Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, meta l-Arċisqof ta’ Mons.
Malta Charles J. Scicluna kien qiegħed iqaddes fis-Santwarju Parrokkjali
tal-Madonna ta’ Fatima li nsibu fi Gwardamanġa Tal-Pietà, ħabbar li kien laqa’
t-talba tal-komunità ta’ din il-parroċċa biex l-istatwa tal-Madonna li nsibu
fl-apside fuq l-artal tkun inkurunata. Il-poplu preżenti laqa’ din il-bxara
b’ferħ u ċapċip għax din ma hijiex xi ħaġa komuni. Ejjew nagħtu ħarsa lejn
ir-raħal ta’ Tal-Pietà u din l-okkażjoni.
Il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima tinsab fuq
l-għolja ta’ Gwardamanġa u s-santwarju nbena mill- patrijiet Dumnikani fl-1952.
Kien bl-għajnuna tal-provinċjal tagħhom, Patri Esmond Klimeck li l-knisja
setgħet tinbena u ssir ċentru tal-Kruċjata tar-Rużarju. Il-knisja nfetħet
fl-1955 u saret parroċċa fl-1968.
Ix-xbieha tal-Madonna li llum ser tkun inkurunata hija tal-injam. Din l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Hija kienet minquxa mid-ditta Casa Estrella f’Porto l-Portugall. Jingħad li madwar id-dinja kollha 3 biss huma x-xbihat tal-Madonna ta’ Fatima ta’ dak id-daqs maħduma fl-injam. Waħda minnhom tinsab fostna. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-Parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-Santwarju ta’ Gwardamanġa Tal-Pietà.
Il-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima kompliet tikber. Il-bini
tal-qasam tad-djar kompla żied il-ħidma tal-patrijiet li jmexxu din
il-parroċċa. Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex
tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu
Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u
proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971. Berikha l-provinċjal ta’ dak
iż-żmien Patri Ewġenju Cachia nhar id-9 ta’ Ottubru tal-istess sena. Fit-13 ta’
Ottubru saret l-ewwel festa biha.
Inkurunazzjoni
Id-drawwa tal-inkurunazzjoni ilha teżisti minn żmien
il-qedem. Sultan, Prinċep, Imperatur jew forom oħra ta’ mexxejja kienu jkunu
nkurunati. Anke l-Papa kien ikun inkurunat. Fil-Knisja Kattolika din id-drawwa
ma kinitx limitata purament għal prinċep jew papa iżda bdew ikunu inkurunati
wkoll xbihat. Din il-prattika bdiet fl-Italja. Bi tweġiba għall-moviment ikonoklastiku
appoġġjat mill-Kalvinisti, patri Franġiskan Kapuċċin, Girolamo Paolucci di
Calboldi di Forlì (1552–1620), ħabrek għall-inkurunazzjoni ta’ xbihat sagri
bħala tweġiba għax-xiżmatiċi u fis-27 ta’ Mejju 1601 inkuruna lill-Madonna
fis-Santwarju ta’ Santa Maria della Steccata f'Parma, l-Italja. Il-Konti
Alessandro Pallavicini kien ta’ għajnuna kbira għal di Calboldi. Qabel mewtu,
Pallavicini ħalla legat li assigura li dawn il-prattiċi jkunu ppreservati
għas-snin ta’ wara. Fl-1780
ġie stabbilit ritwal għall-inkurunazzjonijiet, bl-isem Ordo servandus in tradendis coronis aureis. Sa dak iż-żmien,
it-talbiet għall-inkurunazzjonijiet solenni kienu saru numerużi. Il-Knisja,
fil-prudenza tagħha, meta tevalwa t-talbiet, dejjem fittxet tliet
karatteristiċi: l-istoriċità (awtentiċità storika) tad-devozzjoni, l-attributi
mirakolużi jew il-garanzija tal-preservazzjoni tal-qima lejn ix-xbieha.
Mill-1981, id-deċiżjoni jekk xbieha tkunx inkurunata jew le ma baqgħetx f’idejn
il-Vatikan imma għaddiet f’idejn l-ordinarju, l-Isqof, l-Arċisqof jew
il-Kardinal tad-djoċesi tal-post.
