Fil-qalba tal-belt ta’ Ruma,
f’Corso Vittorio Emanuele nsibu knisja mill-isbaħ iddedikata lill-Appostlu Sant
Andrija, li kien ħu San Pietru. Dan l-aħħar f’din il-knisja kien hemm
għall-wiri 26 presepju Malti u aktar tard din is-sena ser tittieħed ġewwa fiha
l-istatwa ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun. Għalhekk xtaqt naqsam magħkom xi tagħrif
dwar din il-knisja, anzi bażilika.
Il-bażilika tal-qaddis Appostlu
Andrija magħrufa bit-titlu della Valle tinstab f’Corso Vittorio Emanuele
kantuniera ma’ Piazza Vidoni. Il-bini ta’ din il-knisja sar bejn l-1590 u
l-1650 fuq pjanti ta’ Giacomo Della Porta (1532 – 1602), Francesco Grimaldi (1543
–1613) u Carlo Maderno (1556 –1629). Il-Kardinal Alessandro Peretti di Montalto
(1571 –1623), li kien jiġi n-neputi tal-Papa Sistu V (1585 – 1590) ħallas
għall-bini tal-knisja. L-isem della Valle ittieħed mill-palazz Della Valle
tal-qrib. Fl-1608 Carlo Maderno kien imqabbad biex ikompli l-bini tal-knisja u
biex jiddisinja l-koppla. Il-faċċata barokka li naraw inbniet bejn l-1655 u
l-1663 fuq disinn ta’ Carlo Rainaldi (1611 – 1691) li immodifika u kompla
jsebbaħ il-pjanta oriġinali li kien għamel Maderno.
Il-faċċata
Fl-ewwel ordni tal-faċċata nsibu
erba’ niċeċ, tnejn fuq kull naħa tal-bieb waħdieni li hemm fil-faċċata. Fin-niċeċ
insibu l-istatwi ta’ Sant’ Andrija Appostlu u ta’ Sant’ Andrija ta’ Avellino – qaddis
Naplitan li miet fl-1608, xogħol ta’ Ercole Ferrata (1610 – 1686) u l-istatwi
ta’ San Gejtanu u ta’ San Bastjan, xogħol ta’ Domenico Guidi (1625 – 1701). Ta’ Guidi nsibu wkoll l-anġlu
bil-lanza f’idu fuq il-pont ta’ quddiem il-kastell Sant Anġlu f’Ruma wkoll. Fuq
kull niċċa nsibu skudett b’simbolu tal-qaddis ta’ ġon-niċċa. Bejn in-niċeċ u
bejn il-bieb insibu set ta’ kolonni fuq stil korint. Fuq il-friż tal-bieb
insibu żewġ statwi ta’ żewġ nisa. Dawn huma skultura ta’ Cosimo Fancelli (1618
– 1688). Ta’ dan l-artist insibu l-anġlu li qiegħed iżomm il-maktur
tal-Veronika fuq il pont ta’ Sant Anġlu.
Fit-tieni ordni tal-faċċata naraw tieqa kbira fin-nofs u żewġ niċeċ vojta
ħdejha. Fuq naħa tal-faċċata nsibu statwa ta’ anġlu ta’ Ercole Ferrata imma fuq
in-naħa tal-lemin ma nsibu xejn. Ta’ min jgħid li ta’ dan l-artist insibu wkoll
l-anġlu li qiegħed iżomm is-salib fuq il-pont quddiem il-Kastell Sant Anġlu. Fuq insibu fontispizju triangulari.
Fuq ġewwa
Il-knisja minn ġewwa fiha forma ta’ salib Latin, b’korsija wiesgħa u bi tmien kappelli fil-ġnub. Fost dawn il-kappelli nsibu dik ta’ Ginnetti Lancellotti, xogħol ta’ Carlo Fontana(1638 –1714), il-kappella Strozzi, xogħol ta’ Giacomo Della Porta (1532 – 1602) fuq disinn ta’ Michelangelo (1475 – 1564), il-kappella Barberini ta’ Matteo Castelli (ċ 1555 – 1632). F’dawn il-kappelli nsibu, fost bosta opri oħra, l-istatwa tal-bronz li hija kopja tal-Pietà ta’ Michelangelo. Din saret fl-1616 minn Matteo Gregorio de Rossi (1570-1637). Insibu wkoll l-istatwa ta’ San Ġwann Battista ta’ Pietru Bernini (1562 – 1629), xogħol tal-1615 u l-istatwa ta’ Santa Marta, xogħol tas-sena 1621 li ħarġet minn idejn Francesco Mochi (1580 – 1654). Iż- żewġ kappelluni huma ddedikati lil San Gejtanu, fundatur tal-patrijiet Teatini li f’idejhom tinsab din il-bażilika. In-naħa tal-abside nsibu żewġ kappelli oħra. Dawn fihom affreski li juru l-martirju, it-tislib u d-difna ta’ Sant Andrija, xogħol tal-Kalabriż Mattia Preti (1613 – 1699). Dawn l-affreski saru bejn l-1650 u l-1651. Il-koppla fiha pittura li turi l-glorja tas-sema, pittura ta’ Giovanni Lanfranco (1582 – 1647). Il-pittura saret fl-1625. Fil-lunetti tal-koppla nsibu l-pittura tal-Evanġelisti, xogħol ta’ Domenico Zampieri magħruf bħala Domenichino minħabba l-istatura ċkejkna tiegħu (1581 - 1641). F’ din il-knisja nsibu midfun lill-Papa Piju II (1458 – 1464).
Kwadru titulari
Kurżità
Marbuta ma’ din il-knisja nsibu
l-Opra Mużikali ta’ Giacomo Puccini (1858 – 1924) Tosca. L-ewwel att ta’ din
l-opra huwa ambjentat fil-kappella Barberini ta’ din il-knisja. Din il-bażilika
tista’ titqies bħala l-ewwel eżempju ta’ arkittettura barokka f’Ruma minħabba l-kuluri tal-affreski tal-koppla u
tal-arzella, il-kappelluni wiesgħin mimlijin skultura u opri tal-arti kull fejn
iddawwar wiċċek.
Teatini
Tajjeb ngħidu xi ħaġa żgħira dwar
dawk li f’idejhom tinsab din il-bażilika. Il-kjeriċi regolari Teatini huma
istitut reliġjuż maskili li twaqqfet f’Ruma fl-14 ta’ Settembru 1524 minn San Gejtanu
Thiene, Gian Pietro Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, Bonifacio de' Colli u Paolo Consiglieri,
ilkoll membri tal- Oratorju tal-Imħabba Divina f'Ruma, bil-għan li jirriformaw
il-kleru u jirrestawraw ir-regola primittiva ta' ħajja appostolika.
Din hija waħda mill-knejjes sbieħ
ta’ Ruma li din is-sena żgur li bosta Maltin sejrin iżuru.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Jannar 2024
Nessun commento:
Posta un commento