Il-ħolm huwa fenomenu marbut mal-irqad,
b'mod partikolari mal-fażi magħrufa
bħala Rapid Eye Movement jew fil-qosor REM. Huwa kkaratterizzat minn
dehriet ta’ xbihat u ħsejjes li jidhru reali. Ma hemm l-ebda definizzjoni
bijoloġika universalment aċċettata tal-ħolm. Intant mhux l-iskop tiegħi li dan
l-artiklu jkun wieħed xjentifiku. L-ewwel nett jiena mhux xi xjenzat.
REM
Semmejt fil-bidu l-fażi REM u għalhekk
inħoss li ta’ min jgħid xi ħaġa żgħira dwarha biex xejn xejn dak li jkun isir
jaf xi tkun.
Sens
metaforiku
Il-kelma “Ħolma” sikwiet nużawha f’sens
metaforiku. Minkejja li ħolma tista’ tkun kemm sabiħa kif ukoll kerha, nassumu
li din tkun sabiħa u ngħidu: “Il-ħolma ta’ ħajti hi . . . “ u nżidu dik
ix-xewqa li jkollna, bħal pereżempju “. . .
li nara t-tim favorit tiegħi jilgħab,” jew “ . . . li nżur dak il-pajjiż, “ jew “. . . li niltaqa’
ma’ dik il-persuna.” F’dan is-sens metforiku nfissru xi jkunu dawk ix-xewqat li
jkollna f’qalbna bit-tama li dawn ma jibqgħux xewqat imma jseħħu tabilħaqq.
Frażi dwar dan is-sens ta’ ħolm kien qalha Martin Luther King, frażi li
għadha magħrufa ħafna. Huwa kien qal: “I have a dream.” Il-ħolma ta’ Luther
King kienet li s-suwed fl-Amerika ma jibqgħux trattati bħala nies tat-tieni jew
it-tielet klassi. Kien qalha nhar it-28 ta’ Awwissu tas-sena 1963 quddiem
il-monument tal-President Amerikan Abraham Lincoln f’Washington D.C. Il-ħolma
li tkellem dwarha Luther King dakinhar saret u għadha l-ħolma ta’ ħafna u mhux
fl-Amerika biss.
Ħolm fil-Bibbja
Fil-Bibbja insibu siltiet fejn niltaqgħu mal-ħolm. Fil-Ktieb tal-Ġenesi
(Ġen 40:8), il-patrijarka Ġużeppi jattribwixxi kemm il-profezija kif ukoll il-kapaċità
li tinterpreta l-ħolm bħala rigal mingħand Alla. Ġużeppi jfisser il-ħolma tal-Fargħun
li jara seba’ baqriet ħoxnin u seba’ baqriet nexfin : ħadd ma kien jaf
jinterpreta l-ħolma, sakemm jissejjaħ. Ġużeppi. L-interpretazzjoni ta’ din il-ħolma
hija waħda profetika iżda tieħu wkoll karattru reliġjuż: Ġużeppi, fil-fatt,
jaħseb li hija teofanija, jew viżjoni mibgħuta direttament minn Alla. Forsi din
hija l-aktar ħolma magħrufa fil-Ġenesi imma fl-istess ktieb insibu l-ħolma ta’
Abimelek (Ġen 20:3) Hawn insibu li Alla ġie billejl fil-ħolm għand Abimelek u
qallu: “Arak, int se tmut minħabba l-mara li ħadt, għax hi miżżewġa.” Ġakobb
kellu ħolm wkoll. Huwa ra sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu fis-sema; u
beda jara l-anġli telgħin u niżlin miegħu (Ġen 28: 12). Ħolma oħra ta’ Ġakobb
insibuha fl-istess ktieb Kapitlu 31, versi 11, 12 u 13. Hawn naqraw hekk: U
l-anġlu ta’ Alla sejjaħli fil-ħolm: ‘Ġakobb!’ U jien weġibt: ‘Hawn jien.’ U
qalli: ‘Erfa’ għajnejk u ara l-imtaten kollha li telgħin fuq in-nagħaġ huma
mżewqa, imnaqqxa u mtektka, għax jien rajt kulma għamillek Laban. Jiena Alla
ta’ Betel, fejn int dlikt plier u għamiltli wegħda. Qum issa, oħroġ minn din
l-art u erġa’ lura lejn art twelidek.’ ”
Fit- Testment il-Ġdid niftakru fil-ħolm
li kellu Ġużeppi biex jieħu lil Marija b’martu (Mt 1 : 20) u biex jaħrab lejn
l-Eġittu, hu, martu u binha (Mt 2 : 13). Is-Slaten Maġi wkoll kellhom twissija
fil-ħolm biex ma jmorrux għand Erodi (Mt 2: 12). Meta kien wasal iż-żmien biex
il-familja terġa’ lura lejn artha Ġużeppi kellu ħolma oħra (Mt 2 : 19) Niftakru
fil-ħolma li kellha Claudia Procula, mart Ponzju Pilatu waqt li żewġha kien qed
jiddeċiedi jekk jikkundannax jew le lil Ġesù għall-mewt. Il-mara fehmet billi
tinterpreta l-ħolma tagħha li r-raġel kien innoċenti (Mt 27 : 19). Insibu aktar
ħolm fil-Bibbja.
Il-ħolm huwa parti mill-ħajja tagħna li
minkejja li għadu mhux spjegat mija fil-mija jiteressana lkoll.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Jannar 2024
Nessun commento:
Posta un commento