L-ewwel xbieha Marjana, inkurunata b'ċerimonja mingħajr
l-approvazzjoni papali diretta, saret mill-Kardinal Orazio Spinola
għall-Madonna tad-Dwieli meqjuma fil-Bażilika ta' Santa Maria delle Vigne
f'Ġenova fil-5 ta' April 1616. L-ewwel xbieha ta’ Marija li ġiet inkurunata
pontifikament kienet il-pittura ta’ Lippo Memmi magħrufa bħala La Madonna della
Febbre fis-sagristija tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma fis-27 ta’ Mejju 1631.
L-ewwel xbieha Marjana inkurunata pontifikament barra minn Ruma kienet
il-Madonna ta' Trsat fil-Kroazja fit-8 ta' Settembru 1715. L-ewwel xbieha
Marjana nkurunata personalment minn Papa nnifsu kienet il-Madonna del Popolo
fit-3 ta' Ġunju 1782 mill-Papa Piju VI fil-Katidral ta' Ċesena.
F’Malta l-ewwel xbieha Marjana inkurunata hija dik li nsibu
fis-santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta li saret fl-1881. Hemm numru ieħor
ta’ xbihat Marjani oħra inkurunati; L-Imdina, fil-Belt Valletta, Il-Mellieħa,
Bormla, L-Isla, ir-Rabat Malta, Birkirkara, Ħaż-Żabbar, il-Mosta kif ukoll
l-aħħar xbieha inkurunata f’Tas-Sliema. Għawdex insibu l-Madonna inkurunata
L-Għarb, Ir-Rabat, Iż-Żebbuġ, Kerċem, il-Qala u x-Xagħra. Illum ma’ din
il-lista tiżdied dik ta’ Tal-Pietà.
Programm ta’ festi
Għal din l-inkurunazzjoni tħejja programm li beda nhar
is-Sibt 13 ta’ April billi l-istatwa li ser tkun inkurunata ttieħdet
fis-Santwarju tal-Mellieħa. Il-Ħadd 21 ta’ April sar pellegrinaġġ bil-muturi li
akkumpanja din l-istatwa mis-Santwarju tal-Mellieħa sal-Bażilika ta’ San
Duminku fil-Belt Valletta. Is-Sibt 27 ta’ April din ix-xbieha nġarret
f’pellegrinaġġ mill-Belt sa Tal-Pietà. Matul il-ġimgħa li għaddiet saru bosta
attivitajiet reliġjużi fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà filwaqt
li l-qofol tal-festi jilħaq illum meta l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J.
Scicluna jpoġġi l-kuruna fuq ras il-Madonna. Din il-kuruna saret fuq disinn
tal-Artist Gabriel Farrugia filwaqt li x-xogħol tal-arġenterija fuqha sar
mill-artist stess u mis-Sur Joe Duca. Il-festi jkomplu wara u t-Tnejn 13 ta’
Mejju, li jkun il-jum tal-Ewwel dehra ta’ Fatima, isir pellegrinaġġ bl-istatwa
inkurunata. Il-festi jagħalqu nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju bil-premier
tal-Oratorju li jġib l-isem “Is-Sultana ta’ Raħal il-Ħniena” li għandu lirika
ta’ Patri Reno Muscat O.P. u mużika ta’ Mro. Ray Sciberras. Teseġwixxi dan
l-oratorju l-banda tas-Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima tal-istess
lokalità taħt it-tmexxija ta’ Mro Andrea Cassar. Jieħdu sehem is-Sopran
Christine Dalli, it-Tenur Alan Sciberras, il-Baritonu Albert Buttigieg kif
ukoll il-Kor Mirabitur. In-narratur ta’
dan l-oratorju jkun Edward Camilleri.
Minn hawn nixtieq nistedinkom tattendu għal dawn
l-attivitajiet li qed isiru għal din l-inkurunazzjoni – okkażjoni unika mhux
biss għar-raħal u l-parroċċa ta’ Tal-Pietà imma għal Malta kollha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 5 ta' Mejju 2024
Nessun commento:
Posta un commento