. Matul is-sekli l-użu tiegħu kien estiż għall-pajjiżi kollha tal-Ewropa u l-Amerika, peress li ġew Kristjanizzati jew maħkuma mill-Ewropej. Fl-1582 il-kalendarju Ġuljan ġie mibdul bil-kalendarju Gregorjan b’digriet tal-Papa Gregorju XIII. Madankollu, diversi nazzjonijiet komplew jużaw il-kalendarju Ġuljan għal bosta snin wara. Xi Knejjes li jappartjenu għall-Knisja Ortodossa għadhom jużaw il-kalendarju Ġuljan bħala l-kalendarju liturġiku tagħhom: minn dan jirriżulta li f’xi Knejjes Ortodossi l-Milied jiġi ċċelebrat fil-25 ta’ Diċembru bħal fil-Knisja Kattolika u f’oħrajn fis-7 ta’ Jannar.

Differenzi

Fil-Medju Evu, ħafna pajjiżi Ewropej baqgħu jużaw il-kalendarju Ġuljan, biss kien hemm differenzi ta’ dati li jindikaw iż-żmien tal-bidu tas-sena. Pereżempju mis-seklu 12 sal-1752 fl-Ingilterra u l-Irlanda, il-festa tal-bidu ta’ sena ġdida kienet tkun iċċelebrata fil-25 ta’ Marzu. Fi Spanja sal-bidu tas-seklu 17, il-jum tal-bidu ta’ sena ġdida kien il-25 ta' Diċembru filwaqt li fi Franza, sal-1564, il-bidu ta’ sena ġdida kien  iċċelebrat nhar l-Għid il-Kbir iżda bl-Editt ta’ Roussillon tad-9 ta’ Awwissu 1564, ġie deċiż li l-1 ta’ Jannar kellu jibda jitqies bħala l-ewwel jum tas-sena. F’Venezja, sal-waqgħa tagħha fl- 1797, is-sena kienet tibda fl-1 ta’ Marzu, filwaqt li fil-Puglia, l-Calabria u Sardinja l-bidu tas-sena kien ikun iċċelebrat fl-1 ta’ Settembru. Dawn id-differenzi, speċjalment fl-Imperu Sagru Ruman, ħafna drabi kienu jvarjaw il-bidu tas-sena minn belt għal oħra. Bqajna nsibu differenzi oħra li komplew anke wara l-adozzjoni tal-kalendarju Gregorjan. Fl-1691 il-Papa Innoċenz XII emenda l-kalendarju ta’ qablu billi stabbilixxa li s-sena għandha tibda dejjem fl-1 ta’ Jannar, ħaġa li l-kalendarju Gregorjan ma kienx stabbilixxa.

Jum il-Paċi

L-ewwel ta’ Jannar huwa wkoll jum iddedikat għall-paċi. Il-Jum Dinji tal-Paċi beda jkun iċċelebrat mill-Knisja Kattolika fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena. L-iskop tal-Jum huwa li d-dinja tiddedika l-Ewwel tas-Sena għar-riflessjoni u t-talb għall-paċi. Dan il-jum ġie stabbilit mill-Papa Pawlu VI b’messaġġ li kien wassal nhar it-8 ta’ Diċembru 1967. Il-Jum Dinji tal-Paċi ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 1968. Minn dik is-sena l- mexxej tal-Knisja Kattolika dejjem bagħat messaġġ lill-mexxejja tal-ġnus u lill-bnedmin kollha ta' rieda tajba li jistieden riflessjoni fuq it-tema tal- paċi. Il-Jum Dinji tal-Paċi ġie stabbilit ukoll mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1981, bil-għan li tissaħħaħ ix-xewqa għall-paċi fost in-nazzjonijiet u l-popli.  

Ċelebrazzjonijiet

Is-sena l-ġdida tintlaqa’ minn ħafna nies permezz ta’ ċelebrazzjonijeit tal-massa. Sa ftit snin ilu f’pajjiżna ma kinux isiru ċelebrazzjonijiet tal-massa f’dan il-jum, iżda llum l-istorja nbidlet.  Għal eluf ta’ snin kien hemm ċelebrazzjonijiet biex jiffesteġġjaw il-bidu ta’ sena ġdida. Xi drabi dawn kienu sempliċiment opportunità għan-nies biex jieklu, jixorbu u jiddevertu, iżda f'xi postijiet oħra l-festi kienu konnessi mal-arti jew avvenimenti astronomiċi. L-ewwel ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena ġew irreġistrati madwar 4,000 sena ilu fl-belt ta’ Babilonja fil-Mesopotamja tal-qedem.   Statwi tal-allat kienu jinġarru fit-toroq tal-belt, u b’dan il-mod il-Babiloniżi kienu jemmnu li d-dinja tagħhom tkun tnaddfet biex ikunu jistgħu jibdew is-sena l-ġdida.

Illum f’ħafna bliet madwar id-dinja, daħlet id-drawwa ta’ ħruq ta’ logħob tan-nar spettakolari hekk kif l-arloġġ jaqleb nofsillejl tal-31 ta’ Diċembru. Il-bidu ta’ sena  ġdida huwa żmien perfett biex tagħmel bidla għall-aħjar. Hemm ukoll it-tradizzjoni li jsiru r-riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena. Din it-tradizzjoni tinvolvi persuna li tieħu impenn li tibdel vizzju jew imġieba mhux mixtieqa. Ir-riżoluzzjonijiet tipiċi tal-Ewwel tas-Sena jistgħu jkunu li tieqaf tpejjep, tiekol ikel aktar tajjeb għas-saħħa, tagħmel aktar eżerċizzju, issir aktar organizzat  jew tidħaq aktar – iżda biex ngħidu d-dritt, riżoluzzjoni  tista’ tkun kważi kollox. Madankollu, ir-riċerka turi li ħafna riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena jfallu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 30 ta' Diċembru 2023



Nessun commento:

Posta un commento